Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġeħova “Jippremja lil Dawk li Jfittxuh bil-Ħeġġa”

Ġeħova “Jippremja lil Dawk li Jfittxuh bil-Ħeġġa”

Ġeħova “Jippremja lil Dawk li Jfittxuh bil-​Ħeġġa”

“Min jersaq lejn Alla jrid jemmen li hu jeżisti u li jippremja lil dawk li jfittxuh bil-​ħeġġa.”—EBREJ 11:6.

1, 2. Xi wħud mill-​qaddejja taʼ Ġeħova għala għandhom mnejn jissieltu maʼ sentimenti negattivi?

 “ILI Xhud taʼ Ġeħova għal kważi 30 sena, imma qatt ma ħassejt li jistħoqqli nissejjaħ hekk,” tistqarr Barbara sinċerament. * “Avolja qdejt bħala pijuniera u kelli ħafna privileġġi oħra, ebda wieħed minnhom ma jidher li hu biżżejjed biex nemmen li jixraqli nissejjaħ Xhud.” Keith jesprimi ruħu b’mod simili. “Ġieli ħassejt li ma jistħoqqlix [nissejjaħ Xhud] għaliex il-​qaddejja taʼ Ġeħova għandhom ħafna għalxiex ikunu henjin, imma jien ma kontx hieni,” jgħid hu. “Dan ġabli sentimenti taʼ ħtija li għamluli kollox iktar diffiċli.”

2 Ħafna mill-​qaddejja leali taʼ Ġeħova, kemm tal-​passat u kemm tal-​preżent, issieltu maʼ sentimenti bħal dawn. Ġieli ġralek hekk? Forsi tħossok mifni bi problema wara l-​oħra waqt li sħabek fit-​twemmin jidhru li qed igawdu l-​ħajja, bla inkwiet u kuntenti. Minħabba f’hekk, tistaʼ tħoss li la għandek l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova u lanqas ma jistħoqqlok l-​attenzjoni tiegħu. Taqbadx u taqtagħha li hekk qed jiġri. Il-​Bibbja tiżgurana: “[Ġeħova] ma warrabx minnu l-​imsejken, ma stmellx in-​niket tiegħu; anqas wiċċu ma ħeba minnu, imma semgħu meta sejjaħlu.” (Salm 22:25 [22:​24, NW]) Dan il-​kliem profetiku dwar il-​Messija juri li Ġeħova mhux biss jismaʼ lil-​leali tiegħu imma wkoll jippremjahom.

3. Għala m’aħniex protetti mill-​pressjonijiet taʼ din is-​sistema dinjija?

3 Ħadd m’hu protett mill-​pressjonijiet taʼ din is-​sistema dinjija—lanqas il-​poplu taʼ Ġeħova. Aħna ngħixu f’dinja maħkuma mill-​akbar għadu taʼ Ġeħova, Satana x-​Xitan. (2 Korintin 4:4; 1 Ġwanni 5:19) Minflok ma huma protetti b’mod mirakoluż, il-​qaddejja taʼ Ġeħova fil-​fatt huma l-​akbar mira taʼ Satana. (Ġob 1:​7-12; Rivelazzjoni 2:10) Għalhekk, saż-​żmien stabbilit minn Alla rridu ‘nissaportu fit-​tribulazzjoni’ u ‘nipperseveraw fit-​talb,’ fiduċjużi li Ġeħova jimpurtah minna. (Rumani 12:12) Lanqas biss għandu jgħaddilna minn rasna li Alla tagħna, Ġeħova, ma jħobbniex!

Eżempji taʼ Sabar minn Żmien il-​Qedem

4. Agħti xi eżempji taʼ qaddejja leali taʼ Ġeħova li ssaportew sitwazzjonijiet taʼ niket.

4 Ħafna qaddejja taʼ Ġeħova taʼ żmien il-​qedem kellhom jissaportu sitwazzjonijiet taʼ niket. Per eżempju, Anna kellha “qalbha kollha mrar” għaliex ma kellhiex tfal—kundizzjoni li kienet tqisha daqslikieku ġiet minsija minn Alla. (1 Samwel 1:​9-11) Meta r-​Reġina qattiela Ġeżabel kienet qed tiġri wara Elija, hu beda jibżaʼ u talab lil Ġeħova: “Issa biżżejjed, Mulej; ħudli ’l ħajti, għax m’iniex aħjar minn missirijieti!” (1 Slaten 19:4) U l-​appostlu Pawlu jistaʼ jkun li ħass it-​toqol kollu taʼ l-​imperfezzjoni tiegħu meta ammetta: “Meta nixtieq nagħmel dak li hu sewwa, dak li hu ħażin ikolli fija.” Hu żied: “Bniedem miżerabbli li jien!”—Rumani 7:​21-24.

5. (a) Anna, Elija, u Pawlu kif ġew premjati? (b) Liema faraġ nistgħu niksbu mill-​Kelma t’Alla jekk qed nissieltu maʼ sentimenti negattivi?

5 M’għandniex xi ngħidu, nafu li Anna, Elija, u Pawlu kollha żammew sħiħ fis-​servizz taʼ Ġeħova, u hu ppremjahom bil-​kbir. (1 Samwel 1:​20; 2:​21; 1 Slaten 19:​5-​18; 2 Timotju 4:8) Xorta waħda, huma ssieltu maʼ ħafna sentimenti umani, inkluż in-​niket, il-​qtigħ il-​qalb, u l-​biżaʼ. Allura, m’għandniex nissorprendu ruħna jekk kultant ikollna sentimenti negattivi. Imma x’tistaʼ tagħmel meta l-​ansjetajiet tal-​ħajja jġagħluk tistaqsi jekk Ġeħova jħobbokx tassew? Tistaʼ tikseb il-​faraġ mill-​Kelma t’Alla. Per eżempju, fl-​artiklu taʼ qabel iddiskutejna l-​istqarrija taʼ Ġesù li Ġeħova ‘għadd saħansitra x-​xagħar taʼ rasna.’ (Mattew 10:30) Dan il-​kliem inkuraġġanti jindika li Ġeħova huwa interessat bil-​kbir f’kull wieħed mill-​qaddejja tiegħu. Ftakar ukoll fit-​tixbiha taʼ Ġesù dwar l-​għasafar tal-​bejt. Jekk lanqas wieħed minn dawk l-​għasafar ma jaqaʼ fl-​art mingħajr ma jinnotah Ġeħova, għala għandu hu ma jħarisx lejn l-​għawġ tiegħek?

6. Il-​Bibbja kif tistaʼ tkun sors taʼ faraġ għal dawk li jissieltu maʼ sentimenti negattivi?

6 Huwa tassew possibbli li aħna bħala bnedmin imperfetti nkunu prezzjużi f’għajnejn il-​Ħallieq li jistaʼ kollox, Alla Ġeħova? Iva! Fil-​fatt, hemm diversi rakkonti fil-​Bibbja li jiżgurawna minn dan. Jekk nieħdu dan il-​kliem bis-​serjetà, se nkunu nistgħu ntennu l-​kliem tas-​salmista li qal: “Meta joktor l-​hemm ġo qalbi, il-​faraġ tiegħek hennieli ruħi.” (Salm 94:19) Ejja nikkunsidraw xi wħud minn dawn l-​istqarrijiet taʼ faraġ mill-​Kelma t’Alla li se jgħinuna nifhmu iktar bis-​sħiħ il-​fatt li aħna prezzjużi għal Alla u li hu se jippremjana hekk kif inkomplu nagħmlu r-​rieda tiegħu.

“Teżor li Ma Bħalu” taʼ Ġeħova

7. Liema profezija inkuraġġanti ta Ġeħova lill-​ġens korrott permezz taʼ Malakija?

7 Matul il-​ħames seklu Q.E.K. kien hemm sitwazzjoni kerha fost il-​Lhud. Il-​qassisin kienu qed jaċċettaw annimali difettużi u bdew joffruhom bħala sagrifiċċji fuq l-​artal taʼ Ġeħova. L-​imħallfin kienu qed juru l-​parzjalità. Il-​maġija, il-​gideb, is-​serq, u l-​adulterju kienu komuni. (Malakija 1:8; 2:9; 3:5) Lil dan il-​ġens korrott b’mod sfaċċat, Malakija ħabbarlu profezija taʼ l-​għaġeb. Maż-​żmien, Ġeħova kien se jġib lill-​poplu tiegħu lura f’kundizzjoni approvata. Naqraw: “Huma jkunu għalija teżor li ma bħalu, u nagħdirhom kif raġel jagħder lil ibnu li jaqdih.”—Malakija 3:17.

8. Bħala prinċipju, għala jistaʼ dak li nsibu f’Malakija 3:17 japplika għall-​folla kbira?

8 Il-​profezija taʼ Malakija għandha twettiq fiż-​żmien modern b’konnessjoni mal-​Kristjani midlukin bl-​ispirtu, li jifformaw il-​ġens spiritwali tal-​144,000. Dan il-​ġens hu tabilħaqq “teżor li ma bħalu,” jew “poplu miksub bħala proprjetà speċjali,” għal Ġeħova. (1 Pietru 2:9) Il-​profezija taʼ Malakija tistaʼ tkun ukoll inkuraġġanti għall-​membri tal-​“folla kbira,” li jinsabu “weqfin quddiem it-​tron u quddiem il-​Ħaruf, lebsin ilbiesi bojod.” (Rivelazzjoni 7:​4, 9) Dawn isiru merħla waħda mal-​midlukin, taħt Ragħaj wieħed, Ġesù Kristu.—Ġwanni 10:16.

9. Il-​poplu taʼ Ġeħova għala hu “teżor li ma bħalu” għalih?

9 Ġeħova kif iħares lejn dawk li jaqduh? Bħalma ssemma f’Malakija 3:​17, hu jħares lejhom bil-​mod kif missier taʼ mħabba jħares lejn ibnu. U innota t-​tifħir kollu mħabba li juża biex jiddeskrivi l-​poplu tiegħu—“teżor li ma bħalu.” Traduzzjonijiet oħra jittraduċu l-​frażi bħala “tiegħi stess,” l-​“iktar ħaġa prezzjuża li għandi,” u l-​“ġojjelli tiegħi.” Ġeħova għala jsejjaħ lil dawk li jaqduh bħala li huma teżor? Raġuni waħda hi li hu Alla li japprezza. (Ebrej 6:10) Hu jersaq qrib lejn dawk li jaqduh minn qalbhom u jqishom daqslikieku teżor.

10. Ġeħova kif jipprovdi protezzjoni għall-​poplu tiegħu?

10 Tistaʼ taħseb dwar xi ħaġa li għandek għal qalbek u li taraha bħala teżor? Tieħu passi biex tipproteġiha? Ġeħova jagħmel l-​istess bit-​“teżor li ma bħalu” tiegħu. Veru, hu ma jipproteġix lill-​poplu tiegħu mill-​provi u t-​traġedji kollha li tippreżenta l-​ħajja. (Koħèlet 9:11) Imma Ġeħova jistaʼ u se jipproteġi spiritwalment lill-​qaddejja leali tiegħu. Hu jagħtihom is-​saħħa li għandhom bżonn biex jissaportu kwalunkwe prova. (1 Korintin 10:13) Għalhekk, Mosè qal lill-​poplu li kellu Alla fil-​qedem, l-​Iżraelin: “Agħmlu l-​ħila u qawwu qalbkom . . . il-​Mulej, Alla tiegħek, se jimxi miegħek; m’hux se jħallik, u anqas jitilqek.” (Dewteronomju 31:6) Ġeħova jippremja lin-​nies tiegħu. Għalih huma “teżor li ma bħalu.”

Ġeħova l-​Wieħed li “Jippremja”

11, 12. Kif nistgħu niġġieldu kontra d-​dubji meta nifhmu l-​irwol taʼ Ġeħova bħala Dak li jippremjana?

11 Xi ħaġa oħra li turi li Ġeħova jimpurtah mill-​qaddejja tiegħu hi li hu jippremjahom. Hu qal lill-​Iżraelin: “‘Ejjew ġarrbuni,’ jgħid il-​Mulej taʼ l-​eżerċti; ‘taraw jekk niftaħx għalikom it-​twieqi tas-​sema, u jekk insawwabx fuqkom barka bl-​abbundanza.’” (Malakija 3:10) M’għandniex xi ngħidu, maż-​żmien Ġeħova se jippremja lill-​qaddejja tiegħu bil-​ħajja taʼ dejjem. (Ġwanni 5:24; Rivelazzjoni 21:4) Dan il-​premju imprezzabbli jikxef il-​kobor taʼ l-​imħabba u l-​ġenerożità taʼ Ġeħova. Juri wkoll li hu japprezza tabilħaqq lil dawk li jagħżlu li jaqduh. Jekk nitgħallmu nħarsu lejn Ġeħova bħala Dak li jippremja b’mod ġeneruż se niġu megħjunin biex niġġieldu kwalunkwe dubju dwar kif jarana Alla. Fil-​fatt, Ġeħova jħeġġiġna narawh bħala xi ħadd li jippremja! Pawlu kiteb: “Min jersaq lejn Alla jrid jemmen li hu jeżisti u li jippremja lil dawk li jfittxuh bil-​ħeġġa.”—Ebrej 11:6.

12 Dażgur, aħna naqdu lil Ġeħova għax inħobbuh—mhux sempliċement minħabba li jwegħedna li jippremjana. Xorta waħda, il-​fatt li nħaddnu t-​tama taʼ premju ma jfissirx li aħna egoisti jew li qed nagħmlu xi ħaġa ħażina. (Kolossin 3:​23, 24) Sforz l-​imħabba tiegħu għalihom u l-​valur kbir li għandhom għalih, Ġeħova jieħu l-​inizjattiva u jippremja lil dawk li jfittxuh bil-​ħerqa.

13. Il-​provvediment tal-​fidwa għala hu l-​akbar evidenza taʼ l-​imħabba li għandu Ġeħova għalina?

13 L-​iktar ħaġa li turina kemm il-​bnedmin jistgħu jkunu taʼ valur għal Ġeħova hi lprovvediment tal-​fidwa. L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Alla tant ħabb lid-​dinja li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-​fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:16) Il-​provvediment tas-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Ġesù Kristu jġib fix-​xejn kull dubju dwar jekk aħniex taʼ min iħobbna jew taʼ valur f’għajnejn Ġeħova. Tabilħaqq, jekk Ġeħova ħallas prezz daqshekk kbir għalina—meta offra l-​Iben uniġenitu tiegħu—mela żgur li hu jħobbna profondament.

14. X’inhu dak li jurina kif Pawlu kien iħares lejn il-​fidwa?

14 Għalhekk, jekk kultant tħossok mifni minn sentimenti negattivi, immedita dwar il-​fidwa. Iva, ħares lejn din l-​għotja bħala provvediment persunali mingħand Ġeħova. Dan hu dak li għamel l-​appostlu Pawlu. Ftakar li hu qal: “Bniedem miżerabbli li jien!” Imma mbagħad kompla jgħid: “Ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu, il-​Mulej tagħna,” li bħalma qal Pawlu, “ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.” (Rumani 7:​24, 25; Galatin 2:20) Meta qal dan, Pawlu ma kienx qed ikun egoist. Hu sempliċement kellu fiduċja li Ġeħova kien japprezzah bħala individwu. Bħal Pawlu, int ukoll għandek titgħallem tħares lejn il-​fidwa bħala għotja persunali mingħand Alla. Ġeħova mhux biss hu Salvatur qawwi imma huwa wkoll Dak li jippremja bl-​imħabba.

Attent mit-​“Tnassis” taʼ Satana

15-17. (a) Ix-​Xitan kif jipprofitta ruħu mis-​sentimenti negattivi? (b) Liema inkuraġġiment nistgħu niksbu mill-​esperjenza taʼ Ġob?

15 Xorta waħda, għandek mnejn issibha diffiċli biex temmen li l-​faraġ ispirat fil-​Kelma t’Alla japplika tassew għalik. Għandek mnejn tħoss li l-​premju tal-​ħajja taʼ dejjem fid-​dinja l-​ġdida t’Alla hu xi ħaġa li l-​oħrajn jistgħu jiksbu, imma li int ma jixraqlikx. Jekk int tħossok hekk, x’tistaʼ tagħmel?

16 Żgur li int familjari mat-​twissija taʼ Pawlu lill-​Efesin: “Ilbsu l-​armatura sħiħa mingħand Alla biex tkunu tistgħu żżommu sod kontra t-​tnassis tax-​Xitan.” (Efesin 6:11) Meta naħsbu dwar it-​tattiċi li juża Satana, jistaʼ jkun li mill-​ewwel jiġuna f’moħħna l-​materjaliżmu u l-​immoralità, u bir-​raġun. Dawn it-​tentazzjonijiet waqqgħu lil ħafna min-​nies t’Alla kemm fi żmien il-​qedem u kemm fi żmienna. Però, m’għandniex ninsew nassa oħra taʼ Satana—l-​isforz tiegħu biex jikkonvinċi lin-​nies li Alla Ġeħova ma jħobbhomx.

17 Ix-​Xitan hu espert f’li jipprofitta ruħu minn dawn is-​sentimenti biex jipprova jbiegħed lin-​nies minn Alla. Ftakar fil-​kliem li Bildad qal lil Ġob: “Kif jistaʼ l-​bniedem joħroġ ġust quddiem Alla? Anqas il-​qamar ma jiddi għalih, u f’għajnejh il-​kwiekeb m’humiex safja; wisq inqas il-​bniedem li hu ħanex, bin il-​bniedem, li m’hux għajr dudu.” (Ġob 25:​4-6; Ġwanni 8:44) Tistaʼ timmaġina kemm kien skuraġġanti dak il-​kliem? Mela tħallix lil Satana jaqtagħlek qalbek. Minflok, oqgħod attent mit-​tattiċi taʼ Satana ħalli b’hekk ikollok il-​kuraġġ u s-​saħħa biex tiġġieled b’iktar qawwa ħalli tagħmel dak li hu sewwa. (2 Korintin 2:11) U dwar Ġob, avolja kellu jiġi koreġut, Ġeħova ppremjah għas-​sabar tiegħu billi reġaʼ kattarlu għal darbtejn dak kollu li kien tilef.—Ġob 42:10.

Ġeħova “Hu Akbar minn Qlubna”

18, 19. Alla kif inhu “akbar minn qlubna,” u b’liema mod “jaf kollox”?

18 Huwa minnu li jistaʼ jkun diffiċli rrażżnu sentimenti taʼ skuraġġiment li jkollhom għeruq fondi fina. Però, l-​ispirtu taʼ Ġeħova jistaʼ jgħinek bil-​mod il-​mod twaqqaʼ “affarijiet li jkunu stabbiliti fis-​sod . . . li [jqumu] kontra l-​għarfien dwar Alla.” (2 Korintin 10:​4, 5) Meta l-​ħsibijiet negattivi jkunu se jifnuk, irrifletti fuq il-​kliem taʼ l-​appostlu Ġwanni: “B’dan insiru nafu li noriġinaw mill-​verità, u naċċertaw lil qlubna quddiemu rigward dak kollu li qlubna jikkundannawna dwaru, għax Alla hu akbar minn qlubna u jaf kollox.”—1 Ġwanni 3:​19, 20.

19 Xi tfisser il-​frażi “Alla hu akbar minn qlubna”? Kultant, qalbna tikkundannana, speċjalment meta nkunu muġugħin għaliex nagħrfu l-​imperfezzjonijiet u n-​nuqqasijiet tagħna. Jew jistaʼ jkun li minħabba t-​trobbija tagħna jkollna tendenza fina li naħsbu b’mod negattiv dwarna nfusna, bħallikieku nagħmlu x’nagħmlu Ġeħova qatt m’hu se jaċċettana. Il-​kliem taʼ l-​appostlu Ġwanni jiżgurana li Ġeħova jaf iktar minn hekk! Hu ma joqgħodx jaħseb dwar l-​iżbalji li għamilna fil-​passat u jagħraf x’aħna kapaċi nagħmlu verament. Hu jaf ukoll il-​motivi u l-​intenzjonijiet tagħna. David kiteb: “Hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab.” (Salm 103:14) Iva, Ġeħova jafna aħjar milli nafu lilna nfusna!

“Kuruna taʼ Ġmiel” u “Dijadema taʼ Sultan”

20. Il-​profezija taʼ Isaija dwar ir-​restawrazzjoni x’turina dwar kif Ġeħova jħares lejn il-​qaddejja tiegħu?

20 Permezz tal-​profeta Isaija, Ġeħova ta lill-​poplu tiegħu tal-​qedem it-​tama li jiġi restawrat. Ladarba dawn l-​uħud b’qalbhom maqtugħa kienu se jkunu eżiljati f’Babilonja, dan il-​faraġ u r-​rassiguranza kienu eżatt dak li kien se jkollhom bżonn! Waqt li kien qed iħares ’il quddiem lejn iż-​żmien meta kienu se jirritornaw f’pajjiżhom, Ġeħova qal: “Għad tkun kuruna taʼ ġmiel f’id il-​Mulej, u dijadema taʼ sultan f’id Alla tiegħek.” (Isaija 62:3) B’dan il-​kliem, Ġeħova libbes lill-​poplu tiegħu bid-​dinjità u l-​ġmiel. Hu għamel l-​istess mal-​ġens taʼ Iżrael spiritwali llum. Hu bħallikieku għolliehom ’il fuq sabiex kulħadd ikun jistaʼ jammirahom.

21. Kif tistaʼ ssir fiduċjuż li Ġeħova se jippremja s-​sabar leali tiegħek?

21 Għalkemm din il-​profezija għandha twettiq primarju għall-​midlukin, però turi d-​dinjità li Ġeħova jsawwab fuq dawk kollha li jaqduh. Għalhekk, meta tkun mifni minn sentimenti taʼ dubju, ftakar li avolja int imperfett, tistaʼ tkun prezzjuż bħal “kuruna taʼ ġmiel” u “dijadema taʼ sultan” għal Ġeħova. Għalhekk, kompli ferraħlu qalbu billi tfittex li tagħmel ir-​rieda tiegħu bil-​ħeġġa kollha. (Proverbji 27:11) Jekk tagħmel hekk, tistaʼ tkun fiduċjuż li Ġeħova se jippremja s-​sabar leali tiegħek!

[Nota taʼ taħt]

^ Xi ismijiet ġew mibdulin.

X’Tiftakar?

• Ġeħova b’liema mod iqisna bħala “teżor li ma bħalu”?

• Għala hu importanti li nħarsu lejn Ġeħova bħala Dak li jippremja?

• Għal liema “tnassis” taʼ Satana għandna noqogħdu attenti?

• B’liema mod hu Alla “akbar minn qlubna”?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 26]

Pawlu

[Stampa f’paġna 26]

Elija

[Stampa f’paġna 26]

Anna

[Stampa f’paġna 28]

Il-​Kelma t’Alla fiha ħafna ħsibijiet taʼ faraġ