Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Sansun Jittrijonfa bis-Saħħa taʼ Ġeħova!

Sansun Jittrijonfa bis-Saħħa taʼ Ġeħova!

Sansun Jittrijonfa bis-​Saħħa taʼ Ġeħova!

B’VINDIKAZZJONI dawk li jaqbduh jaqilgħulu għajnejh u jitfgħuh jaħdem xogħol iebes. Imbagħad joħorġuh mill-​ħabs u jiħduh f’tempju pagan biex jipprovdu divertiment għall-​folla. Jisforzawh jimmarċja quddiem eluf taʼ spettaturi u jiddieħqu bih. Il-​priġunier la hu kriminal u lanqas kmandant t’armata taʼ l-​għadu. Hu jadura lil Ġeħova u ilu jaqdi bħala mħallef f’Iżrael għal 20 sena.

Sansun​—l-​iktar bniedem b’saħħtu fiżikament li qatt għex​—kif spiċċa f’sitwazzjoni umiljanti bħal din? Kienet is-​saħħa straordinarja tiegħu se ssalvah? X’kien is-​sigriet tas-​saħħa taʼ Sansun? Hemm xi ħaġa li nistgħu nitgħallmu mill-​istorja taʼ ħajtu?

Hu Se “Jibda Jeħles lil Iżrael”

Ulied Iżrael kemm-il darba tbiegħdu mill-​qima vera. Għalhekk, meta “baqgħu jagħmlu l-​ħażin f’għajnejn il-​Mulej, . . . il-​Mulej telaqhom f’idejn il-​Filistin għal erbgħin sena.”​—Mħallfin 13:1.

L-​istorja taʼ Sansun bdiet meta l-​anġlu taʼ Ġeħova deher lill-​mara sterili taʼ wieħed Iżraeli jismu Manuħa, u informaha li kienet se tiled iben. “Il-​mus ma jgħaddix minn fuq rasu,” ordnalha l-​anġlu, “għax it-​tifel ikun nażir ikkonsagrat lil Alla sa minn ġuf ommu, u hu jibda jeħles lil Iżrael minn id il-​Filistin.” (Mħallfin 13:​2-5) Qabel ma tnissel Sansun, Ġeħova ddetermina li Sansun kellu jkollu inkarigu speċifiku. Mit-​twelid tiegħu ’l quddiem, kellu jkun Nażir​—wieħed magħżul għal tip speċjali taʼ servizz sagru.

“Dik Togħġobni”

Hekk kif Sansun kompla jikber, Ġeħova kompla jbierku. (Mħallfin 13:24) Jum wieħed Sansun resaq fuq missieru u ommu u qalilhom: “Rajt mara f’Timna mill-​bniet tal-​Filistin, u issa rridkom teħduhieli b’marti.” (Mħallfin 14:2) Immaġina kif baqgħu skantati. Minflok ma jeħles lil Iżrael minn idejn l-​oppressuri, binhom ried jifforma alleanza taʼ żwieġ magħhom. Kien kontra l-​Liġi t’Alla li wieħed jieħu mara minn fost dawk li jaduraw allat pagani. (Eżodu 34:​11-16) Għaldaqstant il-​ġenituri tiegħu oġġezzjonaw: “Ma hemmx mara fost il-​bniet taʼ ħutek u fost il-​poplu kollu tiegħek, biex int tmur tieħu mara minn fost il-​Filistin bla ħtin?” Xorta waħda, Sansun insista: “Ħudli lilha, għax dik togħġobni.”​—Mħallfin 14:3.

B’liema mod kienet ‘togħġbu’ din il-​mara Filistea partikulari lil Sansun? Mhux fis-​sens li kienet “sabiħa, ħelwa, attraenti,” tissuġġerixxi s-​Cyclopedia taʼ McClintock u Strong, “imma togħġbu biex jilħaq għan, skop, jew mira.” Liema għan? Mħallfin 14:4 jispjega li Sansun “kien qiegħed ifittex” opportunità biex “jeħodha mal-​Filistin.” Sansun kien interessat f’din il-​mara għal dan l-​iskop. Hekk kif Sansun beda jikber u jsir adult, “l-​ispirtu tal-​Mulej beda jaħdem ġewwa fih,” jew iqanqlu biex jaġixxi. (Mħallfin 13:25) Għalhekk, kien l-​ispirtu taʼ Ġeħova li qanqal lil Sansun biex jagħmel it-​talba stramba li jiżżewweġ lil din il-​mara, kif ukoll immotivah fil-​karriera kollha tiegħu bħala mħallef fuq Iżrael. Sabha Sansun l-​opportunità li kien qed ifittex? L-​ewwel ejja nikkunsidraw kif Ġeħova żgurah li kien qed jappoġġah.

Sansun kien qed jivvjaġġa lejn il-​belt taʼ Timna fejn kienet toqgħod il-​mara li kien se jiżżewweġ. “Xħin waslu fl-​oqsma tad-​dwieli taʼ Timna,” jgħid ir-​rakkont Skritturali, “Sansun jilmaħ ferħ taʼ ljun jgħajjat riesaq lejh. L-​ispirtu tal-​Mulej ħakem lil Sansun u dan tertqu bħalma wieħed itertaq gidi.” Din it-​turija taʼ l-​għaġeb taʼ saħħa saret meta Sansun kien waħdu. Ma kien hemm ħadd li rah. Kien dan il-​mod kif Ġeħova jiżgura lil Sansun li bħala Nażir setaʼ jwettaq l-​inkarigu tiegħu mogħti minn Alla? Il-​Bibbja ma tgħidx, imma Sansun żgur irrealizza li din is-​saħħa mhux normali ma kinitx tiegħu. Żgur li kienet ġejja minn Alla. Setaʼ jistrieħ fuq Ġeħova biex jgħinu fix-​xogħol li kellu quddiemu. Imsaħħaħ bil-​ġrajja taʼ l-​iljun, Sansun “niżel u kellem lill-​mara, u din għoġbitu.”​—Mħallfin 14:​5-7.

Meta Sansun iktar tard mar lura biex jieħu l-​mara d-​dar, hu “lewa biex jara l-​ġisem mejjet taʼ l-​iljun, u jsib ferħ naħal u għasel.” Sansun żamm din il-​ġrajja f’moħħu u fit-​tieġ għamel din il-​ħaġa moħġaġa lil 30 żagħżugħ Filisti li kienu miegħu: “L-​ikel ħareġ mill-​wikkiel, u mill-​qawwi ħarġet il-​ħlewwa.” Jekk jaqtgħu t-​tifsira tagħha, Sansun kellu jagħtihom 30 qmis taʼ l-​għażel u tibdila ħwejjeġ. Jekk le kien ikollhom jagħtuhomlu huma. Il-​Filistin damu tlett ijiem ma jistgħux isibu rkaptu tal-​ħaġa moħġaġa. Fir-​rabaʼ jum, spiċċaw bdew jheddu lill-​mara. Qalulha: “Żiegħel b’żewġek ħalli jgħidilna x’inhi, inkella naħarqu lilek u lil dar missierek.” X’kefrija! Jekk il-​Filistin kienu jittrattaw lil nieshom stess b’dan il-​mod, aħseb u ara kemm kienu jaħqru lill-​Iżraelin!​—Mħallfin 14:​8-​15.

Il-mara mwerwra għamlet pressjoni fuq Sansun biex jgħidilha t-​tweġiba. Billi wriet nuqqas taʼ mħabba u lealtà lejn Sansun, hi mill-​ewwel marret tgħid liż-​żgħażagħ. Dawn qatgħu l-​ħaġa moħġaġa, u Sansun kien jaf għala. Hu qalilhom: “Li ma ħrattux bl-​għoġla tiegħi, ma kontux tikxfu l-​moħġaġa tiegħi.” Issa fl-​aħħar Sansun ġietu l-​opportunità li kien ilu jistenna. “L-​ispirtu tal-​Mulej ġie fuqu, u Sansun niżel f’Askalon, u qatel tletin raġel minnhom, neżżagħhom minn ħwejjiġhom, u ta t-​tibdiliet lil dawk li fissrulu l-​ħaġa moħġaġa; mbagħad saħan bl-​għadab u raġaʼ talaʼ f’dar missieru.”​—Mħallfin 14:​18, 19.

Kien l-​aġir taʼ Sansun f’Askalon imqanqal minn xewqa li jivvendika ruħu? Le. Kien att t’Alla permezz tal-​ħellies magħżul minnu. Permezz taʼ Sansun, Ġeħova beda ġlieda kontra dawk li bi krudeltà kienu jaħqru lin-​nies tiegħu. Din il-​kampanja kellha tkompli. Opportunità oħra qamet meta Sansun mar iżur lil martu.

Jiggwerra Waħdu

Meta wasal lura Timna, Sansun skopra li missier il-​mara kien żewwiġha lil raġel ieħor għax ħaseb li Sansun kien jobgħodha. Sansun deher li ħa għalih. Hu qabad 300 xakall u rabathom tnejn tnejn bil-​ħatab tan-​nar bejn denbhom. Meta ħelishom, bdew iqabbdu l-​għelieqi, id-​dwieli, u l-​imsaġar taż-​żebbuġ, u hekk qerdu t-​tliet uċuħ tar-​rabaʼ prinċipali li kellha l-​Filistja dik is-​sena. Il-​Filistin mgħaddbin aġixxew b’kefrija. Huma kkunsidraw lil mart Sansun u missierha responsabbli u ħarquhom. Minħabba l-​vendetta krudili tagħhom, Sansun ħataf l-​opportunità biex jattakkahom u jagħmel ħerba minnhom.​—Mħallfin 15:​1-8.

Fehmu l-​Iżraelin li Alla Ġeħova kien qed ibierek lil Sansun, u b’hekk ngħaqdu miegħu biex itemm id-​dominju mill-​Filistin? Żgur li le. Biex jevitaw l-​inkwiet, in-​nies taʼ Ġuda bagħtu 3,000 raġel biex jarrestaw lill-​mexxej magħżul minn Alla u jagħtuh f’idejn l-​għedewwa tiegħu. Madankollu, dan in-​nuqqas taʼ lealtà mill-​Iżraelin ta l-​opportunità lil Sansun biex ikompli jagħmel ħsara lill-​għedewwa tiegħu. Hekk kif kien se jingħata f’idejn il-​Filistin, “ħakmu l-​ispirtu tal-​Mulej, u l-​ħbula li kellu maʼ dirgħajh saru bħal ħajt tal-​kittien maħruq bin-​nar, u l-​irbit inħall minn idejh.” Imbagħad qabad xedaq taʼ ħmar u bih darab elf ruħ mill-​għadu.​—Mħallfin 15:​10-​15.

F’talba lil Ġeħova, Sansun qal: “Int tajtna b’id il-​qaddej tiegħek din ir-​rebħa kbira, se tħallini issa mmut bil-​għatx, u naqaʼ f’idejn in-​nies bla ħtin?” Ġeħova semaʼ t-​talba taʼ Sansun u weġibha. “Alla xaqq il-​blata tal-​ħofra . . . , u ħareġ minnha l-​ilma; u hu xorob, ħa r-​ruħ u staħja.”​—Mħallfin 15:​18, 19.

Sansun kien determinat li jwettaq il-​mira tiegħu, jiġifieri li jiġġieled kontra l-​Filistin. Hu qagħad fid-​dar taʼ mara żienja f’Gaża biex jiġġieled kontra l-​għedewwa t’Alla. Sansun kellu bżonn post fejn jgħaddi l-​lejl f’belt taʼ l-​għadu, u dan irnexxielu jsibu f’dar taʼ mara żienja. Sansun ma kellu l-​ebda skop immorali f’moħħu. Hu ħalla d-​dar tal-​mara f’nofsillejl, qabad il-​battenti tal-​bieb tal-​belt u ż-​żewġ waqqafiet, u ġarrhom sal-​quċċata taʼ muntanja biswit Ħebron, li kienet xi 60 kilometru ’l bogħod. Dan sar bl-​approvazzjoni divina u bis-​saħħa mogħtija minn Alla.​—Mħallfin 16:​1-3.

Il-mod kif ħadem l-​ispirtu qaddis fil-​każ taʼ Sansun kien uniku minħabba ċ-​ċirkustanzi mhux tas-​soltu. Il-​qaddejja leali t’Alla llum jistgħu jistrieħu fuq l-​istess spirtu biex iqawwihom. Ġesù żgura lis-​segwaċi tiegħu li Ġeħova se “jagħti l-​ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh!”​—Luqa 11:13.

Ġeħova Għala ‘Warrab Minn Sansun’?

Ġara li Sansun sar iħobb mara li kien jisimha Dalila. Il-​ħames kapijiet alleati tal-​Filistin tant kienu ħerqanin li jeliminaw lil Sansun li talbu l-​għajnuna tagħha. Huma marru għand Dalila u qalulha: “Żiegħel bih u ara mnejn ġejja s-​saħħa kbira li għandu, u tkixxfilna biex inkunu nistgħu norbtuh u nrażżnuh.” Bħala tixħim, kull wieħed mill-​ħames kapijiet offrielha “elf u mitt xekel tal-​fidda.”​—Mħallfin 16:​4, 5.

Jekk kull biċċa fidda kienet xekel, l-​offerta taʼ 5,500 xekel kienet verament tixħim kbir. Abraham ħallas 400 xekel biex jixtri post għad-​dfin għal martu, u lsir kien jinbiegħ għal 30 biċċa biss. (Ġenesi 23:​14-​20; Eżodu 21:32) Il-​fatt li l-​kapijiet​—ħakkiema taʼ ħames bliet Filistin​—immiraw lejn ir-​regħba taʼ Dalila u mhux lejn il-​lealtà tagħha għal ġensha jissuġġerixxi li forsi kienet mara Iżraelija. Kien x’kien il-​każ, Dalila aċċettat l-​offerta.

Għall-mistoqsijiet taʼ Dalila, Sansun tliet darbiet weġibha b’mod li ġagħalha taħseb xi ħaġa li ma kinitx minnha. U t-​tliet darbiet li huma hi ttradietu billi pprovat tagħtih f’idejn l-​għedewwa tiegħu. Imma “billi dejjqitu bi kliemha u taʼ kuljum baqgħet issus warajh, iddejjaq għall-​mewt.” Sansun fl-​aħħar kixef il-​verità​—xagħru qatt ma kien qatgħu. Jekk jaqtgħu, kien se jitlef saħħtu u jsir bħall-​irġiel l-​oħrajn kollha.​—Mħallfin 16:​6-​17.

Dan kien il-​kaġun tar-​rovina taʼ Sansun. Dalila ġabitu f’sitwazzjoni fejn setaʼ jitqarwiżlu xagħru. Madankollu, is-​saħħa taʼ Sansun ma kinitx letteralment f’xagħru. Xagħru kien sempliċement jirrappreżenta r-​relazzjoni speċjali tiegħu m’Alla bħala Nażir. Meta Sansun ħalla lilu nnifsu jiġi f’sitwazzjoni li effettwat is-​servizz tiegħu taʼ Nażir minħabba t-​tqarwiż taʼ xagħru, Ġeħova “warrab minnu.” Il-​Filistin issa għelbu lil Sansun, għamewh, u tefgħuh il-​ħabs.​—Mħallfin 16:​18-​21.

X’tagħlima qawwija jagħtina dan! M’għandniex aħna ngħożżu r-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova bħala xi ħaġa prezzjuża ferm? Jekk b’xi mod nagħmlu kompromess fejn tidħol id-​dedikazzjoni Kristjana tagħna, kif nistgħu nistennew li Alla jkompli jberikna?

“Ħa Mmut Jien mal-​Filistin”

Il-​Filistin ferħanin irringrazzjaw lil alla tagħhom Dagon talli rebħu lil Sansun. Biex jiċċelebraw ir-​rebħa, huma ħadu l-​ilsir tagħhom lejn it-​tempju taʼ Dagon. Imma Sansun kien jaf ir-​raġuni vera għala rebħulu. Kien jaf għala Ġeħova ħallieh, u Sansun nidem min-​nuqqas tiegħu. Waqt li Sansun kien il-​ħabs, xagħru reġaʼ beda jitwal ħafna. Issa li kien jinsab quddiem eluf taʼ Filistin, x’kien se jagħmel?

“Mulej, Sidi,” talab Sansun, “ftakar fija! Agħtini l-​forza, mqar għal din id-​darba, o Alla, u f’salt wieħed nitħallas taż-​żewġ għajnejja mill-​Filistin.” Imbagħad qabad iż-​żewġ plieri tan-​nofs tal-​bini, u “miel ’il quddiem fuqhom b’saħħtu kollha.” X’kien ir-​riżultat? “Iġġarrfet id-​dar fuq il-​kapijiet u fuq il-​poplu kollu li kien hemm fiha. U l-​għadd tal-​mejtin, li qatel f’mewtu, kien akbar minn kemm kien qatel f’ħajtu.”​—Mħallfin 16:​22-​30.

Għas-saħħa fiżika, Sansun ma kienx hemm bħalu fost il-​bnedmin. L-​atti setgħana tiegħu kienu tassew taʼ min jinnotahom. Imma l-​iktar importanti, il-​Kelma taʼ Ġeħova tinkludi lil Sansun fost dawk b’saħħithom fil-​fidi.​—Ebrej 11:​32-​34.

[Stampa f’paġna 26]

X’kien is-​sigriet tas-​saħħa taʼ Sansun?