Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

Il-​fatt li David u l-​irġiel li kienu miegħu kielu mill-​ħobż tal-​preżenza jindika li f’ċirkustanzi diffiċli l-​liġi t’Alla tistaʼ tinkiser mingħajr kastig?—1 Samwel 21:​2-7 (21:1-6, NW).

Skond Levitiku 24:​5-9, il-​ħobż tal-​preżenza li kien jinbidel kull Sabat kien jinżamm biex jittiekel mill-​qassisin. Il-​prinċipju wara din il-​prattika kien li l-​ħobż kien qaddis u kellu jservi bħala ikel għal dawk l-​irġiel li kienu jaqdu lil Alla​—il-​qassisin. Li kieku ngħata lil xi ħaddiem komuni jew ittiekel għal gost żgur kien ikun ħażin. Madankollu, il-​qassis Aħimelek ma dinibx meta qasam il-​ħobż tal-​preżenza maʼ David u l-​irġiel li kienu miegħu.

David milli jidher kellu xi inkarigu speċjali mis-​Sultan Sawl. David u l-​irġiel li kienu miegħu kienu bil-​ġuħ. Aħimelek l-​ewwel għamel ċert li huma kienu nodfa ċerimonjalment. Għalkemm teknikament kien kontra l-​liġi li jieklu mill-​ħobż tal-​preżenza, huma ma marrux kontra l-​użu bażiku tiegħu. Din il-​konsiderazzjoni ppermettiet lil Aħimelek jagħmel eċċezzjoni. Ġesù Kristu stess uża din il-​ġrajja sabiex juri li ma kienx xieraq li wieħed iżomm għalxejn u b’mod riġidu mal-​liġi tas-​Sabat skond kif interpretawha l-​Fariżej.—Mattew 12:​1-8.

Madankollu, dan ma jfissirx li l-​liġi t’Alla tistaʼ tiġi miksura meta ċ-​ċirkustanzi jkunu diffiċli. Biex nieħdu eżempju, il-​gwerriera Iżraelin dehru li kienu f’sitwazzjoni verament diffiċli meta kienu qed jiġġieldu kontra l-​Filistin. Is-​Sultan Sawl kien qal: “Misħut il-​bniedem li jiekol xi ikel qabel ma jidlam u nitħallas mill-​għedewwa tiegħi.” Il-​Bibbja tgħid: “Dakinhar huma kissru l-​Filistin.” Is-​suldati kienu bil-​ġuħ u għajjenin minħabba l-​ġlied, u ‘l-​poplu qatel l-​annimali fl-​art u kiel il-​laħam bid-​demm.’ (1 Samwel 14:​24, 31-33) Huma dinbu kontra Ġeħova billi kisru l-​liġi tiegħu dwar id-​demm. L-​azzjonijiet tagħhom ma kinux fi qbil maʼ l-​uniku mod kif Alla ried li jintuża d-​demm, jiġifieri li jpatti għad-​dnubiet. (Levitiku 17:​10-12; Ġenesi 9:​3, 4) Ġeħova aċċetta bil-​ħniena s-​sagrifiċċji speċjali għan-​nom taʼ dawk li dinbu.​—1 Samwel 14:​34, 35.

Iva, Ġeħova jistenna li nobdu l-​liġijiet tiegħu f’kull ċirkustanza. “L-​imħabba t’Alla tfisser dan,” jgħid l-​appostlu Ġwanni, “li nosservaw il-​kmandamenti tiegħu.”—1 Ġwanni 5:3.

[Stampa f’paġna 30]

Il-​ħobż ġdid għal preżentazzjoni kien jitqiegħed fit-​tabernaklu kull Sabat