Ġeħova Għadd ‘Saħansitra x-Xagħar taʼ Rasek’
Ġeħova Għadd ‘Saħansitra x-Xagħar taʼ Rasek’
“Lanqas wieħed [mill-għasafar tal-bejt] ma jaqaʼ fl-art mingħajr ma jkun jaf Missierkom. Għax saħansitra x-xagħar taʼ raskom kollu hu magħdud.”—MATTEW 10:29, 30.
1, 2. (a) Ġob għala ħassu abbandunat minn Alla? (b) Kienu l-espressjonijiet taʼ Ġob ifissru li hu ħadha kontra Ġeħova? Spjega.
“JIEN ngħajjatlek u ma tweġibnix, nibqaʼ nsejjaħ u ma tagħtix kasi! M’għadekx li kont, sirt krudil miegħi, bil-qawwa kollha taʼ driegħek tagħmel għalija.” Ir-raġel li qal dan il-kliem kien għaddej minn diqa kbira, u mhux taʼ b’xejn! Hu kien tilef il-ħeġġa kollha, diżastru tal-biżaʼ qatillu lil uliedu, u issa kien milqut b’marda li xorbitlu saħħtu. Isem ir-raġel kien Ġob, u l-prova taʼ niket kbir tiegħu ġiet imniżżla fil-Bibbja għall-benefiċċju tagħna.—Ġob 30:20, 21.
2 Il-kliem taʼ Ġob jistaʼ jagħtina x’naħsbu li hu ħadha kontra Alla, imma dan ma kienx il-każ. Ġob sempliċement tkellem mill-fond tal-qalb imnikkta tiegħu. (Ġob 6:2, 3) Hu ma kienx jaf li Satana kien qed jikkaġunalu l-provi tiegħu, u allura bi żball ikkonkluda li Alla kien telqu. F’waqt minnhom, Ġob saħansitra qal lil Ġeħova: “Għax taħbi wiċċek minni, u tqisni għadu tiegħek?” *—Ġob 13:24.
3. Meta jinqalaʼ l-inkwiet, liema ħsibijiet jistgħu jiġuk f’moħħok?
3 Illum, ħafna wħud mill-poplu taʼ Ġeħova qed ibatu kontinwament minn diffikultajiet minħabba l-gwerer, it-taqlib politiku jew soċjali, id-diżastri naturali, ix-xjuħija, l-għaks, u projbizzjonijiet mill-gvern. Probabbilment anki int għaddej minn xi tip taʼ prova. Kultant għandek mnejn taħseb li Ġeħova qed jaħbi wiċċu minnek. Int tafu sew il-kliem fi Ġwanni 3:16: “Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu.” Xorta waħda, meta tkun qed tbati mingħajr ma tara ebda serħan quddiemek, għandek mnejn tistaqsi: ‘Alla tassew iħobb lili? Jinnota dak li għaddej minnu? Jimpurtah minni bħala individwu?’
4. Liema sitwazzjoni kontinwa kellu jissaporti Pawlu, u b’liema mod tistaʼ sitwazzjoni bħal din teffettwana?
4 Ikkunsidra x’ġara lill-appostlu Pawlu. “Ngħatajt xewka fil-laħam, anġlu taʼ Satana, biex tibqaʼ ssawwatni,” kiteb hu, u żied: “Tliet darbiet tlabt bil-ħrara lill-Mulej biex titbiegħed minni.” Ġeħova semaʼ t-talb bil-ħrara tiegħu. Minkejja dan, hu indika lil Pawlu li ma kienx se jintervieni permezz taʼ soluzzjoni mirakoluża. Minflok, Pawlu kellu jistrieħ fuq il-qawwa t’Alla biex tgħinu jkampa max-“xewka fil-laħam” li kellu. * (2 Korintin 12:7-9) Bħal Pawlu, għandek mnejn qed tiffaċċja xi prova kontinwa. Forsi tistaqsi, ‘Il-fatt li Ġeħova jidher li m’għamel xejn dwar il-prova tiegħi jfisser li ma jafx bis-sitwazzjoni tiegħi jew li ma jimpurtahx minni?’ It-tweġiba żgur li hija le! Ġesù enfasizza kemm Ġeħova jimpurtah ferm mill-qaddejja leali tiegħu permezz tal-kliem li qal lill-appostli tiegħu ftit wara li għażilhom. Ejja naraw kif kliemu jistaʼ jkun taʼ inkuraġġiment illum.
“Tibżgħux”—Għala?
5, 6. (a) Ġesù kif għen lill-appostli tiegħu biex ma jibżgħux minn dak li kien se jseħħ fil-futur? (b) Pawlu kif wera li kellu fiduċja fil-fatt li Ġeħova kien jimpurtah minnu?
5 L-appostli rċivew qawwiet straordinarji mingħand Ġesù, inkluż l-“awtorità fuq l-ispirti mhux nodfa, sabiex ikeċċuhom, u jfejqu kull xorta taʼ mard u kull xorta taʼ nuqqas taʼ saħħa.” Però, dan ma kienx ifisser li ħajjithom kienet se tkun ħielsa mill-provi u d-diffikultajiet. Kuntrarju għal dan, Ġesù tahom deskrizzjoni bid-dettall dwar xi ftit mill-affarijiet li kellhom jiffaċċjaw. Però, hu ħeġġiġhom: “Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem imma ma jistgħux joqtlu r-ruħ; imma minflok ibżgħu minn dak li jistaʼ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem f’Geħenna.”—Mattew 10:1, 16-22, 28.
6 Biex jgħin lill-appostli jifhmu għala ma kellhomx għalfejn jibżgħu, Ġesù kompla jkellimhom billi tahom żewġ tixbihat. Hu qalilhom: “Ma jinbigħux żewġ għasafar tal-bejt għal munita taʼ valur żgħir? Iżda lanqas wieħed minnhom ma jaqaʼ fl-art mingħajr ma jkun jaf Missierkom. Għax saħansitra x-xagħar taʼ raskom kollu hu magħdud. Għalhekk tibżgħux: intom tiswew iktar minn ħafna għasafar tal-bejt.” (Mattew 10:29-31) Innota li Ġesù għamel konnessjoni bejn li ma nibżgħux meta niffaċċjaw id-diffikultajiet u li nkunu fiduċjużi li Ġeħova jimpurtah minna personalment. Jidher ċar li Pawlu kellu dan it-tip taʼ fiduċja. Hu kiteb: “Jekk Alla hu favur tagħna, min se jkun kontra tagħna? Hu li lanqas lil Ibnu stess ma ħelisha imma tah għalina lkoll, għala ma jagħtiniex miegħu wkoll b’qalb tajba l-affarijiet l-oħra kollha?” (Rumani 8:31, 32) Ikunu xi jkunu l-ostakli li tiffaċċja, int ukoll tistaʼ tkun ċert li Ġeħova jimpurtah minnek personalment sakemm tibqaʼ leali lejh. Dan se jidher iktar u iktar ċar hekk kif neżaminaw iktar mill-qrib it-twissija taʼ Ġesù lill-appostli tiegħu.
Il-Valur t’Għasfur tal-Bejt
7, 8. (a) Fi żmien Ġesù, in-nies kif kienu jqisu l-għasafar tal-bejt? (b) Milli jidher, f’Mattew 10:29 għala tintuża l-kelma Griega għal “għasafar tal-bejt” li tfisser id-diminuttiv tagħhom?
7 It-tixbihat taʼ Ġesù jiddeskrivu b’mod effettiv l-interess taʼ Ġeħova f’kull wieħed mill-qaddejja Tiegħu. L-ewwel ikkunsidra l-kwistjoni dwar l-għasafar tal-bejt. Fi żmien Ġesù, l-għasafar tal-bejt kienu jittieklu, imma minħabba li kienu taʼ theddida għall-prodotti tar-rabaʼ, ħafna nies kienu jarawhom bħala għasafar li jagħmlu ħsara. Tant kien hemm għasafar tal-bejt u tant kienu rħas li stajt tixtri tnejn b’inqas minn żewġ ċenteżmi taʼ llum. Bid-doppju taʼ dan l-ammont kont tixtri mhux erbaʼ għasafar tal-bejt imma ħamsa—l-għasfur żejjed kien jiżdied bla ħlas, bħallikieku ma kellu valur taʼ xejn!—Luqa 12:6.
8 Aħseb ukoll dwar id-daqs taʼ dan l-għasfur komuni. Meta tqabblu maʼ ħafna għasafar oħra, anki għasfur tal-bejt li jkun laħaq id-daqs naturali tiegħu jkun ċkejken. Madankollu, il-kelma Griega tradotta “għasafar tal-bejt” f’Mattew 10:29 tirreferi speċifikament għall-għasafar tal-bejt żgħar. Jidher ċar li Ġesù ried lill-appostli tiegħu jimmaġinaw għasfur li hu taʼ l-inqas valur possibbli. Bħalma jgħid xogħol wieħed taʼ referenza, “Ġesù jsemmi għasfur tassew żgħir u juża saħansitra d-diminuttiv tiegħu!”
9. Liema punt qawwi jagħmel Ġesù permezz tat-tixbiha taʼ l-għasafar tal-bejt?
9 L-analoġija li juża Ġesù dwar l-għasafar tal-bejt tagħmel punt qawwi: Dak li jidher bla valur fil-ħarsa tal-bnedmin huwa importanti għal Alla Ġeħova. Ġesù kompla jenfasizza kemm hu minnu dan billi żied li ebda għasfur tal-bejt żgħir “ma jaqaʼ fl-art” mingħajr ma jinnotah Ġeħova. * It-tagħlima hija ċara. Jekk Alla Ġeħova jinnota saħansitra lill-iżgħar għasfur li għandu l-inqas sinifikat, kemm iktar se jinteressah mis-sitwazzjoni diffiċli taʼ bniedem li jkun għażel li jaqdih!
10. Xi tfisser l-istqarrija: “Saħansitra x-xagħar taʼ raskom kollu hu magħdud”?
10 Minbarra t-tixbiha tiegħu dwar l-għasafar tal-bejt, Ġesù kompla jgħid: “Saħansitra x-xagħar taʼ raskom kollu hu magħdud.” (Mattew 10:30) Din l-istqarrija fil-qosor imma profonda tenfasizza l-punt tat-tixbiha taʼ Ġesù dwar l-għasafar tal-bejt. Ikkunsidra dan: Ras taʼ bniedem ġeneralment ikun fiha xi 100,000 xagħra. Ġeneralment, ix-xagħar kollu jidher li hu l-istess, u ma noqogħdux neżaminaw xagħarna waħda waħda. Però, Alla Ġeħova jinnota kull xagħra u jgħoddha. Ladarba dan hu l-każ, hemm xi dettall f’ħajjitna li Ġeħova jistaʼ ma jkunx jafu? Żgur li Ġeħova jifhem kif kull wieħed mill-qaddejja tiegħu hu magħmul b’mod uniku. Tabilħaqq, hu ‘jara l-qalb.’—1 Samwel 16:7.
11. David kif esprima li kien fiduċjuż li Ġeħova jieħu interess fih personalment?
11 David kien jaf xi tfisser it-tbatija u kien fiduċjuż li Ġeħova kien jinnotah. “Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni,” kiteb hu. “Int taf meta noqgħod u meta nqum, int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.” (Salm 139:1, 2) Int ukoll tistaʼ tkun ċert li Ġeħova jafek personalment. (Ġeremija 17:10) Tgħaġġilx biex tassumi li int insinifikanti wisq biex għajnejn Ġeħova li jaraw kollox jinnotaw lilek ukoll!
“Iġmaʼ fi Flixkun id-Dmugħ Tiegħi”
12. Kif nafu li Ġeħova jaf sew dwar it-tbatijiet li jgħaddi minnhom il-poplu tiegħu?
12 Ġeħova mhux biss jaf lil kull wieħed mill-qaddejja tiegħu individwalment imma wkoll jaf kull dettall dwar it-tbatijiet li jesperjenza kull wieħed minnhom. Per eżempju, meta l-Iżraelin kienu qed jinħaqru fil-jasar, Ġeħova qal lil Mosè: “Jien ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu. U jien smajt il-karba tagħhom minħabba fl-argużini tagħhom u għaraft l-uġigħ tagħhom.” (Eżodu 3:7) Kemm hu taʼ faraġ li nirrealizzaw li meta nkunu qed nissaportu xi prova, Ġeħova jara dak li jkun qed jiġri u jismaʼ l-karba tagħna! Żgur li mhux se jinjora t-tbatija tagħna.
13. X’jurina li Ġeħova tassew iħoss għall-qaddejja tiegħu?
13 L-interess taʼ Ġeħova f’dawk li daħlu f’relazzjoni miegħu jidher iktar ċar mis-sentimenti tiegħu għall-Iżraelin. Avolja spiss it-tbatija tagħhom kienet tiġi minħabba r-ras iebsa li kellhom, Isaija kiteb dwar Ġeħova: “Fid-dwejjaq tagħhom kollha kien imnikket.” (Isaija 63:9, Karm Żammit) Allura, bħala qaddej leali taʼ Ġeħova, int tistaʼ tkun ċert li meta tħossok muġugħ, Ġeħova jħoss l-uġigħ tiegħek. Ma tħossokx imqanqal minn dan biex tiffaċċja d-diffikultajiet bla biżaʼ u tkompli tagħmel l-aħjar tiegħek biex taqdih?—1 Pietru 5:6, 7.
14. X’kienu ċ-ċirkustanzi tas-salmista meta kkompona Salm 56?
14 Il-konvinzjoni tas-Sultan David li Ġeħova kien jinteressah fih u jħoss għalih tidher biċ-ċar f’Salm 56, li David ikkompona meta kien qed jaħrab mis-Sultan Sawl li ried joqtlu. David ħarab lejn Gad, imma beżaʼ li se jinqabad meta l-Filistin għarfuh. Hu kiteb: “Il-jum kollu jkasbruni l-għedewwa tiegħi, għax ħafna huma dawk li jeħduha miegħi.” Minħabba s-sitwazzjoni perikoluża tiegħu, David mar għand Ġeħova għall-għajnuna. “Il-jum kollu jqassu u jgħidu fuqi,” qal hu. “Ħsiebhom biss kif jagħmluli l-ħsara.”—Salm 56:3, 6 (56:2, 5, NW).
15. (a) David x’ried ifisser meta talab lil Ġeħova biex jiġmaʼ d-dmugħ tiegħu fi flixkun jew fi ktieb? (b) Meta nkunu qed nissaportu sitwazzjoni li hi taʼ prova għall-fidi tagħna, dwar xiex nistgħu nkunu ċerti?
15 Imbagħad, bħalma hemm imniżżel f’Salm 56:9 (56:8, NW), David jagħmel dawn l-istqarrijiet mill-isbaħ: “Int għaddejt kull ċaqliqa tiegħi; iġmaʼ fi flixkun id-dmugħ tiegħi. M’huwiex dan fil-ktieb tiegħek?” X’deskrizzjoni li tmisslek qalbek taʼ kif Ġeħova jieħu ħsiebna b’tenerezza! Meta nkunu għaddejjin minn xi stress, għandna mnejn insejħu lil Ġeħova bid-dmugħ f’għajnejna. Anki l-bniedem perfett Ġesù għamel dan. (Ebrej 5:7) David kien konvint li Ġeħova kien qed jarah u li kien se jiftakar fit-tbatija tiegħu, bħallikieku kien qed jiġmaʼ fi flixkun id-dmugħ tiegħu jew jiktibhom fi ktieb. * Jistaʼ jkun li tħoss li d-dmugħ tiegħek jimla parti kbira minn dan il-flixkun jew ħafna paġni minn ktieb bħal dan. Jekk dan hu l-każ, tistaʼ tfarraġ ruħek. Il-Bibbja taċċertana: “Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma, jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija.”—Salm 34:19 (34:18, NW).
Kif Issir Ħabib Intimu t’Alla
16, 17. (a) Kif nafu li Ġeħova ma jinjorax il-problemi li jiffaċċja l-poplu tiegħu? (b) Ġeħova x’għamel biex in-nies ikunu jistgħu jgawdu relazzjoni intima miegħu?
16 Il-fatt li Ġeħova għadd ‘ix-xagħar taʼ rasna kollu’ jurina xi privileġġ għandna li nqimu Alla li josserva u li jaf jieħu ħsiebna. Għalkemm se jkollna nistennew sakemm id-dinja l-ġdida mwiegħda biex l-uġigħ u t-tbatija kollha jispiċċaw, Ġeħova qed jagħmel xi ħaġa meraviljuża għall-poplu tiegħu minn issa. David kiteb: “Midħla l-Mulej taʼ dawk li jibżgħu minnu, lilhom jgħarraf il-patt tiegħu.”—Salm 25:14.
17 Inkunu ‘midħla tal-Mulej.’ Bħala bnedmin imperfetti bilkemm nistgħu nifhmu xi jfisser dan għalina! Però, Ġeħova jistieden lil dawk li jibżgħu minnu biex jgħammru fid-dar tiegħu. (Salm 15:1-5) U Ġeħova x’jagħmel għal dawk li jistieden biex jgħammru fid-dar tiegħu? Skond David hu jgħarrafhom il-patt tiegħu. Ġeħova jafdahom, juri “l-ħwejjeġ moħbija” lill-profeti tiegħu, sabiex ikunu jafu x’inhuma l-iskopijiet tiegħu u xi jridu jagħmlu biex jgħixu fi qbil magħhom.—Għamos 3:7.
18. Kif nafu li Ġeħova jrid li jkollna relazzjoni mill-qrib miegħu?
18 Fir-realtà, huwa taʼ ferħ li nkunu nafu li aħna bħala bnedmin imperfetti nistgħu nsiru ħbieb intimi taʼ l-Iktar Għoli, Alla Ġeħova. Fil-fatt, hu jħeġġiġna nagħmlu eżatt hekk. “Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom,” tgħid il-Bibbja. (Ġakbu 4:8) Ġeħova jrid li jkollna relazzjoni intima miegħu. Fil-fatt, hu diġà ħa l-passi biex jagħmilha possibbli li jkollna relazzjoni bħal din. Is-sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Ġesù fetħilna t-triq biex ikun jistaʼ jkollna ħbiberija m’Alla li Jistaʼ Kollox. Il-Bibbja tgħid: “Ngħidu għalina, aħna nħobbu, għax hu ħabbna l-ewwel.”—1 Ġwanni 4:19.
19. Is-sabar tagħna kif jistaʼ jtejjeb ir-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova?
19 Din ir-relazzjoni titjieb meta nissaportu f’ċirkustanzi taʼ prova. Id-dixxiplu Ġakbu kiteb: “Ħallu s-sabar iwettaq xogħlu għalkollox, sabiex b’hekk tkunu kompluti u sħaħ f’kull aspett bla ma jonqoskom xejn.” (Ġakbu 1:4) Liema ‘xogħol’ jitwettaq meta nissaportu t-tbatija? Ftakar fix-“xewka fil-laħam” li kellu Pawlu. Xi pproduċa s-sabar fil-każ tiegħu? Pawlu qal dan dwar il-provi tiegħu: “Għalhekk, b’ferħ kbir, nippreferi niftaħar bid-dgħjufijiet tiegħi biex il-qawwa tal-Kristu tibqaʼ fuqi bħal tinda. Għaldaqstant nitgħaxxaq bid-dgħjufijiet, bl-insulti, bl-għaks, bil-persekuzzjonijiet u d-diffikultajiet, għal Kristu. Għax meta nkun dgħajjef, inkun setgħan.” (2 Korintin 12:9, 10) L-esperjenza taʼ Pawlu kienet li Ġeħova kien se jagħtih il-qawwa li kellu bżonn—“il-qawwa iktar min-normal” jekk kien hemm bżonn—sabiex ikun jistaʼ jissaporti. Mill-banda l-oħra, dan ressqu iktar qrib lejn Kristu u lejn Alla Ġeħova.—2 Korintin 4:7; Filippin 4:11-13.
20. Kif nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jappoġġana u jfarraġna meta niffaċċjaw id-diffikultajiet?
20 Jistaʼ jagħti l-każ li Ġeħova ppermetta li l-provi tiegħek jibqgħu għaddejjin. Jekk inhu hekk, żomm f’moħħok il-wegħda li għamel lil dawk li jibżgħu minnu: “Żgur ma nitilqikx u żgur ma nabbandunakx.” (Ebrej 13:5) Int tistaʼ tesperjenza appoġġ u faraġ bħal dan. Ġeħova għadd ‘saħansitra x-xagħar taʼ rasek.’ Hu jara s-sabar tiegħek. Hu jħoss l-uġigħ tiegħek. Hu jinteressah fik ġenwinament. U hu qatt ma se ‘jinsa għemilek u l-imħabba li wrejt għal ismu.’—Ebrej 6:10.
[Noti taʼ taħt]
^ Stqarrijiet simili saru mir-raġel ġust David u mill-ulied leali taʼ Koraħ.—Salm 10:1; 44:25 (44:24, NW).
^ Il-Bibbja ma tgħidx eżatt x’kienet “ix-xewka fil-laħam” li kellu Pawlu. Jistaʼ jkun li kienet xi problema fiżika, bħal vista batuta. Jew l-espressjoni “xewka fil-laħam” tistaʼ tirreferi għall-appostli foloz u oħrajn li argumentaw dwar l-appostolat u l-ministeru taʼ Pawlu.—2 Korintin 11:6, 13-15; Galatin 4:15; 6:11.
^ Xi studjużi jissuġġerixxu li l-fatt li għasfur tal-bejt jaqaʼ fl-art ifisser iktar milli sempliċement imut. Huma jgħidu li l-frażi fil-lingwa oriġinali tistaʼ tirreferi għall-fatt li għasfur jinżel fl-art għall-ikel. Jekk dan hu l-każ, allura jfisser li Alla jinnota u jieħu ħsieb lill-għasfur fl-attivitajiet tiegħu taʼ kuljum, mhux biss meta jmut.—Mattew 6:26.
^ Fi żmien il-qedem, il-fliexken bħal dak imsemmi f’dan il-vers kienu jkunu magħmulin mill-ġilda tan-nagħaġ, il-mogħoż, u l-bhejjem. Dawn il-fliexken kienu jintużaw għall-ħalib, il-butir, il-ġobon, jew l-ilma. Dawk il-fliexken li kienu jgħaddu minn proċess iktar intensiv kienu jifilħu jżommu ż-żejt jew l-inbid.
Tiftakar Int?
• Liema affarijiet jistgħu jġagħlu lil individwu jħossu li Alla abbandunah?
• Liema tagħlima nieħdu mit-tixbihat taʼ Ġesù dwar l-għasafar tal-bejt u dwar l-għadd tax-xagħar kollu taʼ rasna?
• Xi jfisser li Ġeħova jżomm id-dmugħ tagħna fil-“flixkun” jew fil-“ktieb” tiegħu?
• Kif nistgħu nibbenefikaw milli nsiru “midħla tal-Mulej”?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 22]
Ġeħova għala ma neħħiex ix-“xewka fil-laħam” li kellu Pawlu?
[Stampa f’paġna 23]
X’nistgħu nitgħallmu mit-tixbiha taʼ Ġesù dwar l-għasafar tal-bejt?
[Sors]
© J. Heidecker/VIREO
[Stampa f’paġna 25]
Meta naqraw il-Bibbja regolarment, inkunu nistgħu nħossuna ċerti li Ġeħova jinteressah fina personalment