“Kontu Mixtrijin bi Prezz”
“Kontu Mixtrijin bi Prezz”
“Kontu mixtrijin bi prezz. Għalhekk, igglorifikaw lil Alla.”—1 KORINTIN 6:20.
1, 2. (a) Skond il-Liġi Mosajka, l-ilsiera Iżraelin kif kellhom jiġu trattati? (b) Liema għażla kellu l-ilsir li kien iħobb lil sidu?
“FID-DINJA tal-qedem kienet xi ħaġa komuni u aċċettata minn ħafna li wieħed ikun ilsir,” jgħid il-Holman Illustrated Bible Dictionary. Dan iżid: “L-ekonomija taʼ l-Eġittu, il-Greċja, u Ruma kienet ibbażata fuq ix-xogħol taʼ l-ilsiera. Fl-ewwel seklu tal-Kristjanità, wieħed minn kull tlieta fl-Italja u wieħed minn kull ħamsa f’pajjiżi oħra kien ilsir.”
2 Għalkemm il-jasar kien jeżisti wkoll f’Iżrael tal-qedem, il-Liġi Mosajka kienet tiżgura li l-ilsiera Ebrej jirċievu protezzjoni. Per eżempju, il-Liġi kienet titlob li Iżraeli ma setax jaqdi bħala lsir iktar minn sitt snin. Fis-sebaʼ sena, kellu “joħroġ ħieles b’xejn.” Imma r-regolamenti rigward kif kellhom jiġu trattati l-ilsiera tant kienu ġusti u mimlijin mogħdrija li l-Liġi taʼ Mosè għamlet dan il-provvediment: “Jekk l-ilsir jgħid: ‘Jien inħobb lil sidi, lil marti, u lil uliedi, ma noħroġx ħieles,’ sidu jieħdu quddiem Alla, u jġibu ħdejn il-bieb jew mal-ġenb tal-bieb, u hemm itaqqablu widintu b’xifa, u jibqaʼ lsir tiegħu għal dejjem.”—Eżodu 21:2-6; Levitiku 25:42, 43; Dewteronomju 15:12-18.
3. (a) X’tip taʼ jasar aċċettaw il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu? (b) Xi jqanqalna naqdu lil Alla?
3 Il-provvediment tal-jasar volontarju pprovda ħarsa bil-quddiem tat-tip taʼ jasar li jinsabu fih il-Kristjani veri. Per eżempju, il-kittieba Bibliċi Pawlu, Ġakbu, Pietru, u Ġuda identifikaw ruħhom bħala lsiera t’Alla u taʼ Kristu. (Titu 1:1; Ġakbu 1:1; 2 Pietru 1:1; Ġuda 1) Pawlu fakkar lill-Kristjani Tessalonikin li kienu ‘daru lejn Alla mill-idoli tagħhom biex jitjassru għal Alla ħaj u veru.’ (1 Tessalonikin 1:9) X’qanqal lil dawk il-Kristjani biex minn jeddhom isiru lsiera t’Alla? Sewwa, x’kien iqanqal lil ilsir Iżraeli biex jiċħad il-libertà persunali tiegħu? Mhux l-imħabba għal sidu? Il-jasar Kristjan hu bbażat fuq l-imħabba għal Alla. Meta nsiru nafu u nħobbu l-Alla veru u ħaj, aħna nitqanqlu naqduh ‘b’qalbna kollha u b’ruħna kollha.’ (Dewteronomju 10:12, 13) Iżda, x’jinvolvi li nsiru lsiera t’Alla u taʼ Kristu? Dan kif jeffettwa l-ħajja tagħna taʼ kuljum?
“Agħmlu Kollox għall-Glorja t’Alla”
4. Kif insiru lsiera t’Alla u taʼ Kristu?
4 Ilsir ġie deskritt bħala “persuna li hi l-proprjetà legali taʼ xi ħadd ieħor jew t’oħrajn u hi marbuta b’ubbidjenza assoluta.” Aħna nsiru l-proprjetà legali taʼ Ġeħova meta niddedikaw ħajjitna lilu u nitgħammdu. “M’intomx tagħkom infuskom, għax kontu mixtrijin bi prezz,” jispjega l-appostlu Pawlu. (1 Korintin 6:19, 20) M’għandniex xi ngħidu, dak il-prezz hu s-sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu bħala fidwa, peress li huwa fuq dik il-bażi li Alla jaċċettana bħala l-qaddejja tiegħu sew jekk aħna Kristjani midlukin u sew jekk aħna sħabhom b’tama għall-art. (Efesin 1:7; 2:13; Rivelazzjoni 5:9) B’hekk, meta nitgħammdu ‘aħna nsiru taʼ Ġeħova.’ (Rumani 14:8) Ladarba nxtrajna bid-demm prezzjuż taʼ Ġesù Kristu, aħna nsiru wkoll ilsiera tiegħu u għandna l-obbligu li nżommu l-kmandamenti tiegħu.—1 Pietru 1:18, 19.
5. Bħala lsiera taʼ Ġeħova, liema obbligu ewlieni għandna, u kif nistgħu nwettquh?
5 L-ilsiera jridu jobdu lil sidhom. Il-jasar tagħna hu volontarju u jiġi mill-imħabba tagħna għal Sidna. “L-imħabba t’Alla tfisser dan,” jgħid l-1 Ġwanni 5:3, “li nosservaw il-kmandamenti tiegħu; u madankollu l-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” Mela, għalina, l-ubbidjenza hija prova taʼ mħabbitna bħalma hija wkoll is-sottomissjoni tagħna. Tidher f’dak kollu li nagħmlu. “Jekk tieklu jew tixorbu jew tagħmlu xi ħaġa oħra,” qal Pawlu, “agħmlu kollox għall-glorja t’Alla.” (1 Korintin 10:31) Fil-ħajja taʼ kuljum, anki f’affarijiet żgħar, aħna rridu nuru li ‘nitjassru għal Ġeħova.’—Rumani 12:11.
6. Il-fatt li nkunu lsiera t’Alla kif jeffettwa d-deċiżjonijiet li nieħdu fil-ħajja? Uri dan permezz t’eżempju.
6 Per eżempju, meta nkunu se nieħdu xi deċiżjoni rridu noqogħdu attenti li nikkunsidraw bis-serjetà r-rieda taʼ Sidna tas-sema, Ġeħova. (Malakija 1:6) Id-deċiżjonijiet diffiċli jistgħu jittestjaw l-ubbidjenza tagħna lejn Alla. F’dak il-waqt se nisimgħu aħna mill-parir tiegħu minflok ma nsegwu l-inklinazzjonijiet taʼ qalbna li hi “kollha qerq” u “mħassra”? (Ġeremija 17:9) Melisa, Kristjana mhix miżżewġa, kienet ilha mgħammda ftit żmien biss meta żagħżugħ beda jieħu interess fiha. Hu kien jidher persuna mill-aħjar, u kien diġà qed jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova. Minkejja dan, anzjan tkellem maʼ Melisa dwar kemm kien għaqli li ssegwi l-kmand taʼ Ġeħova biex tiżżewweġ “biss fil-Mulej.” (1 Korintin 7:39; 2 Korintin 6:14) “Ma kienx faċli għalija li nsegwi l-parir tiegħu,” tammetti Melisa. “Imma ddeċidejt li peress li kont għamilt dedikazzjoni lil Alla biex nagħmel ir-rieda tiegħu, kont se nobdi l-istruzzjonijiet ċari tiegħu.” Billi rriflettiet fuq dak li ġara, hi tgħid: “Kemm jien ferħana li segwejt il-parir tiegħu. Dan l-individwu ma damx ma waqaf jistudja. Kieku dħalt f’dik ir-relazzjoni, issa kont inkun miżżewġa lil wieħed li ma jemminx.”
7, 8. (a) Għala m’għandniex inkunu moħħna żżejjed f’li nogħġbu lill-bnedmin? (b) Uri kif wieħed jistaʼ jegħleb il-biżaʼ mill-bniedem.
7 Bħala lsiera t’Alla, m’għandniex insiru lsiera tal-bnedmin. (1 Korintin 7:23) Veru, ħadd minna ma jieħu pjaċir ma jkunx popolari, imma rridu nżommu f’moħħna li l-Kristjani għandhom livelli li huma differenti minn dawk tad-dinja. Pawlu staqsa: “Qed infittex li nogħġob lill-bnedmin?” Il-konklużjoni tiegħu kienet: “Kieku kont għadni qed nogħġob lill-bnedmin, ma kontx inkun l-ilsir taʼ Kristu.” (Galatin 1:10) Aħna sempliċement ma nistgħux inċedu għall-pressjoni minn dawk taʼ madwarna u nsiru wħud li jfittxu li jogħġbu lill-bnedmin. Mela, x’nistgħu nagħmlu meta niġu wiċċ imbwiċċ maʼ pressjonijiet biex nagħmlu bħall-oħrajn?
8 Ikkunsidra l-eżempju t’Elena, Kristjana żagħżugħa fi Spanja. Ħafna minn sħabha tal-klassi kienu jagħtu d-demm. Dawn kienu jafu li Elena, waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova, ma kinitx tagħti demm jew taċċetta trasfużjonijiet tad-demm. Meta kellha l-opportunità biex tispjega l-ħarsa tagħha lill-klassi kollha, Elena offriet li tagħti preżentazzjoni. “Ngħid il-verità ħassejtni eċċitata ħafna meta kont se nagħmilha,” tispjega Elena. “Imma ppreparajt tajjeb, u bqajt skantata bir-riżultati. Irbaħt ir-rispett taʼ ħafna minn sħabi l-istudenti, u l-għalliem qalli li kien jammira x-xogħol li kont qed nagħmel. L-iktar li ħassejtni sodisfatta kien għaliex iddefendejt isem Ġeħova u stajt nispjega b’mod ċar ir-raġuni għall-opinjoni Skritturali tiegħi.” (Ġenesi 9:3, 4; Atti 15:28, 29) Iva, bħala lsiera t’Alla u taʼ Kristu, aħna nispikkaw bħala differenti. Madankollu, jistaʼ jirnexxilna nirbħu r-rispett tan-nies jekk inkunu preparati biex niddefendu t-twemmin tagħna bir-rispett.—1 Pietru 3:15.
9. X’nitgħallmu mill-anġlu li deher lill-appostlu Ġwanni?
9 Il-fatt li niftakru li aħna lsiera t’Alla jistaʼ jgħinna wkoll biex nibqgħu umli. Darba minnhom, l-appostlu Ġwanni tant ħassu impressjonat bil-viżjoni taʼ l-għaġeb taʼ Ġerusalemm tas-sema li nxteħet iqim f’riġlejn l-anġlu li għamilha taʼ kelliemi għal Alla. “Oqgħod attent!” qallu l-anġlu. “Tagħmilx hekk! Jien sempliċement ilsir bħalek u bħal ħutek li huma profeti u bħal dawk li qed josservaw il-kliem taʼ dan ir-romblu. Qim lil Alla.” (Rivelazzjoni 22:8, 9) X’eżempju mill-aħjar ħalla l-anġlu għall-ilsiera kollha t’Alla! Ċerti Kristjani jistgħu jkunu f’pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà speċjali fil-kongregazzjoni. Madankollu, Ġesù qal: “Kulmin irid isir kbir fostkom irid ikun il-qaddej tagħkom, u kulmin irid ikun l-ewwel fostkom irid ikun l-ilsir tagħkom.” (Mattew 20:26, 27) Bħala segwaċi taʼ Ġesù aħna lkoll ilsiera.
“Għamilna Dak li Kellna Nagħmlu”
10. Agħti eżempji Skritturali biex turi li l-qaddejja leali t’Alla mhux dejjem sabuha faċli biex jagħmlu r-rieda tiegħu.
10 Għall-bnedmin imperfetti mhux dejjem ikun faċli li jagħmlu r-rieda t’Alla. Il-profeta Mosè żamm lura milli jobdi meta Ġeħova riedu jmur u joħroġ lil ulied Iżrael mill-jasar Eġizzjan. (Eżodu 3:10, 11; 4:1, 10) Meta rċieva l-inkarigu li jxandar messaġġ taʼ ġudizzju lin-nies taʼ Ninwè, Ġona “qam biex jaħrab lejn Tarsis minn quddiem il-Mulej.” (Ġona 1:2, 3) Bàruk, l-iskriba li kien segretarju tal-profeta Ġeremija, beda jgerger li kien qed jegħja. (Ġeremija 45:2, 3) Kif għandna nirreaġixxu meta x-xewqa jew il-preferenza persunali tagħna tmur kontra r-rieda t’Alla? It-tweġiba tinsab f’tixbiha li ta Ġesù.
11, 12. (a) Irrakkonta fil-qosor it-tixbiha taʼ Ġesù mniżżla f’Luqa 17:7-10. (b) X’tagħlima nisiltu mit-tixbiha taʼ Ġesù?
11 Ġesù tkellem dwar ilsir li kien ilu l-ġurnata kollha fl-għalqa jieħu ħsieb il-merħla taʼ sidu. Meta l-ilsir wasal id-dar, għajjien minn xi 12-il siegħa xogħol iebes, sidu ma stidnux joqgħod bil-qiegħda u jgawdi ikla tajba. Minflok, is-sid qallu: “Lestili l-ikla taʼ fil-għaxija, u ilbes fardal u servini sakemm niekol u nixrob jien, u wara tkun tistaʼ tiekol u tixrob int.” L-ilsir setaʼ jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu biss wara li kien serva lil sidu. Ġesù spiċċa t-tixbiha billi qal: “Hekk intom, ukoll, meta tkunu għamiltu kulma ġejtu mqabbdin tagħmlu, għidu, ‘Aħna lsiera li m’aħna tajbin għalxejn. Għamilna dak li kellna nagħmlu.’”—Luqa 17:7-10.
12 Ġesù ma tax din it-tixbiha biex juri li Ġeħova ma japprezzax dak li nagħmlu fis-servizz tiegħu. Il-Bibbja tgħid b’mod ċar: “Alla mhux inġust biex jinsa għemilkom u l-imħabba li wrejtu għal ismu.” (Ebrej 6:10) Minflok, il-punt tal-parabbola taʼ Ġesù kien li lsir ma jistax jogħġob lilu nnifsu jew jikkonċentra fuq il-kumditajiet tiegħu stess. Meta ddedikajna ruħna lil Alla u għażilna li nkunu l-ilsiera tiegħu, aħna qbilna li npoġġu r-rieda tiegħu qabel tagħna. Ir-rieda tagħna għandha taqbel mar-rieda t’Alla.
13, 14. (a) F’liema ċirkustanzi għandu mnejn ikollna nwarrbu l-preferenzi tagħna? (b) Għala għandna nħallu r-rieda t’Alla tiġi l-ewwel?
13 Biex nistudjaw b’mod regulari l-Kelma t’Alla u l-pubblikazzjonijiet taʼ “l-ilsir leali u għaqli” għandu mnejn ikollna nagħmlu sforz kbir. (Mattew 24:45) Dan jistaʼ jkun il-każ speċjalment jekk il-qari minn dejjem konna nsibuh diffiċli jew jekk xi pubblikazzjoni tkun qed tiddiskuti “l-affarijiet profondi t’Alla.” (1 Korintin 2:10) Iżda, m’għandniex aħna nippjanaw ħin għall-istudju persunali? Forsi jkollna bżonn niddixxiplinaw lilna nfusna biex noqogħdu bil-qiegħda u nieħdu l-ħin biex nistudjaw il-materjal. Madankollu, jekk ma nagħmlux hekk, kif nistgħu niżviluppaw ix-xewqa għall-“ikel solidu [li] hu għan-nies maturi”?—Ebrej 5:14.
14 Xi ngħidu meta naslu d-dar għajjenin wara ġurnata xogħol twila? Forsi jkollna nisforzaw lilna nfusna biex nattendu l-laqgħat Kristjani. Jew ma nħossuhiex xi ħaġa naturali li nippridkaw lil dawk li ma nafuhomx. Pawlu nnifsu għaraf li jistaʼ jkun hemm drabi meta niddikjaraw l-aħbar tajba ‘kontra r-rieda tagħna.’ (1 Korintin 9:17) Madankollu, dawn l-affarijiet nagħmluhom għax Ġeħova—Sidna tas-sema li nħobbuh—jgħidilna li hekk għandna nagħmlu. U ma nħossuniex dejjem sodisfatti u rifreskati wara li nagħmlu l-isforz biex nistudjaw, nattendu l-laqgħat, u nippridkaw?—Salm 1:1, 2; 122:1; 145:10-13.
Tħarisx Lejn ‘Dak li Hemm Warajk’
15. Ġesù kif ħalla eżempju taʼ sottomissjoni lejn Alla?
15 Ġesù Kristu wera s-sottomissjoni tiegħu lejn Missieru tas-sema bl-aqwa mod. “Jien ma nżiltx mis-sema biex nagħmel ir-rieda tiegħi imma r-rieda taʼ dak li bagħatni,” qal Ġesù lid-dixxipli tiegħu. (Ġwanni 6:38) Meta kien f’agunija fil-ġnien tal-Ġetsemani, hu talab: “Missier, jekk jistaʼ jkun, ħa jitwarrab minni dan il-kies. Madankollu, mhux kif irrid jien, imma kif trid int.”—Mattew 26:39.
16, 17. (a) Kif għandna nqisuhom l-affarijiet li ħallejna warajna? (b) Uri kif Pawlu kien realistiku meta kkunsidra l-prospetti tiegħu fid-dinja bħala “qabda skart.”
16 Ġesù Kristu jridna nżommu l-fedeltà tagħna lejn id-deċiżjoni li ħadna biex inkunu lsiera t’Alla. Hu qal: “Ebda bniedem li jkun poġġa idu fuq il-moħriet u jħares lejn dak li hemm warajh m’hu xieraq għas-saltna t’Alla.” (Luqa 9:62) Żgur li m’hijiex ħaġa xierqa li noqogħdu naħsbu kontinwament fuq dak li ħallejna warajna meta nkunu qed nitjassru għal Alla. Minflok, għandna ngħożżu dak li ggwadanjajna billi għażilna li nkunu lsiera t’Alla. Pawlu kiteb lill-Filippin: “Jien tabilħaqq inqis ukoll kollox bħala telf minħabba l-valur imprezzabbli taʼ l-għarfien dwar Kristu Ġesù l-Mulej tiegħi. Minħabba fih aċċettajt li nitlef l-affarijiet kollha u nqishom bħala qabda skart, sabiex nirbaħ lil Kristu.”—Filippin 3:8.
17 Aħseb dwar dak kollu li Pawlu kkunsidrah bħala qabda skart u abbandunah biex jagħżel il-premjijiet spiritwali bħala lsir t’Alla. Hu mhux biss ħalla warajh il-kumditajiet tad-dinja imma wkoll il-possibbiltà li ’l quddiem isir mexxej tal-Ġudaiżmu. Kieku Pawlu kompla jipprattika l-Ġudaiżmu, kellu ċans kbir li jitlaʼ f’pożizzjoni simili għal dik taʼ Simgħon, bin Gamaljel li għallem lil Pawlu. (Atti 22:3; Galatin 1:14) Simgħon sar mexxej tal-Fariżej u kellu rwol prominenti—avolja kellu xi dubji—fl-irvell tal-Lhud kontra Ruma fis-66-70 E.K. Hu nqatel f’dak il-konflitt mill-estremisti Lhud jew mill-armata Rumana.
18. Agħti eżempju biex turi kif dak li nagħmlu fl-affarijiet spiritwali jġib il-premjijiet.
18 Ħafna mix-Xhieda taʼ Ġeħova segwew l-eżempju taʼ Pawlu. “Ftit snin wara li spiċċajt l-iskola, sibt xogħol tajjeb bħala segretarja għal avukat magħruf f’Londra,” tgħid Jean. “Ix-xogħol tiegħi kien jogħġobni u kelli paga tajba, imma f’qalbi kont naf li stajt nagħmel iżjed biex naqdi lil Ġeħova. Fl-aħħar, tajt ir-riżenja tiegħi u bdejt is-servizz taʼ pijunier. Kemm jien grata li ħadt dan il-pass kważi 20 sena ilu! Is-servizz tiegħi full-time kien iżjed taʼ benefiċċju minn kwalunkwe xogħol segretarjali. Xejn ma jagħti iktar sodisfazzjon milli tara kif il-Kelma taʼ Ġeħova tistaʼ tbiddel il-ħajja taʼ persuna. Hija ħaġa taʼ l-għaġeb li jkollok parti f’dan il-proċess. Dak li nagħtu lil Ġeħova m’hu xejn meta nqabbluh maʼ dak li nirċievu.”
19. X’għandha tkun id-determinazzjoni tagħna, u għala?
19 Iċ-ċirkustanzi tagħna jistgħu jitbiddlu maż-żmien. Madankollu, id-dedikazzjoni tagħna lil Alla tibqaʼ l-istess. Aħna għadna lsiera taʼ Ġeħova, u hu jħalli f’idejna biex niddeċiedu kif nistgħu nużaw bl-aħjar mod il-ħin, l-enerġija, it-talenti, u l-affarijiet l-oħra li għandna. Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet li nieħdu f’dan ir-rigward jistgħu jirriflettu l-imħabba tagħna għal Alla. Juru wkoll sa liema punt aħna lesti nagħmlu sagrifiċċji persunali. (Mattew 6:33) Huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħna, m’għandniex aħna nkunu determinati li nagħtu lil Ġeħova l-aqwa tagħna? Pawlu kiteb: “Jekk l-ewwel ikun hemm ir-rieda, din tkun speċjalment aċċettabbli skond dak li jkollu l-individwu, mhux skond dak li ma jkollux.”—2 Korintin 8:12.
“Il-Frott Tagħkom”
20, 21. (a) Liema frott jipproduċu l-ilsiera t’Alla? (b) Ġeħova kif jippremja lil dawk li jagħtu l-aqwa tagħhom?
20 Bħala lsiera t’Alla m’aħniex maħqurin. Għall-kuntrarju, dan il-jasar jipprovdilna mezz biex neħilsu minn tip taʼ jasar li jagħmlilna l-ħsara u jisirqilna l-hena. “Peress li nħlistu mid-dnub u sirtu lsiera t’Alla,” kiteb Pawlu, “il-frott tagħkom hu l-qdusija tagħkom, u t-tmiem hu l-ħajja taʼ dejjem.” (Rumani 6:22) Bħala lsiera t’Alla l-frott tagħna jkun il-qdusija fis-sens li naħsdu l-benefiċċji taʼ mġiba qaddisa, jew nadifa moralment. Iktar minn hekk, ir-riżultat ikun ħajja taʼ dejjem fil-futur.
21 Ġeħova hu ġeneruż maʼ l-ilsiera tiegħu. Meta nagħtu l-aqwa tagħna fis-servizz tiegħu, hu jiftħilna “t-twieqi tas-sema” u jsawwab fuqna “barka bl-abbundanza.” (Malakija 3:10) Kemm se nieħdu pjaċir li nkomplu naqdu bħala l-ilsiera taʼ Ġeħova għall-eternità!
Tiftakar Int?
• Aħna għala nsiru lsiera t’Alla?
• Kif nuru s-sottomissjoni tagħna lejn ir-rieda t’Alla?
• Għala għandna nkunu lesti li npoġġu r-rieda taʼ Ġeħova qabel tagħna?
• Għala m’għandniex inħarsu lejn ‘dak li hemm warajna’?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 16, 17]
Il-provvediment tal-jasar volontarju f’Iżrael kien ħarsa bil-quddiem tal-jasar Kristjan
[Stampa f’paġna 17]
Aħna nsiru lsiera t’Alla meta nitgħammdu
[Stampi f’paġna 17]
Il-Kristjani jpoġġu r-rieda t’Alla l-ewwel
[Stampa f’paġna 18]
Mosè żamm lura milli jaċċetta l-inkarigu tiegħu