Ma Ngħixux Iktar Għalina Nfusna
Ma Ngħixux Iktar Għalina Nfusna
“[Kristu] miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux iktar għalihom infushom.”—2 KORINTIN 5:15.
1, 2. Liema kmand Skritturali qanqal lis-segwaċi taʼ Ġesù taʼ l-ewwel seklu jegħlbu l-egoiżmu?
KIEN l-aħħar lejl taʼ Ġesù fuq l-art. Fi ftit sigħat oħra kien se jagħti ħajtu għan-nom taʼ dawk kollha li kienu se jeżerċitaw il-fidi tagħhom fih. Matul dak il-lejl, Ġesù qal ħafna affarijiet importanti lill-appostli leali tiegħu. Fosthom kien hemm kmand rigward kwalità li kellha tkun marka li tidentifikahom bħala s-segwaċi tiegħu. “Qed nagħtikom kmandament ġdid,” qalilhom, “li tħobbu lil xulxin; bħalma ħabbejtkom jien, ħobbu intom ukoll lil xulxin. B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”—Ġwanni 13:34, 35.
2 Il-Kristjani veri għandhom juru mħabba mhix egoistika lejn xulxin u jqisu l-bżonnijiet taʼ sħabhom fit-twemmin iktar importanti minn tagħhom. M’għandhomx joqogħdu lura milli saħansitra ‘jagħtu ruħhom għal ħbiebhom.’ (Ġwanni 15:13) Il-Kristjani tal-bidu kif irreaġixxew għal dan il-kmandament ġdid? Fix-xogħol famuż tiegħu Apology, Tertuljanu, kittieb tat-tieni seklu, ikkwota dak li qalu oħrajn dwar il-Kristjani: ‘Ara kemm iħobbu lil xulxin; kemm huma lesti anki li jmutu għal xulxin.’
3, 4. (a) Għala għandna nikkumbattu l-egoiżmu? (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?
3 Aħna wkoll irridu ‘nkomplu nġorru ttoqol taʼ xulxin, u b’hekk inwettqu l-liġi tal-Kristu.’ (Galatin 6:2) Madankollu, l-egoiżmu huwa wieħed mill-akbar ostakli biex nobdu l-liġi tal-Kristu u ‘nħobbu lil Ġeħova Alla tagħna b’qalbna, ruħna, u moħħna kollu u nħobbu lill-proxxmu tagħna bħalna nfusna.’ (Mattew 22:37-39) Peress li aħna imperfetti għandna t-tendenza li naħsbu għal rasna biss. Żid maʼ dan l-istress tal-ħajja taʼ kuljum, l-atmosfera kompetittiva fl-iskola jew fuq ix-xogħol, u l-ġlieda biex wieħed ilaħħaq mal-ħajja, u din it-tendenza naturali ssir iktar qawwija. Din it-tendenza lejn l-egoiżmu m’hijiex qed tonqos. L-appostlu Pawlu wissa: “Fl-aħħar jiem . . . in-nies ikunu egoċentriċi għall-aħħar.”—2 Timotju 3:1, 2, Phillips.
4 Lejn it-tmiem tal-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu proċess taʼ tliet passi li setaʼ jgħinhom jegħlbu l-egoiżmu. X’kien dan, u kif nistgħu aħna nibbenefikaw mill-istruzzjonijiet tiegħu?
Rimedju li Jirnexxi Żgur!
5. Waqt li kien qed jippriedka fin-naħa taʼ fuq tal-Galilija, Ġesù x’għarrafhom lid-dixxipli tiegħu, u għala nħasdu b’dan?
5 Ġesù kien qed jippriedka ħdejn Ċesarija taʼ Filippu fin-naħa taʼ fuq tal-Galilija. Dawk l-inħawi paċifiċi u pittoreski kienu jidhru iktar addattati għar-rikreazzjoni milli bħala post fejn wieħed jitgħallem dwar li jċaħħad lilu nnifsu. Madankollu, waqt li kien hemm, Ġesù beda juri lid-dixxipli tiegħu li “kellu jmur Ġerusalemm u jsofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin ewlenin u l-iskribi, u li kellu jiġi maqtul, u fit-tielet jum jiġi mqajjem.” (Mattew 16:21) Min jaf kif inħasdu d-dixxipli taʼ Ġesù b’din l-informazzjoni ġdida, għax sa dakinhar kienu qed jistennew lill-Mexxej tagħhom iwaqqaf is-Saltna tiegħu fuq l-art!—Luqa 19:11; Atti 1:6.
6. Ġesù għala ċanfru waħda sew lil Pietru?
6 Pietru minnufih “ġibdu lejh [lil Ġesù] u beda jċanfru u jgħidlu: ‘Kun ħanin miegħek innifsek, Mulej; żgur li mhux se jiġrilek dan.’” Ġesù kif irreaġixxa? “Dar u qal lil Pietru: ‘Itlaq minn quddiemi, Satana! Int tfixkil għalija, għax m’intix taħseb il-ħsibijiet t’Alla imma tal-bnedmin.’” X’differenza kien hemm bejn iż-żewġ attitudnijiet! Ġesù minn qalbu aċċetta ħajja mhix egoistika skond ma riedu jgħix Alla—waħda li kienet se twassal għal mewtu fuq zokk tat-tortura fi żmien ftit xhur. Pietru ħeġġu jfittex ħajja komda. “Kun ħanin miegħek innifsek,” qallu hu. Pietru bla dubju kellu intenzjonijiet tajbin. Madankollu, Ġesù ċanfru għax dak il-ħin Pietru ħalla lil Satana jinfluwenzah. Pietru ‘ma bediex jaħseb il-ħsibijiet t’Alla imma tal-bnedmin.’—Mattew 16:22, 23.
7. Bħalma hu mniżżel f’Mattew 16:24, Ġesù x’qal li kellhom jagħmlu s-segwaċi tiegħu?
7 Illum nisimgħu ideat simili għal dak li Pietru qal lil Ġesù. Id-dinja spiss tħeġġeġ lil dak li jkun biex ‘ikun ħanin miegħu nnifsu’ jew ‘jagħżel l-eħfef triq.’ Mill-banda l-oħra, Ġesù rrikkmanda attitudni mentali kompletament differenti. Lid-dixxipli tiegħu qalilhom: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu u jerfaʼ z-zokk tat-tortura tiegħu u jibqaʼ miexi warajja.” (Mattew 16:24) “Dan il-kliem ma ntqalx biex jistieden lil [dawk li ma kinux dixxipli] biex isiru dixxipli,” tgħid The New Interpreter’s Bible, “imma biex jistieden lil dawk li kienu diġà wieġbu għas-sejħa taʼ Kristu ħalli jirriflettu dwar it-tifsira tal-fatt li huma dixxipli.” Dawk li jemmnu jridu jieħdu t-tliet passi li semma Ġesù, kif inhuma mniżżlin f’dik l-iskrittura. Ejja nikkunsidraw kull pass wieħed wieħed.
8. Spjega xi jfisser li tiċħad lilek innifsek.
8 L-ewwel, irridu niċħdu lilna nfusna. Il-kelma Griega tradotta ‘niċħdu lilna nfusna’ tindika li wieħed ikun lest li jgħid le għal xewqat egoistiċi jew għal konvenjenza persunali. Il-fatt li niċħdu lilna nfusna ma jfissirx biss li darba kultant niċċaħħdu minn ċerti pjaċiri; lanqas ma jfisser li nsiru axxetiċi jew bħallikieku nsawtu lilna nfusna. Aħna ma nibqgħux ‘tagħna nfusna’ fis-sens li minn qalbna nċedu l-ħajja kollha tagħna u dak kollu li fiha lil Ġeħova. (1 Korintin 6:19, 20) Minflok ma tkun iffokata fuqna nfusna, ħajjitna tiffoka fuq Alla. Il-fatt li niċħdu lilna nfusna jimplika li nkunu determinati li nagħmlu r-rieda t’Alla, avolja dan jistaʼ jmur kontra l-ġibdiet imperfetti tagħna. Nuru li aħna devoti totalment lejn Alla meta niddedikaw ruħna lilu u nitgħammdu. Imbagħad, nistinkaw biex ngħixu fi qbil mad-dedikazzjoni tagħna għall-bqija taʼ ħajjitna.
9. (a) Meta Ġesù kien fuq l-art, iz-zokk tat-tortura x’kien jirrappreżenta? (b) Kif nerfgħu z-zokk tat-tortura tagħna?
9 It-tieni pass hu li rridu nerfgħu z-zokk tat-tortura tagħna. Fl-ewwel seklu, iz-zokk tat-tortura kien jirrappreżenta tbatija, għajb, u mewt. Normalment, il-kriminali biss kienu jinqatlu fuq zokk tat-tortura jew jiġu mdendlin fuq zokk wara li jmutu. B’din l-espressjoni, Ġesù wera li Kristjan għandu jkun lest li jaċċetta l-persekuzzjoni, il-mibegħda, jew saħansitra l-mewt ladarba m’huwiex parti mid-dinja. (Ġwanni 15:18-20) Il-livelli Kristjani tagħna jagħmluna differenti, u allura d-dinja tistaʼ ‘tibda tgħajjarna.’ (1 Pietru 4:4) Dan jistaʼ jiġri fl-iskola, fuq ix-xogħol, jew saħansitra ġewwa l-familja. (Luqa 9:23) Minkejja dan, aħna lesti li nissaportu l-mibegħda tad-dinja għax ma ngħixux iktar għalina nfusna. Ġesù qal: “Henjin intom meta n-nies iżebilħukom u jippersegwitawkom u bil-gideb jgħidu kull xorta taʼ ħażen kontrikom minħabba fija. Thennew u aqbżu bil-ferħ, għax il-premju tagħkom hu kbir fis-smewwiet.” (Mattew 5:11, 12) Bla dubju, li jgħodd hu li jkollna l-favur t’Alla.
10. X’jinvolvi li nibqgħu mexjin wara Ġesù?
10 It-tielet, Ġesù Kristu qal li rridu nibqgħu mexjin warajh. Il-fatt li timxi wara xi ħadd ifisser li tkun sieħbu—“wieħed li sejjer fl-istess triq,” skond An Expository Dictionary of New Testament Words taʼ W. E. Vine. L-Ewwel Ġwanni 2:6 jgħid: “Min jgħid li għadu f’unjoni [m’Alla] għandu l-obbligu li hu wkoll jibqaʼ miexi bħalma mexa hu [Kristu].” Kif mexa Ġesù? L-imħabba taʼ Ġesù għal Missieru tas-sema u għad-dixxipli tiegħu ma ħalliet ebda wisaʼ għall-egoiżmu. ‘Il-Kristu ma fittixx li jogħġob lilu nnifsu,’ kiteb Pawlu. (Rumani 15:3) Anki meta ħassu għajjien jew bil-ġuħ, Ġesù dejjem qies il-bżonnijiet t’oħrajn qabel tiegħu. (Marku 6:31-34) Ukoll, Ġesù stinka kemm felaħ biex jippriedka u jgħallem dwar is-Saltna. M’għandniex aħna wkoll nimitawh hekk kif biż-żelu nwettqu l-inkarigu tagħna li ‘nagħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, u ngħallmuhom josservaw dak kollu li ordnalna Ġesù’? (Mattew 28:19, 20) F’dan kollu, Kristu ħallielna mudell, u aħna rridu ‘nimxu mill-qrib wara l-passi tiegħu.’—1 Pietru 2:21.
11. Għala hu importanti li niċħdu lilna nfusna, nerfgħu z-zokk tat-tortura tagħna, u nibqgħu mexjin wara Ġesù Kristu?
11 Huwa vitali li niċħdu lilna nfusna, nerfgħu z-zokk tat-tortura tagħna, u nibqgħu mexjin wara x-Xempju tagħna. Billi nagħmlu hekk se nikkumbattu l-egoiżmu—ostaklu li żgur ma jħalliniex nuru mħabba li tqanqalna nagħmlu sagrifiċċji. Iktar minn hekk, Ġesù qal: “Kulmin irid isalva ruħu jitlifha; imma kulmin jitlef ruħu minħabba fija jsibha. Għax x’jiswielu bniedem jekk jikseb id-dinja kollha imma jitlef ruħu? Jew x’se jagħti bniedem flok ruħu?”—Mattew 16:25, 26.
Ma Nistgħux Naqdu Żewġ Sidien
12, 13. (a) X’kien qed iħasseb lill-ħakkiem żagħżugħ li talab il-parir taʼ Ġesù? (b) Ġesù liema parir ta liż-żagħżugħ, u għala?
12 Ftit xhur wara li Ġesù enfasizza l-bżonn li d-dixxipli tiegħu jiċħdu lilhom infushom, resaq fuqu ħakkiem żagħżugħ u għani u qallu: “Għalliem, liema għemil tajjeb irrid nagħmel sabiex nikseb il-ħajja taʼ dejjem?” Ġesù qallu biex ‘josserva l-kmandamenti kontinwament’ u mbagħad semmielu xi wħud minnhom. Iż-żagħżugħ qallu: “Dawn kollha ħaristhom.” Ir-raġel mid-dehra kien sinċier u kien għamel l-almu tiegħu biex jobdi l-kmandamenti tal-Liġi. Għalhekk staqsa: “X’jonqosni iktar?” Bħala tweġiba, Ġesù għamel stedina unika liż-żagħżugħ, billi qallu: “Jekk trid tkun perfett [“komplut,” New American Standard Bible], mur bigħ dak li għandek u agħti lill-foqra u jkollok teżor fis-sema, u ejja kun segwaċi tiegħi.”—Mattew 19:16-21.
13 Ġesù fehem li biex iż-żagħżugħ jaqdi lil Ġeħova b’ruħu kollha kellu bżonn jeħles minn dak li kien t’aljenazzjoni kbira f’ħajtu—il-ġid materjali tiegħu. Dixxiplu veru taʼ Kristu ma jistax jaqdi żewġ sidien. ‘Ma jistax ikun ilsir t’Alla u tal-flus.’ (Mattew 6:24) Irid ikollu ‘għajn sempliċi’ ffokata fuq affarijiet spiritwali. (Mattew 6:22) Jinvolvi sagrifiċċju persunali li teħles minn dak li jkollok u tagħtih lill-foqra. Bi tpattija għal dan is-sagrifiċċju materjali, Ġesù offra lill-ħakkiem żagħżugħ il-privileġġ imprezzabbli li jaħżen teżor fis-sema—teżor li kien se jfisser ħajja taʼ dejjem għalih u fl-aħħar mill-aħħar kellu jwassal għall-prospett li jaħkem maʼ Kristu fis-sema. Iż-żagħżugħ ma kienx lest li jiċħad lilu nnifsu. Hu “telaq imnikket, għax kellu ħafna ġid.” (Mattew 19:22) Madankollu, segwaċi oħrajn taʼ Ġesù rreaġixxew b’mod differenti.
14. Kif irreaġixxew erbaʼ sajjieda meta Ġesù stidinhom jimxu warajh?
14 Xi sentejn qabel, Ġesù kien għamel stedina simili lil erbaʼ sajjieda li kien jisimhom Pietru, Indrì, Ġakbu, u Ġwanni. Tnejn minnhom dak il-ħin kienu qed jistadu, u t-tnejn l-oħra kienu mħabbtin isewwu x-xbieki tagħhom. Ġesù qalilhom: “Ejjew warajja, u jien nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.” L-erbgħa li huma fl-aħħar mill-aħħar abbandunaw in-negozju tagħhom tas-sajd u mxew wara Ġesù għomorhom kollu.—Mattew 4:18-22.
15. Waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova fi żmienna kif għamlet sagrifiċċji biex timxi wara Ġesù?
15 Ħafna Kristjani llum imitaw l-eżempju taʼ l-erbaʼ sajjieda minflok dak tal-ħakkiem żagħżugħ u għani. Huma ssagrifikaw il-ġid u l-opportunitajiet taʼ din id-dinja sabiex jaqdu lil Ġeħova. “Meta kelli 22 sena, kelli nieħu deċiżjoni kbira,” tgħid Deborah. Hi tispjega: “Kont ili sitt xhur nistudja l-Bibbja u ridt niddedika ħajti lil Ġeħova, imma l-familja tiegħi kienet topponili ħafna. Kienu miljunarji kbar, u ħassew li billi nsir Xhud kont se nġibilhom għajb minħabba l-istat soċjali tagħhom. Tawni 24 siegħa biex niddeċiedi x’kont nippreferi—ħajja taʼ lussu jew il-verità. Jekk ma kontx se naqtaʼ kull kuntatt max-Xhieda, il-familja tiegħi kienet se taqtagħni mill-wirt. Ġeħova għenni nieħu d-deċiżjoni t-tajba u tani s-saħħa biex inwettaqha. Ili dawn l-aħħar 42 sena naqdi fis-servizz full-time, u qatt ma ddispjaċieni minn dak li għamilt. Billi tajt dahri lil ħajja egoistika, iffokata fuq il-pjaċiri, jien ħlist mill-vojt u d-dwejjaq li nara fost il-membri tal-familja tiegħi. Flimkien maʼ żewġi, jien għent lil iktar minn mitt ruħ jitgħallmu l-verità. Dawn it-tfal spiritwali huma iktar prezzjużi għalija minn kwalunkwe għana materjali.” Miljuni taʼ Xhieda taʼ Ġeħova oħrajn iħossuhom bħalha. Int kif tħossok?
16. Kif nistgħu nuru li m’għadniex ngħixu iktar għalina nfusna?
16 Ix-xewqa li ma jgħixux iktar għalihom infushom qanqlet lil eluf taʼ Xhieda taʼ Ġeħova biex jaqdu bħala pijunieri, jew proklamaturi tas-Saltna full-time. Oħrajn, li ċ-ċirkustanzi tagħhom ma jippermettulhomx li jieħdu sehem fil-ministeru full-time, jikkultivaw l-ispirtu taʼ pijunier u jappoġġaw ix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna bl-aħjar mod li jistgħu. Il-ġenituri juru spirtu simili meta jiddedikaw ħafna mill-ħin tagħhom u jissagrifikaw interessi persunali sabiex jagħtu taħriġ spiritwali lil uliedhom. B’xi mod jew ieħor, ilkoll kemm aħna nistgħu nuru li l-interessi tas-Saltna jiġu l-ewwel f’ħajjitna.—Mattew 6:33.
L-Imħabba taʼ Min Iġġagħalna?
17. Xi jqanqalna nagħmlu sagrifiċċji?
17 M’hijiex l-eħfef ħaġa li nuru mħabba mhix egoistika. Imma aħseb xi jġagħalna nuruha. Pawlu kiteb: “L-imħabba li għandu l-Kristu ġġagħalna, peress li dan iġġudikajna, li bniedem wieħed miet għal kulħadd . . . U miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux iktar għalihom infushom, imma għal dak li miet għalihom u ġie mqajjem.” (2 Korintin 5:14, 15) Hija l-imħabba tal-Kristu li ġġagħalna ma ngħixux iktar għalina nfusna. X’motivazzjoni qawwija hi din! Ladarba Kristu miet għalina, ma nħossux aħna l-obbligu morali li ngħixu għalih? Fuq kollox, kienet il-gratitudni għall-imħabba kbira li wrewna Alla u Kristu li ġagħlitna niddedikaw ħajjitna lil Alla u nsiru dixxipli taʼ Kristu.—Ġwanni 3:16; 1 Ġwanni 4:10, 11.
18. Għala jiswa li ngħixu ħajja mhix egoistika?
18 Jiswa li ma ngħixux iktar għalina nfusna? Wara li l-ħakkiem żagħżugħ u għani rrifjuta l-istedina taʼ Kristu u telaq ’l hemm, Pietru qal lil Ġesù: “Ara! Aħna tlaqna kollox u ġejna warajk; allura aħna x’se jmissna?” (Mattew 19:27) Pietru u l-appostli l-oħra kienu ċaħdu lilhom infushom tassew. X’kien se jkun il-premju tagħhom? Ġesù l-ewwel tkellem dwar il-privileġġ li kien se jkollhom li jaħkmu miegħu fis-sema. (Mattew 19:28) Fl-istess okkażjoni, Ġesù rrefera għall-barkiet li kienu se jgawdu s-segwaċi kollha tiegħu. Hu qal: “Ħadd ma telaq lil daru jew lil ħutu subien jew bniet jew lil ommu jew lil missieru jew tfal jew għelieqi minħabba fija u minħabba l-aħbar tajba li ma jiħux mitt darba iktar issa f’dan iż-żmien, . . . u fis-sistema li ġejja, ħajja taʼ dejjem.” (Marku 10:29, 30) Aħna nirċievu wisq iktar milli ssagrifikajna. M’humiex il-missirijiet, l-ommijiet, l-aħwa, u l-ulied spiritwali tagħna ħafna iktar prezzjużi minn kulma stajna ċħadna minħabba s-Saltna? Min kellu l-iktar ħajja sodisfaċenti —Pietru jew il-ħakkiem żagħżugħ u għani?
19. (a) L-hena veru minn xiex jiddependi? (b) X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?
19 Bi kliemu u għemilu, Ġesù wera li l-hena jiġi milli tagħti u taqdi, mhux milli tkun egoist. (Mattew 20:28; Atti 20:35) Meta ma ngħixux iktar għalina nfusna imma nibqgħu mexjin wara Kristu, aħna nsibu sodisfazzjon kbir fil-ħajja issa u jkollna l-prospett li ngħixu ħajja eterna fil-futur. M’għandniex xi ngħidu, meta niċħdu lilna nfusna, Ġeħova jsir is-Sid tagħna. Għalhekk, insiru l-ilsira t’Alla. Dan il-jasar għala huwa premjanti? Kif jeffettwa ddeċiżjonijiet li nieħdu f’ħajjitna? L-artiklu li jmiss se jiddiskuti dawn il-mistoqsijiet.
Tiftakar Int?
• Għala għandna nikkumbattu t-tendenzi egoistiċi tagħna?
• X’jiġifieri li niċħdu lilna nfusna, nerfgħu z-zokk tat-tortura tagħna, u nibqgħu mexjin wara Ġesù?
• Xi jqanqalna ma ngħixux iktar għalina nfusna?
• Għala jiswa li ngħixu ħajja mhix egoistika?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 11]
“Kun ħanin miegħek innifsek, Mulej”
[Stampa f’paġna 13]
X’żamm lill-ħakkiem żagħżugħ milli jimxi wara Ġesù?
[Stampi f’paġna 15]
L-imħabba tqanqal lix-Xhieda taʼ Ġeħova biex jaqdu bħala proklamaturi żelużi tas-Saltna