Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Tfisser il-kelma “forsi” f’Sofonija 2:3 li l-qaddejja t’Alla ma jistgħux ikunu ċerti jekk hux se jirċievu l-ħajja taʼ dejjem?
Din l-iskrittura taqra hekk: “Fittxu l-Mulej ilkoll, intom, l-umli taʼ l-art, li tagħmlu ordnijietu; fittxu l-ġustizzja, fittxu l-umiltà: biex forsi f’jum il-korla tal-Mulej ikollkom fejn tistkennu.” Dan il-vers għala jgħid “forsi”?
Sabiex nifhmu kif Ġeħova se jittratta maʼ l-uħud leali f’Armageddon, ikun t’għajnuna jekk niftakru x’tgħallem il-Bibbja dwar dak li se jagħmel Alla għal min imut qabel dak iż-żmien taʼ ġudizzju. Xi wħud se jesperjenzaw irxoxt għal ħajja immortali fis-sema, filwaqt li oħrajn se jiġu rxoxtati bil-prospett li jgħixu għal dejjem f’Ġenna taʼ l-art. (Ġwanni 5:28, 29; 1 Korintin 15:53, 54) Jekk Ġeħova jiftakar u jippremja lill-uħud leali li jmutu qabel Armageddon, hu żgur li se jagħmel l-istess mal-qaddejja tiegħu li jkunu ħajjin f’jum il-korla tiegħu.
Il-kliem ispirat taʼ l-appostlu Pietru huwa inkuraġġanti wkoll. Hu kiteb: “Lil Noè, predikatur tal-ġustizzja, [Alla] żammu qawwi u sħiħ maʼ sebgħa oħrajn meta ġab dilluvju fuq dinja taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla; u billi għamel irmied il-bliet taʼ Sodoma u Gomorra, ikkundannahom, . . . u ħeles lil Lot, raġel sewwa . . . Ġeħova jaf kif jeħles mit-tiġrib lil dawk li huma devoti lejh, imma jżomm lil dawk li huma inġusti għall-qtugħ f’jum il-ġudizzju.” (2 Pietru 2:5-9) Għalkemm fl-imgħoddi Ġeħova ġab qerda fuq il-ħżiena, hu żamm ħajjin lil Noè u lil Lot, li qdewh lealment. Bl-istess mod, Ġeħova se jsalva nies li għandhom devozzjoni lejh meta jġib qerda fuq il-ħżiena f’Armageddon. “Folla kbira” taʼ nies ġusti se jibqgħu ħajjin.—Rivelazzjoni 7:9, 14.
Milli jidher, għalhekk, il-kelma “forsi” f’Sofonija 2:3 ma tintużax minħabba xi inċertezza dwar l-abbiltà t’Alla li jżomm ħajjin lil dawk li għandhom l-approvazzjoni tiegħu. Minflok, huwa biss meta individwu jibda jfittex il-ġustizzja u l-umiltà, li jkollu l-probabbiltà li jsib fejn jistkenn f’jum il-korla taʼ Ġeħova. Sabiex jinżamm ħaj, l-individwu jrid jibqaʼ jfittex l-umiltà u l-ġustizzja.—Sofonija 2:3.
[Stampa f’paġna 31]
“Ġeħova jaf kif jeħles mit-tiġrib lil dawk li huma devoti lejh”