Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ l-Ewwel Samwel

Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ l-Ewwel Samwel

Il-​Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja

Punti Prinċipali mill-​Ktieb taʼ l-​Ewwel Samwel

HIJA s-​sena 1117 Q.E.K., xi tliet mitt sena wara li Ġożwè temm il-​konkwista taʼ l-​Art Imwiegħda. Ix-​xjuħ taʼ Iżrael jersqu fuq il-​profeta taʼ Ġeħova b’talba straordinarja. Il-​profeta jitlob dwar il-​kwistjoni, u Ġeħova jagħtihom dak li jridu. Dan jimmarka t-​tmiem tal-​perijodu taʼ l-​Imħallfin u l-​bidu taż-​żmien meta f’Iżrael bdew jaħkmu s-​slaten umani. Il-​ktieb Bibliku taʼ l-​Ewwel Samwel jirrakkonta l-​ġrajjiet eċċitanti li ġraw f’dan iż-​żmien importanti fl-​istorja tal-​poplu taʼ Iżrael.

L-​Ewwel Samwel inkiteb minn Samwel, Natan, u Gad, u jkopri perijodu taʼ mija u sentejn​—mill-​1180 sa l-​1078 Q.E.K. (1 Kronaki 29:29) Huwa rakkont dwar erbaʼ mexxejja taʼ Iżrael. Tnejn jaqdu bħala mħallfin, tnejn bħala slaten; tnejn huma ubbidjenti lejn Ġeħova, u tnejn m’humiex. Niltaqgħu wkoll maʼ żewġ nisa eżemplari u maʼ gwerrier kuraġġuż imma ġentili. Eżempji bħal dawn jgħallmuna ħafna affarijiet siewja dwar l-​attitudnijiet u l-​azzjonijiet li għandna nimitaw jew nevitaw. Għalhekk, il-​kontenut taʼ l-​Ewwel Samwel jinfluwenza ħafna l-​ħsibijiet u l-​għemejjel tagħna.​—Ebrej 4:​12.

SAMWEL ISIR IMĦALLEF WARA GĦELI

(1 Samwel 1:1–​7:​17)

Hu żmien il-​Festa tal-​Ġbir, jew taʼ l-​Għerejjex, u Anna, li toqgħod f’Rama, se ttir bil-​ferħ. * Ġeħova wieġeb it-​talb tagħha, u hi wildet tifel. Sabiex iżżomm il-​wegħda tagħha, Anna tieħu ’l binha Samwel għas-​servizz “fid-​dar tal-​Mulej.” Hemmhekk it-​tifel “jaqdi l-​Mulej taħt għajnejn Għeli, il-​qassis.” (1 Samwel 1:​24; 2:​11) Meta Samwel ikun għadu daqsxejn taʼ tfajjel, Ġeħova jkellmu u jħabbar il-​ġudizzju kontra d-​dar t’Għeli. Hekk kif Samwel ikompli jikber, il-​poplu Iżraeli kollu jirrikonoxxih bħala profeta taʼ Ġeħova.

Maż-​żmien, il-​Filistin jinvadu lil Iżrael. Huma jaħtfu l-​Arka u joqtlu liż-​żewġ subien t’Għeli. Malli jismaʼ l-​aħbar, ix-​xwejjaħ Għeli jmut, wara li “kien ilu jaħkem lil Iżrael għal erbgħin sena.” (1 Samwel 4:​18) Minkejja li l-​Filistin għandhom l-​Arka taħt idejhom, din xejn ma tiswielhom tajjeb, u għalhekk jiħduha lura għand l-​Iżraelin. Issa Samwel hu mħallef fuq Iżrael, u fil-​pajjiż hemm il-​paċi.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

2:​10—Anna għala talbet lil Ġeħova biex “jagħti s-​saħħa lis-​sultan tiegħu” ladarba ma kien hemm ebda sultan uman jaħkem fuq Iżrael? Il-​fatt li l-​Iżraelin kien se jkollhom sultan uman kien ġie mbassar fil-​Liġi Mosajka. (Dewteronomju 17:​14-​18) Fil-​profezija li lissen meta kien qed imut, Ġakobb qal: “Ix-​xettru [simbolu t’awtorità rjali] minn id Ġuda ma jitneħħiex.” (Ġenesi 49:10) Iktar minn hekk, rigward Sara​—l-​antenata taʼ l-​Iżraelin​—Ġeħova qal: “Minnha joħorġu slaten taʼ ġnus.” (Ġenesi 17:16) Mela Anna kienet qed titlob dwar sultan futur.

3:3—Samwel kien jorqod fl-​Iktar Qaddis? Le, ma kienx. Samwel kien Levita mill-​familja tal-​Keħatin, li l-​membri tagħha ma kinux qassisin. (1 Kronaki 6:​18-​23 [1 Kronaki 6:​33-​38, NW]) Għaldaqstant, hu ma setax ‘jidħol u jara s-​santwarju,’ jew il-​ħwejjeġ qaddisa. (Numri 4:​17-​20) L-​unika parti mis-​santwarju li setaʼ jidħol fiha kienet il-​bitħa tat-​tabernaklu. Allura, wisq probabbli kien jorqod hemmhekk. Milli jidher, Għeli wkoll kien jorqod xi mkien fil-​bitħa. Jidher ċar li l-​espressjoni “fejn kien hemm l-​arka taʼ Alla” tirreferi għall-​inħawi tat-​tabernaklu.

7:​7-9, 17—Samwel għala offra sagrifiċċju tal-​ħruq f’Misfa u bena artal f’Rama, ladarba s-​sagrifiċċji kellhom ikunu offerti dejjem f’post magħżul minn Ġeħova? (Dewteronomju 12:​4-7, 13, 14; Ġożwè 22:19) Meta l-​Arka sagra tneħħiet mit-​tabernaklu f’Silo, il-​preżenza taʼ Ġeħova ma baqgħetx evidenti hemmhekk. Għalhekk, bħala r-​rappreżentant t’Alla, Samwel offra sagrifiċċju tal-​ħruq f’Misfa u bena wkoll artal f’Rama. Milli jidher dawn l-​azzjonijiet kienu approvati minn Ġeħova.

Lezzjonijiet Għalina:

1:​11, 12, 21-​23; 2:​19. L-attitudni t’Anna lejn it-​talb, l-​umiltà tagħha, l-​apprezzament li kellha għall-​qalb tajba taʼ Ġeħova, u l-​affezzjoni li baqgħet turi bħala omm huma t’eżempju għan-​nisa kollha li għandhom il-​biżaʼ t’Alla.

1:8. Elkana ħalla eżempju tassew mill-​aqwa taʼ kif wieħed jistaʼ jsaħħaħ lil oħrajn bi kliemu! (Ġob 16:5) Meta ra lil Anna tant imdejqa, hu l-​ewwel staqsieha b’tali mod li ma jkunx qed jiġġudikaha: “Għala int qalbek sewda?” Dan inkuraġġieha biex titkellem dwar dak li kienet qed tħoss. Imbagħad Elkana żguraha mill-​affezzjoni tiegħu, billi qalilha: “M’iniex jien aħjar għalik minn għaxar ulied?”

2:​26; 3:​5-8, 15, 19. Billi nibqgħu nwettqu l-​inkarigi li ngħatajna minn Alla, nieħdu vantaġġ mit-​taħriġ spiritwali, u nkunu edukati u nuru rispett, se ‘ninġiebu [iktar] quddiem’ Alla u l-​bnedmin.

4:​3, 4, 10. Jidher ċar li anki xi ħaġa qaddisa bħall-​arka tal-​patt ma setgħetx tintuża għall-​protezzjoni. Irridu ‘nħarsu ruħna mill-​idoli.’​—1 Ġwanni 5:​21.

L-​EWWEL SULTAN TAʼ IŻRAEL —SUĊĊESS JEW FALLIMENT?

(1 Samwel 8:1–​15:35)

Samwel jibqaʼ juri fedeltà lejn Ġeħova għal ħajtu kollha, imma wliedu ma jimxux fil-​mogħdijiet t’Alla. Meta x-​xjuħ taʼ Iżrael jitolbu biex ikollhom sultan uman, Ġeħova jħallihom ikollhom wieħed. Samwel isegwi d-​direzzjoni taʼ Ġeħova u jidlek bħala sultan lil Sawl, żagħżugħ sabiħ mit-​tribù taʼ Benjamin. Sawl isaħħaħ il-​pożizzjoni tiegħu bħala sultan billi jegħleb lill-​Għammonin.

L-iben kuraġġuż taʼ Sawl, Ġonatan, jegħleb waħda mill-​għases tal-​Filistin. Il-​Filistin jitilgħu kontra Iżrael b’armata kbira. Sawl jinħakem mill-​biżaʼ u b’mod diżubbidjenti jaqbad u joffri sagrifiċċju tal-​ħruq hu stess. Il-​kuraġġuż Ġonatan jattakka għassa oħra tal-​Filistin, akkumpanjat biss mill-​iskudier tiegħu. Madankollu, minħabba l-​wegħda impulsiva li jagħmel Sawl, ir-​rebħa m’hijiex sħiħa. Sawl ikompli ‘jagħmel gwerra lill-​għedewwa tiegħu kollha taʼ madwaru.’ (1 Samwel 14:47) Iżda, meta jegħleb lill-​Għamalekin, hu jonqos milli jobdi lil Ġeħova billi jħalli ħaj dak li kien ‘imwarrab,’ jew “iddedikat biex ikun meqrud għalkollox” (Karm Żammit). (Levitiku 27:​28, 29) Minħabba f’hekk, Ġeħova jwarrab lil Sawl bħala sultan.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

9:9—X’inhu sinifikanti dwar l-​espressjoni “dak li llum isejjħulu profeta, dari kienu jsejjħulu veġġent [jew, dak li jara]”? Dan il-​kliem jistaʼ jindika li hekk kif il-​profeti bdew isiru iżjed prominenti fi żmien Samwel u fil-​perijodu tas-​slaten taʼ Iżrael, minflok il-​kelma “veġġent” daħal it-​terminu “profeta.” Samwel jitqies bħala l-​ewwel wieħed fil-​lista tal-​profeti.​—Atti 3:​24.

14:​24-​32, 44, 45—Tilef Ġonatan il-​favur t’Alla talli kiser il-​wegħda taʼ Sawl u kiel l-​għasel? B’dan l-​att ma jidhirx li Ġonatan tilef il-​favur t’Alla. Qabel xejn, Ġonatan lanqas biss kien jaf bil-​wegħda taʼ missieru. Iżjed minn hekk, din il-​wegħda, imqanqla minn żelu falz jew minn ħarsa żbaljata lejn l-​awtorità taʼ sultan, ħolqot ħafna problemi għall-​poplu. Kif setgħet din il-​wegħda jkollha l-​approvazzjoni t’Alla? Għalkemm Ġonatan kien lest li jaċċetta l-​konsegwenzi talli kiser il-​wegħda, hu ma nqatilx.

15:6—Il-​Kenin għala ngħataw konsiderazzjoni speċjali minn Sawl? Il-​Kenin kienu wlied ħaten Mosè. Huma għenu lill-​Iżraelin wara li dawn telqu minn ħdejn il-​Muntanja Sinaj. (Numri 10:​29-​32) Fl-​art taʼ Kangħan, il-​Kenin għamlu wkoll xi żmien jgħixu maʼ wlied Ġuda. (Imħallfin 1:​16) Avolja iktar tard kienu jgħixu fost l-​Għamalekin u popli oħra, il-​Kenin baqgħu ħbieb taʼ Iżrael. Għalhekk, Sawl kellu raġuni tajba għalxiex jeħles lill-​Kenin.

Lezzjonijiet Għalina:

9:​21; 10:​22, 27. Il-modestja u l-​umiltà li Sawl kellu fil-​bidu meta sar sultan żammewh milli jaġixxi b’nuqqas t’għaqal meta “xi rġiel ħżiena” m’aċċettawhx bħala sultan fuqhom. Kemm hija taʼ protezzjoni din l-​attitudni kontra azzjonijiet bla sens!

12:​20, 21. Qatt tħalli l-​frugħat, bħall-​fiduċja fil-​bniedem u fil-​qawwa militari tal-​ġnus, jew l-​idolatrija, idawruk milli taqdi lil Ġeħova.

12:24. Għajnuna importanti biex nibqgħu nibżgħu minn Alla u nirrispettawh kif ukoll biex nibqgħu naqduh b’qalbna kollha hi li ‘nqisu l-​ħwejjeġ kbar li għamel’ għall-​poplu tiegħu kemm fil-​passat u kemm illum.

13:​10-​14; 15:​22-​25, 30. Oqgħod għassa għall-​prużunzjoni​—sew jekk tkun murija b’atti taʼ diżubbidjenza u sew jekk b’attitudni taʼ kburija.​—Proverbji 11:2.

ŻAGĦŻUGĦ RAGĦAJ MAGĦŻUL BIEX IKUN SULTAN

(1 Samwel 16:1–​31:13)

Samwel jidlek lil David mit-​tribù taʼ Ġuda biex ikun is-​sultan futur. Ftit wara dan, David joqtol lill-​ġgant Filisti Gulija b’ċagħqa u żbandola. Bejn David u Ġonatan tiżviluppa ħbiberija kbira. Sawl iqiegħed lil David fuq in-​nies tiegħu tal-​gwerra. B’riżultat tal-​ħafna rebħiet li jagħmel David, in-​nisa taʼ Iżrael jibdew ikantaw: “L-​eluf tiegħu qatel Sawl; u David l-​għaxriet taʼ l-​eluf tiegħu.” (1 Samwel 18:7) Mikul bl-​għira, Sawl jipprova joqtol lil David. Wara tliet attentati taʼ Sawl, David jaħrab.

Matul is-​snin li jqattaʼ jgħix bħala maħrub, David darbtejn ikollu ċ-​ċans li joqtol lil Sawl imma ma jagħmilx hekk. Hu jiltaqaʼ wkoll m’Abigajl u maż-​żmien jiżżewweġ lil din il-​mara sabiħa. Hekk kif il-​Filistin jitilgħu kontra Iżrael, Sawl idur lejn Ġeħova għall-​gwida. Imma Ġeħova jkun ħallieh. Samwel kien miet. Iddisprat, Sawl imur għand mara li tikkonsulta maʼ l-​ispirti u din tgħidlu li kien se jinqatel fil-​battalja kontra l-​Filistin. Matul dik il-​battalja, Sawl jiġi ferut serjament, u wliedu jinqatlu. Ir-​rakkont jispiċċa bil-​mewt taʼ Sawl, wara li dan ikun falla bħala sultan. David għadu mistoħbi.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

16:14—Liema spirtu ħażin ħabbat, jew werwer, lil Sawl? L-​ispirtu ħażin li ma ħalliex lil Sawl ikollu l-​paċi tal-​moħħ kien l-​inklinazzjoni ħażina taʼ moħħu u qalbu​—il-​forza ġewwinija tiegħu biex jagħmel il-​ħażen. Meta Ġeħova neħħa l-​ispirtu qaddis tiegħu minn fuq Sawl, dan tilef il-​protezzjoni tiegħu u kien iddominat mill-​ispirtu ħażin tiegħu stess. Ladarba Alla ħalla lil dan l-​ispirtu jieħu post l-​ispirtu qaddis Tiegħu, dan l-​ispirtu ħażin jissejjaħ ‘spirtu ħażin mibgħut mill-​Mulej.’

17:55—Meta tikkunsidra l-1 Samwel 16:​17-​23, Sawl għala staqsa min kien missier David? Il-​mistoqsija taʼ Sawl ma kinitx biss biex ikun jaf x’jismu missier David. X’aktarx li hu ried ikun jaf x’tip taʼ missier kellu dan iż-​żagħżugħ li kien għadu kif wettaq l-​azzjoni taʼ l-​għaġeb li joqtol ġgant.

Lezzjonijiet Għalina:

16:​6, 7. Minflok ma nħallu d-​dehra taʼ barra t’oħrajn timpressjonana jew inkella naqbdu u niġġudikawhom malajr malajr, irridu nipprovaw narawhom kif jarahom Ġeħova.

17:​47-​50. Aħna nistgħu niffaċċjaw b’kuraġġ l-​oppożizzjoni jew il-​persekuzzjoni minn għedewwa li jkunu qishom Gulija għax “il-​gwerra f’idejn il-​Mulej.”

18:​1, 3; 20:​41, 42. Il-ħbieb veri jistgħu jinstabu fost dawk li jħobbu lil Ġeħova.

21:​13, 14 (21:​12, 13, NW). Ġeħova jistenna li aħna nużaw il-​fakultajiet u l-​abbiltajiet mentali tagħna biex niffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli fil-​ħajja. Hu tana l-​Kelma mnebbħa tiegħu li tgħinna nkunu għaqlin u jkollna l-​għarfien u l-​abbiltà taʼ ħsieb. (Proverbji 1:4) Għandna wkoll l-​għajnuna t’anzjani Kristjani maħturin.

24:7 (24:6, NW); 26:11. X’eżempju mill-​aqwa ħalla David fil-​mod kif wera rispett ġenwin lejn il-​maħturin taʼ Ġeħova!

25:​23-​33. Is-sensibilità t’Abigajl hija eżemplari.

28:​8-​19. Fl-isforzi tagħhom biex jiżvijaw jew iweġġgħu lin-​nies, l-​ispirti mill-​agħar jistgħu jippretendu li huma ċerti individwi mejtin. Irridu nevitaw kull forma taʼ spiritiżmu.​—Dewteronomju 18:​10-​12.

30:​23, 24. Din id-​deċiżjoni, ibbażata fuq Numri 31:​27, turi li Ġeħova japprezza lil dawk li jaqdu biex jappoġġaw il-​kongregazzjoni. Għalhekk, kulma nagħmlu, ejja ‘nagħmluh b’ruħna kollha qisu għal Ġeħova, u mhux għall-​bnedmin.’​—Kolossin 3:​23.

X’Inhu “Aqwa mis-​Sagrifiċċji”?

Liema verità fundamentali hija enfasizzata bl-​esperjenzi t’Għeli, Samwel, Sawl, u David? Hija din: “L-​ubbidjenza hi aqwa mis-​sagrifiċċji; is-​smigħ, aħjar mix-​xaħam tal-​muntun. Ir-​ribelljoni daqs id-​dnub tas-​seħer, u li twebbes rasek daqs il-​ħażen tal-​qima tax-​xbihat.”​—1 Samwel 15:​22, 23.

Xi privileġġ għandna li nieħdu sehem fix-​xogħol globali taʼ l-​ippridkar dwar is-​Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli! Hekk kif noffru lil Ġeħova “frott xufftejna,” irridu nagħmlu l-​aħjar tagħna biex nobdu d-​direzzjoni li jagħtina permezz tal-​Kelma miktuba tiegħu u l-​organizzazzjoni li għandu fuq l-​art.​—Hosegħa 14:3 (14:​2, NW); Ebrej 13:15.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 3 Sabiex tkun taf fejn qegħdin id-​diversi postijiet imsemmijin fil-​ktieb taʼ l-​Ewwel Samwel, ara paġni 18-19 tal-​browxer “See the Good Land,” pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Stampa f’paġna 23]

Minn ħakkiem umli u modest, l-​ewwel sultan taʼ Iżrael sar monarka kburi u prużuntuż

[Stampa f’paġna 24]

Dwar xiex nistgħu nkunu fiduċjużi meta niffaċċjaw l-​oppożizzjoni minn għedewwa li jkunu qishom Gulija?