Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żgħażagħ li Jfaħħru lil Ġeħova Jsebbħu Ħajjithom

Żgħażagħ li Jfaħħru lil Ġeħova Jsebbħu Ħajjithom

“L-​Għajnuna Tiegħi Ġejja Mingħand Ġeħova”

Żgħażagħ li Jfaħħru lil Ġeħova Jsebbħu Ħajjithom

“IRRID l-​aqwa li l-​ħajja għandha x’toffri!” Hekk iddeskriviehom l-​istennijiet tiegħu żagħżugħ adoloxxenti. Imma kif jistaʼ żagħżugħ jikseb l-​aqwanett mill-​ħajja? Il-​Bibbja twieġeb ċar u tond: “Ftakar f’min ħalqek f’jiem żgħożitek.”​—Koħèlet 12:​1.

M’humiex biss l-​adulti li għandhom ifaħħru u jaqdu lil Ġeħova. Samwel, bin Elkana u Anna, kien għadu żgħir ħafna meta qeda lil Ġeħova fit-​tabernaklu. (1 Samwel 1:​19, 20, 24; 2:​11) Tfajla Ebrajka t’età żgħira wriet fidi assoluta f’Ġeħova meta ssuġġeriet lil Nagħman, il-​kap taʼ l-​armata Sirjana, imur għand Eliżew sabiex ifiq mill-​ġdiem. (2 Slaten 5:​2, 3) F’Salm 148:​7, 12, kemm is-​subien u kemm il-​bniet huma kmandati jfaħħru lil Ġeħova. * Meta kien għad għandu 12-il sena, Ġesù interessa ruħu bil-​kbir fis-​servizz taʼ Missieru. (Luqa 2:​41-​49) Minħabba t-​taħriġ li ħadu mill-​Iskrittura, xi subien li raw lil Ġesù fit-​tempju għajtu: “Salva, nitolbuk, lil Bin David!”​—Mattew 21:​15, 16.

Ifaħħru lil Ġeħova Llum

Illum, ħafna żgħażagħ fost ix-​Xhieda taʼ Ġeħova huma kburin bit-​twemmin tagħhom u jitkellmu dwaru bil-​kuraġġ fl-​iskejjel u f’postijiet oħrajn. Ikkunsidra żewġ eżempji.

Fil-​Britannja, il-​klassi taʼ Stephanie, li għandha 18-il sena, kienet qed tiddiskuti l-​abort u kwistjonijiet morali oħrajn. L-​għalliem sostna li l-​abort issa qed jiġi aċċettat minn kulħadd u li ebda żagħżugħa m’għandha għalfejn toġġezzjona għal din il-​proċedura. Meta kulħadd fil-​klassi qabel maʼ din l-​opinjoni, Stephanie ħassitha mġagħla tiddefendi l-​pożizzjoni tagħha bbażata fuq il-​Bibbja. L-​opportunità biex tagħmel hekk ġiet meta l-​għalliem staqsa lil Stephanie x’kienet l-​opinjoni tagħha. Għalkemm għall-​ewwel beżgħet xi ftit, Stephanie użat l-​okkażjoni biex tippreżenta l-​ħarsa Skritturali. Qalet fil-​qosor xi jgħid Eżodu 21:​22-​24 u spjegat li jekk kien ħażin li tweġġaʼ lil tarbija mhix imwielda, allura ovvjament l-​abort huwa kuntrarju għar-​rieda t’Alla.

L-għalliem, membru tal-​kleru, qatt ma kien qrahom dawn il-​versi. Permezz tax-​xiehda qalbiena tagħha, Stephanie kellha ħafna diskussjonijiet interessanti maʼ sħabha tal-​klassi dwar diversi suġġetti. Waħda mit-​tfajliet issa taċċetta regolarment l-​aħħar ħarġiet taʼ It-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ!, u tnejn oħra attendew konvenzjoni distrettwali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova biex jaraw lil Stephanie titgħammed b’simbolu tad-​dedikazzjoni tagħha lil Alla.

Vareta, li għandha sitt snin u li tgħix fis-​Surinam, fl-​Amerika t’Isfel, ħatfet l-​opportunità biex tfaħħar lil Alla meta l-​għalliema tagħha kellha bżonn il-​faraġ mill-​Iskrittura. Meta ġiet lura wara li kienet ilha nieqsa tlett ijiem, l-​għalliema staqsiet lill-​istudenti tagħha jekk kinux jafu għala ma ġietx. Huma wieġbu, “Kont marida, hux hekk?” “Le,” wieġbet l-​għalliema. “Mietet oħti, u għandi qalbi sewda għall-​aħħar. Għalhekk, tridu toqogħdu kwieti.”

Dakinhar wara nofsinhar, waqt li ommha kienet qed tieħu nagħsa, Vareta qagħdet tqalleb il-​paġni tar-​rivisti naqra antiki u taqra t-​titli. Sabet It-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 taʼ Lulju, 2001, bit-​titlu “Hemm Ħajja Wara l-​Mewt?” Mimlija entużjażmu, hi qajmet lil ommha u qaltilha, “Ma, ma, ara x’sibt! Rivista għall-​għalliema tiegħi dwar il-​mewt!” Ir-​rivista ntbagħtet lill-​għalliema b’ittra mingħand Vareta. Hi kitbet: “Din hi speċjalment għalik. Fil-​Ġenna taʼ l-​art int se terġaʼ tara lil oħtok għaliex Ġeħova qatt ma jigdeb. Hu wiegħed li jġib ġenna, mhux fis-​sema, imma fuq l-​art.” L-​għalliema esprimiet l-​apprezzament profond tagħha għall-​faraġ ibbażat fuq il-​Bibbja li pprovdewlha dawn l-​artikli.

Jibnu għall-​Futur

Ġeħova hu “l-​Alla l-​hieni,” u jrid li ż-​żgħażagħ ikunu henjin. (1 Timotju 1:​11) Il-​Kelma tiegħu tgħid: “Gawdi ż-​żgħożija tiegħek. Kun hieni waqt li għadek żagħżugħ.” (Koħèlet 11:​9, Today’s English Version) Ġeħova ma jarax biss il-​preżent imma wkoll ikun jaf bil-​konsegwenzi futuri kemm taʼ mġiba tajba u kemm taʼ mġiba ħażina. Hu għalhekk li l-​Kelma tiegħu twissi liż-​żgħażagħ: “Ftakar f’min ħalqek f’jiem żgħożitek qabel ma jaslu jiem in-​niket, u joqorbu s-​snin li tgħid għalihom: ‘Xejn ma jogħġbuni.’”​—Koħèlet 12:​1.

Iva, Ġeħova jixtieq li ż-​żgħażagħ igawdu bis-​sħiħ l-​għotja prezzjuża tal-​ħajja. Billi jiftakru f’Alla u jfaħħruh, iż-​żgħażagħ jistaʼ jkollhom ħajja sodisfaċenti u premjanti. Anki meta jħabbtu wiċċhom maʼ l-​isfidi, huma jistgħu jgħidu bil-​fiduċja: “L-​għajnuna tiegħi ġejja mingħand Ġeħova.”​—Salm 121:​2, NW.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 4 Ara t-​2005 Calendar of Jehovah’s Witnesses, Marzu/April.

[Kumment f’paġna 9]

“Faħħru l-​Mulej minn fuq l-​art, . . . żgħażagħ [irġiel] u x-​xbejbiet ukoll.”—SALM 148:​7, 12

[Kaxxa f’paġna 8]

ĠEĦOVA JAPPOĠĠA LIŻ-​ŻGĦAŻAGĦ

“Inti, Sidi, it-​tama tiegħi; Mulej, inti l-​fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.” —Salm 71:​5.

“[Alla] ixabbaʼ bil-​ġid snin ħajtek, u bħal taʼ l-​ajkla tiġġedded żgħożitek.”—Salm 103:​5.