Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġeħova Jbierek bil-Kbir lil Dawk li Jħarsu Triqtu

Ġeħova Jbierek bil-Kbir lil Dawk li Jħarsu Triqtu

Bijografija

Ġeħova Jbierek bil-​Kbir lil Dawk li Jħarsu Triqtu

KIF RAKKONTATA MINN ROMUALD STAWSKI

Meta faqqgħet it-​tieni gwerra dinjija f’Settembru taʼ l-​1939, fin-​naħa taʼ fuq tal-​Polonja kien hemm ħafna ġlied qalil. Bħala tifel kurjuż taʼ disaʼ snin, mort nagħti titwila f’post fil-​qrib fejn kien qed isir il-​ġlied. Dak li rajt kexkixni​—maʼ l-​art kien hemm ħafna iġsma mitfugħin ’l hawn u ’l hemm, u l-​arja taʼ madwari kienet fgata bid-​dħaħen. Għalkemm kulma bdejt naħseb kien dwar kif se nasal lura d-​dar qawwi u sħiħ, ġo moħħi ġewni xi mistoqsijiet: “Alla għala jippermetti affarijiet terribbli bħal dawn? Maʼ liema naħa jżomm?”

LEJN tmiem il-​gwerra, il-​ġuvintur kienu mġagħla jaħdmu għar-​reġim Ġermaniż. Jekk xi ħadd kien jażżarda jirrifjuta kien jispiċċa mgħallaq maʼ siġra jew maʼ xi pont bil-​kelma “traditur” fuq sidru. Il-​belt tagħna, Gdynia, kienet tinsab bejn żewġ armati kontra xulxin. Meta konna noħorġu barra l-​belt biex inġibu l-​ilma, il-​balal u l-​bombi kienu jgħaddu minn fuq rasna, u darba minnhom ħija ż-​żgħir Henryk intlaqat u miet. Minħabba l-​kundizzjonijiet tant ħżiena, ommi ħadet lili u lit-​tliet ħuti ġo kantina għas-​sigurtà. Hemmhekk, ħija Eugeniusz li kellu sentejn miet bil-​marda tad-​difterite.

Għal darb’oħra staqsejt lili nnifsi: “Fejn hu Alla? Għala jippermetti din it-​tbatija kollha?” Għalkemm kont Kattoliku ferventi u kont immur il-​knisja regolarment, ma sibtx ir-​risposti.

Ħaddant il-​Verità tal-​Bibbja

It-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet tiegħi ġew minfejn ma kontx qed nistenniehom. Il-​gwerra ntemmet fl-​1945, u kmieni fl-​1947, waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova ħabbtet fuq il-​bieb tagħna fi Gdynia. Kienet ommi li tkellmet max-​Xhud, u jien smajt xi ftit minn dak li ntqal. Dak li qalet kien jidher loġiku, u għalhekk aċċettajna l-​istedina għal laqgħa Kristjana. Xahar biss wara, għalkemm ma kontx għadni ssodajt sew fil-​verità tal-​Bibbja, ngħaqadt maʼ grupp taʼ Xhieda lokali u ppridkajt lil oħrajn dwar dinja aħjar, ħielsa mill-​gwerer u l-​atroċitajiet. Dan ġabli ferħ kbir.

F’Settembru taʼ l-​1947, tgħammidt f’assemblea tas-​circuit f’Sopot. F’Mejju taʼ wara, bdejt is-​servizz taʼ pijunier regulari, inqattaʼ l-​biċċa l-​kbira mill-​ħin tiegħi nxandar il-​messaġġ tal-​Bibbja lil oħrajn. Il-​kleru lokali oppona x-​xogħol tagħna bl-​aħrax u ħeġġeġ il-​vjolenza kontrina. Darba minnhom, grupp taʼ nies irrabjati attakkawna, waddbulna l-​ġebel, u sawtuna bl-​aħrax. Darb’oħra, xi sorijiet u membri tal-​kleru lokali ħeġġew lil grupp taʼ nies oħra biex jattakkawna. Aħna morna nistkennu fl-​għassa tal-​pulizija, imma n-​nies daru maʼ l-​għassa, u bdew jhedduna li jsawtuna. Fl-​aħħar, waslu iktar pulizija, u ħriġna minn hemm eskortati minn ħafna pulizija.

Dak iż-​żmien, ma kien hemm ebda kongregazzjoni fejn konna noqogħdu. Kultant konna nqattgħu l-​lejl barra fil-​foresta. Konna ferħanin li stajna nkomplu x-​xogħol taʼ l-​ippridkar minkejja l-​kundizzjonijiet li kellna. Illum hemm kongregazzjonijiet b’saħħithom f’dak il-​post.

Naqdi f’Betel u Niġi Arrestat

Fl-​1949, ġejt mistieden biex immur naqdi fid-​Dar Betel ġo Łódź. Xi privileġġ kien li naqdi f’post bħal dak! B’sogħba, ma tantx domt hemmhekk. F’Ġunju taʼ l-​1950, xahar qabel ma x-​xogħol tagħna ġie projbit uffiċjalment, ġejt arrestat flimkien m’aħwa oħrajn minn Betel. Itteħidt il-​ħabs, u hemmhekk kelli niffaċċja interrogazzjoni kiefra.

Peress li missieri kien jaħdem fuq vapur li kien isalpa regolarment lejn New York, l-​uffiċjali li mexxew l-​interrogazzjoni pprovaw iġagħluni nammetti li hu kien spija għall-​Istati Uniti. Kelli ngħaddi minn interrogazzjoni bla ħniena. Barra minn hekk, erbaʼ uffiċjali flimkien ipprovaw iġagħluni nixhed kontra Ħuna Wilhelm Scheider, li dak iż-​żmien kien jieħu ħsieb l-​attività fil-​Polonja. Bdew isawtuni fuq l-​għarqub taʼ saqajja bi bsaten ħoxnin. Hekk kif kont mixħut maʼ l-​art kollni demm, inħossni li ma niflaħx naqlaʼ iktar, għajjatt, “Ġeħova, għinni!” Dawk li bdew isawtuni nħasdu u waqfu. Fi ftit minuti, kienu reqdin. Ħadt ir-​ruħ u ksibt saħħti lura. Dan ikkonvinċieni li Ġeħova jwieġeb bi mħabba lill-​qaddejja dedikati tiegħu meta jgħajtulu. Il-​fidi tiegħi ssaħħet u tgħallimt inpoġġi l-​fiduċja sħiħa tiegħi f’Alla.

L-aħħar rapport fl-​investigazzjoni kien jgħid li jien kont tajt xiehda falza. Meta ma qbiltx maʼ dan, wieħed uffiċjal qalli, “Issa agħti l-​ispjegazzjoni tiegħek il-​qorti!” Wieħed raġel dħuli li kien fiċ-​ċella miegħi qalli biex ma ninkwetax, għaliex l-​aħħar rapport kellu jiġi verifikat minn prosekutur militari, li kien se jagħtini ċans niċħad ix-​xiehda falza. Fil-​fatt hekk ġara.

Xogħol tas-​Circuit u Arrest Ieħor

Inħlist f’Jannar taʼ l-​1951. Xahar wara bdejt naqdi bħala indokratur li jivvjaġġa. Minkejja l-​projbizzjoni, ħdimt m’aħwa oħra biex insaħħaħ il-​kongregazzjonijiet u ngħin lil Xhieda sħabi li kienu xterrdu minħabba l-​attività tas-​servizzi tas-​sigurtà. Aħna inkuraġġejna lill-​aħwa biex ikomplu sejrin bil-​ministeru. Fis-​snin taʼ wara, dawn l-​aħwa appoġġaw bil-​kuraġġ lill-​indokraturi li jivvjaġġaw u għamlu x-​xogħol taʼ l-​istampar u tat-​tqassim tal-​letteratura Biblika bil-​moħbi.

Ġurnata waħda f’April taʼ l-​1951, wara li attendejt laqgħa Kristjana, ġejt arrestat fit-​triq minn uffiċjali tas-​sigurtà li kienu qegħdin b’sebaʼ għajnejn fuqi. Minħabba li rrifjutajt li nweġibhom, huma ħaduni f’ħabs ġo Bydgoszcz u bdew jinterrogawni dak il-​lejl stess. Ordnawli nibqaʼ bil-​wieqfa maʼ ħajt għal sitt ijiem u sitt iljieli, bla ikel u xorb, u fi dħaħen qawwija tas-​sigaretti taʼ l-​uffiċjali. Bdew isawtuni b’lenbuba u jaħarquni bis-​sigaretti. Meta ntlift minn sensija, tefgħuli l-​ilma u komplew bl-​interrogazzjoni tagħhom. Bil-​ħniena, tlabt lil Ġeħova għas-​saħħa biex nissaporti, u hu appoġġani.

Kien hemm xi vantaġġi mill-​fatt li kont ġol-​ħabs taʼ Bydgoszcz. Hemmhekk stajt naqsam il-​verità tal-​Bibbja maʼ nies li ma setgħu jintlaħqu b’ebda mod ieħor. U tabilħaqq, kien hemm ħafna opportunitajiet biex nagħti xiehda. Minħabba li kienu f’sitwazzjoni taʼ niket, u ħafna drabi bla tama, il-​ħabsin kienu jiftħu widnejhom u qlubhom minn jeddhom għall-​aħbar tajba.

Żewġ Bidliet Importanti

Ftit wara li nħlist fl-​1952, iltqajt maʼ Nela, oħt li kienet pijuniera żeluża. Hi kienet qed taqdi bħala pijuniera fin-​naħa t’isfel tal-​Polonja. Imbagħad bdiet taħdem ġo “forn,” post sigriet fejn kienu jiġu stampati r-​rivisti tagħna. Dan kien xogħol iebes li jirrikjedi attenzjoni kontinwa u sagrifiċċju. Iżżewwiġna fl-​1954, u komplejna fil-​ministeru full-time sakemm twieldet it-​tifla tagħna Lidia. Imbagħad iddeċidejna li sabiex jien inkun nistaʼ nkompli fix-​xogħol taʼ l-​ivvjaġġar, Nela kellha tieqaf mis-​servizz full-time, tmur lura d-​dar, u tieħu ħsieb it-​tifla tagħna.

Dik is-​sena stess, iffaċċjajna deċiżjoni importanti oħra. Jien intlabt biex naqdi bħala indokratur tad-​distrett f’żona li kienet tkopri terz mill-​Polonja. Aħna kkunsidrajna l-​kwistjoni bit-​talb. Peress li xogħolna kien projbit, kont naf kemm kien importanti li ħutna jiġu inkuraġġiti. Kien hemm ħafna arresti, u għalhekk kien hemm bżonn kbir taʼ inkuraġġiment spiritwali. Bl-​appoġġ taʼ Nela, jien aċċettajt l-​inkarigu. Ġeħova għenni naqdi f’dan il-​qasam għal 38 sena.

Nieħu Ħsieb il-​“Fran”

Dak iż-​żmien, l-​indokratur tad-​distrett kien jieħu ħsieb il-​“fran,” li kienu jinsabu f’postijiet imwarrba. Il-​pulizija kienu dejjem iħufu warajna, jipprovaw isibu u jwaqqfu l-​istampar tagħna. Xi drabi rnexxielhom, imma l-​ikel spiritwali neċessarju qatt ma naqasna. Kien jidher ċar li Ġeħova kien qed jieħu ħsiebna.

Sabiex xi ħadd jiġi mistieden biex jaħdem fix-​xogħol iebes u perikoluż taʼ l-​istampar, dan ried ikun leali, attent il-​ħin kollu, jagħmel sagrifiċċji persunali, u jkun ubbidjenti. Kienu dawn il-​kwalitajiet li għamluha possibbli biex il-​“fran” jibqgħu jaħdmu fis-​sigurtà. Kien diffiċli wkoll li jinstab post tajjeb fejn setaʼ jsir l-​istampar bil-​moħbi. Xi postijiet kienu jidhru tajbin, imma l-​aħwa taʼ dawn l-​inħawi ma kinux diskreti biżżejjed. F’postijiet oħra, is-​sitwazzjoni kienet bil-​kontra. L-​aħwa kienu lesti li jagħmlu sagrifiċċji eċċezzjonali. Kont napprezza ħafna lil dawk l-​aħwa rġiel u nisa kollha li kelli l-​privileġġ naħdem magħhom.

Niddefendi l-​Aħbar Tajba

Matul dawk is-​snin diffiċli, konna niġu akkużati kontinwament li qed nieħdu sehem f’attività illegali kontra l-​istat u konna nittellgħu l-​qorti. Din kienet problema għax ma kellniex avukati biex jiddefenduna. Xi avukati kienu jifhmuna, imma ħafna minnhom kienu jibżgħu għar-​reputazzjoni tagħhom u ma ridux jidhru koroh maʼ l-​awtoritajiet. Madankollu, Ġeħova kien jaf x’inhuma l-​bżonnijiet tagħna, u maż-​żmien hu mmanuvra l-​affarijiet skond il-​bżonn.

Alojzy Prostak, indokratur li jivvjaġġa minn Kraków, tant ġie trattat b’mod brutali meta ġie interrogat li kellu jittieħed ġo sptar fil-​ħabs. Minħabba li żamm sod meta ġie torturat mentalment u fiżikament, hu kiseb ir-​rispett u l-​ammirazzjoni taʼ ħabsin oħra fl-​isptar. Wieħed minnhom kien avukat jismu Witold Lis-​Olszewski, li kien impressjona ruħu bil-​kuraġġ li wera Ħuna Prostak. Hu tkellem miegħu kemm-il darba u wiegħdu, “Hekk kif ninħeles minn hawn u jippermettuli nkompli b’xogħli, irrid niddefendi lix-​Xhieda taʼ Ġeħova.” U fil-​fatt hekk għamel.

Is-Sur Olszewski kellu grupp t’avukati għalih, u d-​dedikazzjoni li wrew kienet tassew taʼ min jammiraha. Meta l-​oppożizzjoni kienet fl-​eqqel tagħha, huma kienu jiddefendu lill-​aħwa f’madwar 30 każ fix-​xahar​—wieħed kuljum! Peress li s-​Sur Olszewski kellu bżonn ikun informat sew dwar il-​każi kollha, jien ġejt inkarigat biex inżomm kuntatt miegħu. Għamilt sebaʼ snin naħdem miegħu fis-​snin sittin u sebgħin.

Matul dak il-​perijodu, tgħallimt ħafna dwar ix-​xogħol legali. Stajt nosserva ħafna każi fil-​qrati, il-​kummenti taʼ l-​avukati​—kemm pożittivi u kemm negattivi​—il-​metodi għal difiża legali, u t-​testimonjanza li taw sħabna fit-​twemmin li kienu jiġu akkużati. Iktar ’il quddiem, dan kollu kien utli ħafna biex tingħata għajnuna lil ħutna, speċjalment lil dawk li kienu jintalbu jitilgħu bħala xhieda. Dan għenhom biex ikunu jafu x’għandhom jgħidu u meta kellhom jibqgħu siekta quddiem il-​qorti.

Meta kien ikun għaddej xi ġuri, is-​Sur Olszewski ħafna drabi kien iqattaʼ l-​lejl fid-​djar tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Dan kien jagħmlu mhux għax ma kienx jiflaħ iħallas għal kamra ġo lukanda, imma bħalma qal darba hu, “Qabel il-​ġuri rrid nieħu ftit mill-​ispirtu tagħkom.” Grazzi għall-​għajnuna tiegħu, ħafna każi spiċċaw tajjeb. Hu ddefendieni ħafna drabi, u qatt m’aċċetta flus mingħandi. F’okkażjoni oħra, hu rrifjuta l-​flus għal 30 każ. Għala? “Irrid nikkontribwixxi mqar xi ħaġa żgħira għax-​xogħol tagħkom,” qal hu. U din ma kinitx xi somma żgħira taʼ flus. L-​awtoritajiet kienu josservaw l-​attività tas-​Sur Olszewski u l-​grupp tiegħu, imma dan ma skuraġġiehx milli jassistina.

Diffiċli tiddeskrivi x-​xiehda tajba li taw ħutna matul dawk il-​każi fil-​qorti. Ħafna wħud kienu jiġu l-​qrati biex josservaw il-​ġurijiet u jsaħħu lill-​aħwa akkużati. Meta kien għaddej l-​akbar ammont taʼ każi, jien għoddejt sa 30,000 ruħ f’sena waħda li ġew jappoġġaw dawn il-​każi. Din żgur kienet folla kbira taʼ Xhieda!

Inkarigu Ġdid

Sa l-​1989, il-​projbizzjoni fuq xogħolna kienet tneħħiet. Tliet snin wara, inbena uffiċċju tal-​fergħa ġdid u ġie dedikat. Jien ġejt mistieden immur hemmhekk biex naħdem mas-​Servizzi taʼ Informazzjoni għall-​Isptarijiet, u aċċettajt dan l-​inkarigu minn qalbi. Bħala tim taʼ tliet persuni, aħna ħdimna biex nappoġġaw lil ħutna li ffaċċjaw il-​kwistjoni tad-​demm u tajniehom l-​għajnuna biex jiddefendu d-​deċiżjoni li jkunu ħadu, skond il-​kuxjenza Kristjana tagħhom.​—Atti 15:29.

Jien u l-​mara tiegħi nħossuna grati ħafna għall-​privileġġ li naqdu lil Ġeħova fil-​ministeru pubbliku. Nela dejjem appoġġatni u inkuraġġietni. Dejjem napprezza l-​fatt li kulmeta kont impenjat b’inkarigi teokratiċi jew kont ninsab il-​ħabs, hi qatt ma gergret għax ma kontx inkun id-​dar. Fi żminijiet diffiċli, hi farrġet lil oħrajn minflok ma ddisprat.

Per eżempju, fl-​1974, ġejt arrestat flimkien maʼ xi indokraturi li jivvjaġġaw. Xi aħwa li saru jafu b’dan riedu jinformaw lil marti bit-​tattika. Meta rawha, staqsewha, “Oħtna Nela, lesta għall-​agħar aħbar li tistaʼ tismaʼ?” Għall-​ewwel, demmha kesħilha, għax ħasbet li mitt. Meta saret taf x’kien ġara verament, ħadet ir-​ruħ u qalet: “Huwa ħaj! Dan m’huwiex l-​ewwel arrest tiegħu.” L-​aħwa iktar tard qaluli li baqgħu impressjonati bl-​attitudni pożittiva tagħha.

Għalkemm ġarrabna xi esperjenzi taʼ wġigħ fil-​passat, Ġeħova dejjem berikna bil-​kbir talli żammejna triqtu. Kemm aħna grati li bintna Lidia u r-​raġel tagħha Alfred DeRusha wrew li huma koppja Kristjana eżemplari. Huma rabbew liż-​żewġ subien tagħhom, Christoper u Jonathan, bħala qaddejja dedikati t’Alla, u dan iżid mal-​ferħ tagħna. Ħija Ryszard u oħti Urszula wkoll qdew bħala Kristjani leali għal ħafna snin.

Ġeħova qatt ma telaqna, u aħna rridu nkomplu naqduh b’qalbna kollha. Aħna esperjenzajna personalment kemm hu minnu l-​kliem taʼ Salm 37:34: “Ittama fil-​Mulej u ħares triqtu, hu jerfgħek biex tikseb l-​art.” Aħna nħarsu ’l quddiem għal dak iż-​żmien b’qalbna kollha.

[Stampa f’paġna 17]

F’assemblea li nżammet fi ġnien taʼ wieħed ħu ġo Kraków, 1964

[Stampa f’paġna 18]

Maʼ marti, Nela, u bintna Lidia, 1968

[Stampa f’paġna 20]

Maʼ tifel li kien Xhud, qabel għamel operazzjoni tal-​qalb bla demm

[Stampa f’paġna 20]

Mat-​Tabib Wites, il-​kirurgu maġġuri taʼ l-​operazzjonijiet tal-​qalb għat-​tfal, fi sptar ġewwa Katowice

[Stampa f’paġna 20]

Maʼ Nela, 2002