Meta Għandek Għalxiex Tieħu Għalik?
Meta Għandek Għalxiex Tieħu Għalik?
F’KOĦÈLET 7:9 (NW), il-Bibbja tgħid: “Li wieħed jieħu għalih huwa dak li jistrieħ fi ħdan l-istupidi.” Dan il-vers juri li m’għandniex inkunu sensittivi żżejjed meta xi ħadd joffendina; minflok, għandna nkunu lesti li naħfrulu.
Però, qiegħed Koħèlet 7:9 jgħid li qatt m’għandna nieħdu għalina minħabba xi ħaġa jew xi ħadd, li għandna naħfru kwalunkwe offiża minkejja kemm tkun kbira jew kemm-il darba ssir u li m’għandna nagħmlu xejn dwarha? Għandna ninjoraw il-fatt li kultant noffendu lil xi ħadd b’kelma jew azzjoni minħabba li nafu li l-individwu għandu jaħfrilna? Dan ma jistax ikun il-każ.
Alla Ġeħova hu l-personifikazzjoni taʼ l-imħabba, il-ħniena, il-maħfra, u s-sabar fit-tul. Però, fil-Bibbja, spiss naqraw li ġie offiż. Meta l-offiża kienet gravi, hu aġixxa kontra min għamilha. Ikkunsidra xi eżempji.
Offiżi Kontra Ġeħova
Ir-rakkont taʼ l-1 Slaten 15:30 jitkellem dwar id-dnubiet taʼ Ġerobogħam “li dineb hu u ġagħal lil Iżrael jidinbu, u b’hekk għaddab [“offenda,” NW] il-Mulej.” Fit-2 Kronaki 28:25, il-Bibbja tgħid dwar is-Sultan Aħaż taʼ Ġuda: “Bena santwarji f’kull belt taʼ Ġuda biex jaħarqu fuqhom l-inċens lil allat oħra, u hekk kompla saħħan il-korla tal-Mulej [“offenda lil Ġeħova,” NW], Alla taʼ missirijietu.” Insibu eżempju ieħor fi Mħallfin 2:11-14: “Wlied Iżrael għamlu l-ħażin f’għajnejn il-Mulej u servew lill-allat Bagħalim . . . , u nkurlaw [“offendew,” NW] lill-Mulej. . . . Xegħlet il-korla tal-Mulej għal Iżrael, u telaqhom f’idejn il-ħallelin li serquhom.”
Hemm affarijiet oħra li offendew lil Ġeħova u li kienu jeħtieġu minnu li jieħu azzjoni qawwija. Per eżempju, f’Eżodu 22:17-19 (22:18-20, NW) naqraw: “Saħħara, tħallihiex tgħix. Kull min jorqod maʼ bhima, ikun ħaqqu l-mewt. Kull min joffri sagrifiċċji lill-allat, ħlief lill-Mulej, ikun meqrud.”
Ġeħova ma ħafirx kontinwament l-offiżi kbar taʼ Iżrael tal-qedem meta baqgħu joffenduh u ma wrewx indiema vera. Meta ma kienx hemm indiema vera u ma għamlu xejn biex jindikaw li kienu se jduru lura u jobdu lil Ġeħova, Alla mbagħad ħalliehom jinqerdu. Dan ġara fuq skala nazzjonali fis-sena 607 Q.E.K., meta nqerdu mill-Babiloniżi, u għal darb’oħra fis-sena 70 E.K. meta nħatfu mir-Rumani.
Iva, Ġeħova jieħu għalih minħabba l-affarijiet ħżiena li jgħidu u jagħmlu n-nies, u hu spiss jagħmel ħaqq minn dawk li jagħmlu dnubiet gravi u ma jindmux. Imma allura Ġeħova hu bħal dak li jiddeskrivi Koħèlet 7:9? Lanqas xejn. Hu għandu raġun jieħu għalih meta jkun hemm dnubiet gravi u dejjem jagħmel ħaqq b’mod ġust. Il-Bibbja tgħid dwar Ġeħova: “Perfett għemilu; u lkoll ġusti t-triqat tiegħu. Alla taʼ kelmtu u ma jqarraqx; kollu ħaqq u kollu sewwa.”—Dewteronomju 32:4.
Offiżi Serji Kontra Individwi
Fil-Liġi li Alla ta lil Iżrael tal-qedem, kien hemm konsegwenzi serji għal offiżi kbar Eżodu 22:1 (22:2, NW).
kontra individwi. Per eżempju, jekk ħalliel kien jidħol f’dar bil-lejl u sid id-dar kien joqtlu, ma kien ikun hemm ebda ħtija tad-demm fuq sid id-dar. Hu kien vittma innoċenti taʼ att kriminali kbir. Għalhekk naqraw: “Jekk il-ħalliel jinqabad huwa u jiftaħ, u jaħbtu għalih u joqtluh, ħadd ma jkun ħati taʼ ħajtu.”—Mara li tkun ġiet stuprata għandha kull dritt tieħu għaliha bil-kbir għaliex dan hu att kriminali serju fil-ħarsa t’Alla. Taħt il-Liġi Mosajka, raġel li jistupra mara kellu jmut “bħal meta jħebb wieħed għal għajru, u jneħħilu ħajtu.” (Dewteronomju 22:25, 26) Għalkemm m’għadniex taħt dik il-Liġi, din tgħinna nifhmu kif iħossu Ġeħova dwar l-istupru—dnub ikrah ferm.
Anki fi żmienna, l-istupru huwa att kriminali kbir li jiġi kastigat bl-aħrax. Il-vittma għandha kull dritt tirrapporta l-każ lill-pulizija. B’dan il-mod, l-awtoritajiet xierqa jkunu jistgħu jikkastigaw lil min jikkaġunah. U jekk il-vittma tkun minorenni, il-ġenituri għandhom mnejn ikunu jixtiequ jirrapportaw huma.
Offiżi Iżgħar
Madankollu, mhux l-offiżi kollha jeħtieġu l-azzjoni taʼ l-awtoritajiet. Għalhekk, m’għandniex nagħmluha bi kbira dwar żbalji t’oħrajn li jkunu relattivament żgħar, imma għandna nkunu lesti li naħfru. Sa sebgħa u sebgħin darba.”—Mattew 18:21, 22.
Kemm-il darba għandna naħfru? L-appostlu Pietru staqsa lil Ġesù: “Mulej, kemm-il darba jistaʼ ħija jidneb kontrija u naħfirlu? Sa sebaʼ darbiet?” Ġesù wieġbu: “Ma ngħidlikx, Sa sebaʼ darbiet, imma,Mill-banda l-oħra, aħna għandna bżonn inkomplu naħdmu fuq il-personalità Kristjana tagħna billi nipprovaw ma noffendu lil ħadd. Per eżempju, meta tkellem lil oħrajn, ġieli tkun goff, bla tattika, jew insolenti? Min jitkellem b’dan il-mod wisq probabbli se joffendi lil oħrajn. Minflok ma jwaħħal fil-vittma għax tieħu għaliha u jħoss li hi għandha d-dmir taħfirlu, min jagħmel l-offiża għandu jirrealizza li l-persuna ħadet għaliha minħabba fih. Dak li jagħmel l-offiża għandu jaħdem fuq li jikkontrolla għemilu u kliemu ħalli l-ewwel u qabel kollox ma joffendi lil ħadd. Dan l-isforz se jnaqqas l-għadd taʼ drabi li nweġġgħu s-sentimenti taʼ oħrajn. Il-Bibbja tfakkarna: “Min iqassas b’ilsienu jinfed bħal sejf, imma lsien l-għorrief idewwi.” (Proverbji 12:18) Meta noffendu lil oħrajn, anki jekk ma tkunx l-intenzjoni tagħna, jekk nitolbu maħfra se ngħinu ħafna biex titranġa s-sitwazzjoni.
Il-Kelma t’Alla turi li għandna “niġru wara l-affarijiet li jġibu l-paċi u l-affarijiet li bihom nibnu lil xulxin.” (Rumani 14:19) Meta nużaw it-tattika u l-qalb tajba, inkunu qed napplikaw il-proverbju: “Bħal tuffieħ tad-deheb fuq platt tal-fidda, hi l-kelma li tingħad f’waqtha.” (Proverbji 25:11) Kemm inħallu impressjoni tajba u pjaċevoli b’dan il-mod! Kliem ħelu li jingħad bit-tattika jistaʼ anki jibdel attitudnijiet ebsin f’oħrajn: “Bil-kelma t-tajba tkisser l-għadam.”—Proverbji 25:15.
Għalhekk, il-Kelma t’Alla tagħtina l-parir: “Ħa jkun kliemkom dejjem kollu ħlewwa, imħawwar bil-melħ, sabiex tkunu tafu kif għandkom twieġbu lil kulħadd.” (Kolossin 4:6) “Imħawwar bil-melħ ifisser” li nagħmlu kliemna jogħġob lil oħrajn, u għalhekk ikun hemm inqas ċans li noffendu lil xi ħadd. Kemm bil-kliem u kemm bil-fatti, il-Kristjani jistinkaw biex japplikaw it-twissija tal-Bibbja: ‘Fittxu l-paċi u iġru warajha.’—1 Pietru 3:11.
Għalhekk, Koħèlet 7:9 jrid ifisser li għandna noqogħdu lura milli nieħdu għalina minħabba d-dnubiet t’oħrajn li huma relattivament żgħar. Dawn jistgħu jsiru minħabba l-imperfezzjoni tal-bniedem jew jistgħu jkunu apposta imma ma jkunux gravi. Imma meta offiża tkun dnub serju, huwa raġunevoli li l-vittma tħossha offiża u tistaʼ tagħżel li tieħu l-azzjoni li jkun hemm bżonn.—Mattew 18:15-17.
[Stampa f’paġna 14]
Ġeħova ħalla lill-Iżraelin li ma kinux niedma jinqerdu mir-Rumani fis-sena 70 E.K.
[Stampa f’paġna 15]
“Bħal tuffieħ tad-deheb . . . hi l-kelma li tingħad f’waqtha”