Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Punti Prinċipali mill-Ktieb tat-Tieni Slaten

Punti Prinċipali mill-Ktieb tat-Tieni Slaten

Il-​Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja

Punti Prinċipali mill-​Ktieb tat-​Tieni Slaten

IL-​KTIEB Bibliku tat-​Tieni Slaten ikompli fejn iħalli l-​ktieb taʼ l-​Ewwel Slaten. Dan fih rakkont taʼ 29 sultan—12 mis-​saltna taʼ Iżrael fit-​tramuntana u 17 mis-​saltna taʼ Ġuda fin-​nofsinhar. It-​Tieni Slaten jitkellem ukoll dwar l-​attivitajiet tal-​profeti Elija, Eliżew, u Isaija. Għalkemm m’huwiex għalkollox f’ordni kronoloġiku, ir-​rakkont imniżżel jasal saż-​żmien tal-​qerda tas-​Samarija u Ġerusalemm. B’kollox, it-​Tieni Slaten ikopri perijodu taʼ 340 sena—mis-​sena 920 Q.E.K. sas-​sena 580 Q.E.K. meta l-​profeta Ġeremija spiċċa jikteb il-​ktieb tiegħu.

X’valur għandu t-​Tieni Slaten għalina? X’jgħallimna dwar Ġeħova u l-​attivitajiet tiegħu? Liema lezzjonijiet nistgħu nieħdu mill-​għemejjel tas-​slaten, il-​profeti, u oħrajn imsemmijin fil-​ktieb? Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu mit-​Tieni Slaten.

ELIŻEW JIEĦU POST ELIJA

(2 Slaten 1:1–​8:​29)

Aħażija, is-​Sultan taʼ Iżrael, jaqaʼ f’daru stess u jweġġaʼ. Hu jirċievi l-​aħbar li se jmut mingħand il-​profeta Elija. Aħażija jmut, u ħuh Ġeħoram jibda jsaltan minfloku. Sadanittant, Ġosafat qed isaltan fuq Ġuda. Elija jittieħed ġo riefnu, u l-​assistent tiegħu, Eliżew, jilħaq warajh bħala profeta. F’madwar is-​60 sena tal-​ministeru tiegħu li jiġu wara, Eliżew jagħmel ħafna mirakli.—Ara l-​kaxxa “Il-​Mirakli t’Eliżew.”

Meta sultan taʼ Mowab jiħodha kontra Iżrael, Ġoram, Ġosafat, u s-​sultan taʼ Edom joħorġu jiltaqgħu miegħu fil-​battalja. Jingħataw ir-​rebħa minħabba l-​lealtà taʼ Ġosafat. Iktar tard, is-​sultan t’Aram, jew tas-​Sirja, jippjana attakk għal għarrieda kontra Iżrael. Madankollu, Eliżew ifixkel il-​pjan. Is-​sultan t’Aram jinkorla għalih u jibgħat “żwiemel u karrijiet, u qatgħa kbira taʼ nies armati” biex jaħtfu lil Eliżew. (2 Slaten 6:14) Eliżew jagħmel żewġ mirakli u jibgħat lill-​Aramin lura bis-​sliem. Maż-​żmien, is-​Sultan t’Aram Ben-ħadad jassedja lis-​Samarija. Dan iġib ġuħ kbir imma Eliżew ibassar li l-​ġuħ kellu jispiċċa.

Xi żmien wara, Eliżew imur Damasku. Is-​Sultan Ben-ħadad li issa jinsab marid, jibgħat lil Ħażajel biex jistaqsi ħalli jara jekk hux se jfiq mill-​marda tiegħu. Eliżew ibassar li s-​sultan se jmut u li Ħażajel se jaħkem minfloku. L-​għada stess, Ħażajel jifga lis-​sultan permezz taʼ biċċa “parkan,” jew gverta, imxarrab u jiħodlu postu bħala sultan. (2 Slaten 8:15) F’Ġuda, Ġosafat bin Ġeħoram isir sultan, u warajh jilħaq ibnu Aħażija.—Ara l-​kaxxa “Slaten taʼ Ġuda u taʼ Iżrael.”

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

2:9—Eliżew għala talab għal ‘żewġ ishma mill-​ispirtu t’Elija’? Biex iwettaq ir-​responsabbiltà tiegħu bħala profeta għal Iżrael, Eliżew kien se jkollu bżonn l-​istess spirtu li wera Elija, jiġifieri jkun kuraġġuż u bla biżaʼ. Ladarba rrealizza dan, Eliżew talab għal porzjon doppju mill-​ispirtu t’Elija. Eliżew inħatar minn Elija bħala s-​suċċessur tiegħu u kien ilu jassistih għal sitt snin, u allura Eliżew ħares lejn Elija bħala missieru spiritwali; Eliżew kien bħall-​ewwel iben spiritwali t’Elija. (1 Slaten 19:​19-​21; 2 Slaten 2:​12) Għalhekk, sewwasew bħalma l-​ewwel imwieled letterali jieħu żewġ ishma mill-​wirt taʼ missieru, Eliżew talab u rċieva żewġ ishma mill-​wirt spiritwali t’Elija.

2:​11—X’kien is-​“sema” li ‘Elija talaʼ fih fir-​riefnu’? Dan la kien xi parti mbiegħda taʼ l-​univers fiżiku u lanqas il-​post spiritwali fejn jinsabu Alla u l-​ulied anġeliċi tiegħu. (Dewteronomju 4:​19; Salm 11:4; Mattew 6:9; 18:10) “Is-​sema” li telaʼ fih Elija kien is-​sema taʼ l-​atmosfera. (Salm 78:26; Mattew 6:26) Meta ġera fl-​atmosfera taʼ l-​art, milli jidher il-​karru tan-​nar ittrasferixxa lil Elija lejn parti oħra taʼ l-​art fejn kompla jgħix għal xi żmien. Fil-​fatt xi snin wara, Elija kiteb ittra lil Ġeħoram, is-​sultan taʼ Ġuda.—2 Kronaki 21:​1, 12-​15.

5:​15, 16—Eliżew għala m’aċċettax ir-​rigal taʼ Nagħman? Eliżew irrifjuta r-​rigal għaliex hu għaraf li l-​miraklu tal-​fejqan taʼ Nagħman sar bil-​qawwa taʼ Ġeħova u mhux b’tiegħu stess. Lanqas biss kien jgħaddilu minn rasu li jipprofitta ruħu mill-​ħatra tiegħu li kienet ġejja minn Alla. L-​aduraturi veri llum ma jipprovawx jipprofittaw ruħhom personalment mis-​servizz taʼ Ġeħova. Huma jieħdu bis-​serjetà t-​twissija taʼ Ġesù: “Irċivejtu b’xejn, agħtu b’xejn.”—Mattew 10:8.

5:​18, 19—Kien Nagħman qed jitlob maħfra minħabba li kellu jieħu sehem f’għemil reliġjuż? Is-​sultan t’Aram jidher li kien xiħ u dgħajjef u kellu jserraħ maʼ Nagħman biex jimxi. Meta s-​sultan imil biex jadura lil Rimmon, Nagħman kien ikollu jagħmel bħalu. Għal Nagħman però, din kienet xi ħaġa awtomatika, li għamilha biss biex iwieżen lis-​sultan u mhux biex jagħti qima. Nagħman kien qed jitlob lil Ġeħova biex jaħfirlu talli kien iwettaq dan id-​dmir ċivili. Peress li emmen lil Nagħman, Eliżew qallu: “Mur bis-​sliem!”

Lezzjonijiet Għalina:

1:​13, 14. Jistgħu jiġu salvati l-​ħajjiet meta dak li jkun josserva u jaġixxi bl-​umiltà.

2:​2, 4, 6. Avolja Eliżew forsi kien ilu jassisti lil Elija għal sitt snin, hu insista biex ma jitilqux. X’eżempju mill-​aqwa taʼ lealtà u ħbiberija!—Proverbji 18:24.

2:​23, 24. Ir-​raġuni prinċipali għala t-​tfal bdew jiddieħqu b’Eliżew milli jidher kienet għaliex raġel qargħi kien liebes il-​mantar t’Elija. Huma għarfu lil Eliżew bħala r-​rappreżentant taʼ Ġeħova u sempliċement ma riduhx ikun f’nofshom. Huma qalulu “itlaʼ,” jiġifieri, ibqaʼ sejjer lejn Betel jew ħalli tittieħed bħalma ttieħed Elija. Jidher ċar li t-​tfal kellhom l-​istess attitudni kollha mibegħda tal-​ġenituri tagħhom. Kemm hu vitali li l-​ġenituri jgħallmu lil uliedhom jirrispettaw ir-​rappreżentanti t’Alla!

3:​14, 18, 24. Il-​kelma taʼ Ġeħova dejjem isseħħ.

3:​22. Minħabba li d-​dawl taʼ kmieni fil-​għodu beda jirrifletti fuq l-​ilma, inħolqot l-​illużjoni li l-​ilma kien demm, forsi minħabba li l-​ħamrija fil-​ġwiebi li kienu għadhom kif għamlu kien fiha t-​tafal aħmar. Ġeħova jistaʼ jagħżel li juża l-​fenomeni naturali biex iwettaq l-​iskopijiet tiegħu.

4:​8-​11. Peress li għarfet lil Eliżew bħala “raġel qaddis taʼ Alla,” waħda mara minn Sunem urietu l-​ospitalità. M’għandniex aħna nagħmlu l-​istess m’aduraturi leali taʼ Ġeħova?

5:3. It-​tfajla Iżraelija kellha l-​fidi fl-​abbiltà t’Alla li jwettaq il-​mirakli. Hi kellha wkoll il-​kuraġġ biex titkellem dwar il-​fidi tagħha. Qegħdin intom iż-​żgħażagħ tistinkaw biex issaħħu l-​fidi tagħkom fil-​wegħdi t’Alla u trabbu l-​kuraġġ biex taqsmu l-​verità maʼ l-​għalliema u l-​istudenti sħabkom?

5:​9-​19. Ma juriniex l-​eżempju taʼ Nagħman li min hu kburi jistaʼ jitgħallem l-​umiltà?—1 Pietru 5:5.

5:​20-​27. Xi prezz jitħallas minn min jipprova jgħix gidba! Jekk naħsbu dwar l-​uġigħ persunali u t-​traġedja li twassal għaliha ħajja doppja, se niġu megħjunin biex nevitaw li ngħixu ħajja bħal din.

IŻRAEL U ĠUDA JISPIĊĊAW FL-​EŻILJU

(2 Slaten 9:1–25:30)

Ġeħu jindilek bħala sultan fuq Iżrael. Ma jdumx ma jibda jħejji biex jaħbat għal dar Aħab. Bis-​sengħa kollha, Ġeħu jeqred il-​qima taʼ Bagħal minn Iżrael. (2 Slaten 10:28) Malli Għatalija ssir taf li binha Aħażija nqatel minn Ġeħu, ‘hi taqbad u toqtol in-​nisel kollu tas-​sultan’ u tieħu t-​tron mingħajr jedd. (2 Slaten 11:1) Ġowas biss, it-​tarbija taʼ Aħażija, jiġi salvat u wara sitt snin moħbi jinħatar bħala sultan fuq Ġuda. Mgħallem mill-​qassis Ġeħojada, Ġowas ikompli jagħmel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova.

Wara Ġeħu, is-​slaten kollha li jaħkmu fuq Iżrael jagħmlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova. Eliżew imut mewta naturali fi żmien in-​neputi taʼ Ġeħu. Ir-​rabaʼ sultan taʼ Ġuda wara Ġowas hu Aħaż, u hu ‘ma jagħmilx is-​sewwa f’għajnejn il-​Mulej.’ (2 Slaten 16:​1, 2) Però, ibnu Ħeżekija juri li hu sultan li “kien miġbud lejn il-​Mulej,” u kompla jagħmel ir-​rieda tiegħu. (2 Slaten 17:20; 18:6) Fis-​sena 740 Q.E.K., meta Ħeżekija jsaltan fuq Ġuda u Ħosegħa jaħkem fuq Iżrael, is-​Sultan Assirjan Salmaneser ‘jaqbad f’idejh is-​Samarija u jkarkar lill-​Iżraelin lejn l-​Assirja.’ (2 Slaten 17:6) Imbagħad, jinġiebu l-​barranin fit-​territorju taʼ Iżrael, u tinbet ir-​reliġjon Samaritana.

Mis-sebaʼ slaten li jiġu wara Ħeżekija f’Ġuda, Ġosija biss jieħu l-​passi biex jeħles lill-​pajjiż mill-​qima falza. Fl-​aħħar, fis-​sena 607 Q.E.K., il-​Babiloniżi jaħtfu lil Ġerusalemm u ‘Ġuda jiġi tturufnat ’il bogħod minn artu.’—2 Slaten 25:21.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

13:​20, 21—Jappoġġa dan il-​miraklu l-​venerazzjoni tar-​relikwi reliġjużi? Le, dan m’huwiex il-​każ. Il-​Bibbja qatt ma turi li l-​għadam t’Eliżew ġie venerat. Kienet il-​qawwa t’Alla li għamlet dan il-​miraklu possibbli, bħalma kien il-​każ bil-​mirakli l-​oħra kollha li għamel Eliżew meta kien għadu ħaj.

15:​1-6—Ġeħova għala laqat lil Għażarija (imsejjaħ ukoll Għużżija) bil-​ġdiem? “Imma malli [Għużżija] tqawwa, qalbu tkabbret . . . , u dineb kontra l-​Mulej, Alla tiegħu, u daħal fis-​santwarju tal-​Mulej biex jaħraq l-​inċens fuq l-​artal taʼ l-​inċens.” Meta l-​qassisin “waqfu quddiem Għużżija” u qalulu ‘joħroġ ’il barra mis-​santwarju,’ hu xegħel bil-​korla kontra l-​qassisin u ntlaqat bil-​ġdiem.—2 Kronaki 26:​16-20.

18:​19-​21, 25—Kien Ħeżekija għamel xi ftehim maʼ l-​Eġittu? Le. L-​akkuża tal-​gran kuppier kienet falza, bħalma kienet l-​istqarrija tiegħu li ġie bir-​“rieda tal-​Mulej.” Is-​Sultan leali Ħeżekija straħ għalkollox fuq Ġeħova.

Lezzjonijiet Għalina:

9:​7, 26. Il-​ġudizzju qawwi kontra dar Aħab juri li l-​qima falza u t-​tixrid taʼ demm innoċenti huma mistkerrha f’għajnejn Ġeħova.

9:​20. Ir-​reputazzjoni taʼ Ġeħu bħala wieħed li jsuq il-​karru bħal miġnun tat evidenza taż-​żelu tiegħu meta jwettaq xi inkarigu. Int magħruf personalment bħala proklamatur tas-​Saltna żeluż?—2 Timotju 4:2.

9:​36, 37; 10:17; 13:​18, 19, 25; 14:25; 19:​20, 32-​36; 20:​16, 17; 24:13. Nistgħu nkunu fiduċjużi li ‘l-​kelma li toħroġ minn fomm Ġeħova se tintemm,’ jew se tirnexxi b’xi mod jew ieħor.—Isaija 55:​10, 11.

10:15. Sewwasew bħalma Ġeħonadab aċċetta bil-​qalb kollha l-​istedina taʼ Ġeħu biex jitlaʼ fil-​karru miegħu, il-​“folla kbira” minn rajha tappoġġa lil Ġesù Kristu, Ġeħu taż-​żmien modern, u lis-​segwaċi midlukin tiegħu.—Rivelazzjoni 7:9.

10:​30, 31. Għalkemm Ġeħu ma kienx bla difett, Ġeħova wera apprezzament għal dak kollu li għamel. Tabilħaqq, ‘Alla mhux inġust biex jinsa għemilna.’—Ebrej 6:10.

13:​14-​19. Ladarba Ġowas, in-​neputi taʼ Ġeħu, m’għamilx ħiltu kollha imma darab l-​art bil-​vleġeġ tliet darbiet biss, hu kellu suċċess limitat f’li jegħleb lill-​Aramin. Ġeħova jistenna minna li nagħmlu x-​xogħol li tana b’qalbna kollha u biż-​żelu.

20:​2-6. Ġeħova ‘jismaʼ talbna.’—Salm 65:3 (Salm 65:​2, NW).

24:​3, 4. Minħabba l-​ħtija tad-​demm taʼ Manassi, Ġeħova “ma riedx jaħfer” lil Ġuda. Alla jirrispetta d-​demm taʼ l-​innoċenti. Nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se jitħallas tad-​demm innoċenti billi jeqred lil dawk li huma responsabbli talli jxerrduh.—Salm 37:​9-11; 145:20.

Taʼ Valur Għalina

Il-​ktieb tat-​Tieni Slaten juri li Ġeħova jwettaq il-​wegħdi tiegħu. L-​eżilju tar-​residenti taż-​żewġ saltniet, l-​ewwel taʼ Iżrael imbagħad taʼ Ġuda, jagħmel enfasi kbira fuq kif seħħ il-​ġudizzju profetiku mniżżel f’​Dewteronomju 28:15–​29:27 (Dewteronomju 28:15–​29:​28, NW). It-​Tieni Slaten jiddeskrivi lil Eliżew bħala profeta li għandu żelu kbir għal isem Ġeħova u għall-​qima vera. Ħeżekija u Ġosija huma deskritti bħala slaten umli li jirrispettaw il-​Liġi t’Alla.

Hekk kif nirriflettu dwar l-​attitudni u l-​għemejjel tas-​slaten, il-​profeti, u oħrajn li jirreferi għalihom il-​ktieb tat-​Tieni Slaten, ma nitgħallmux aħna lezzjonijiet prezzjużi dwar dak li għandna nistinkaw għalih u dak li għandna nevitaw? (Rumani 15:4; 1 Korintin 10:11) Iva, “il-​kelma t’Alla hi ħajja u qawwija.”—Ebrej 4:12.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 10]

IL-​MIRAKLI T’ELIŻEW

1. L-ilma tal-​Ġordan jinferaq.2 Slaten 2:14

2. Il-provvista taʼ ilma ħażin f’Ġeriko terġaʼ titjieb.2 Slaten 2:​19-22

3. Id-delinkwenti żgħażagħ jiġu attakkati mill-​orsijiet.2 Slaten 2:​23, 24

4. Jingħata l-​ilma lill-​armati.2 Slaten 3:​16-26

5. Armla tingħata żejt taʼ l-​ikel.2 Slaten 4:​1-7

6. Sunamija ħawlija tiled iben.—2 Slaten 4:​8-17

7. Iben jiġi rxoxtat.2 Slaten 4:​18-37

8. Stuffat velenuż isir tajjeb għall-​ikel.2 Slaten 4:​38-41

9. Mitt raġel jiġu mitmugħin b’20 ħobża.—2 Slaten 4:​42-44

10. Nagħman jitfejjaq mill-​ġdiem tiegħu.—2 Slaten 5:​1-14

11. Geħażi jintlaqat mill-​ġdiem taʼ Nagħman.—2 Slaten 5:​24-27

12. Il-ħadid taʼ mannara jitlaʼ f’wiċċ l-​ilma.—2 Slaten 6:​5-7

13. Qaddej jara karrijiet anġeliċi.—2 Slaten 6:​15-17

14. L-armata taʼ l-​Aramin tintlaqat bl-​għama.—2 Slaten 6:18

15. L-armata taʼ l-​Aramin terġaʼ tibda tara.—2 Slaten 6:​19-23

16. Raġel mejjet jerġaʼ jieħu l-​ħajja.—2 Slaten 13:​20, 21

[Tabella/Stampi f’paġna 12]

SLATEN TAʼ ĠUDA U TAʼ IŻRAEL

Sawl/David/Salamun: 1117/1077/1037 Q.E.K. *

SALTNA TAʼ ĠUDA DATA (Q.E.K.) SALTNA TAʼ IŻRAEL

Reħobogħam ․ 997․ Ġerobogħam

Abija/Asa ․ 980/978 ․

․ 976/975/952 ․ Nadab/Bagħsa/Ela

․ 951/951/951 ․ Żimri/Għomri/Tibni

․ 940 ․ Aħab

Ġosafat ․ 937 ․

․ 920/917 ․ Aħażija/Ġoram

Ġeħoram ․ 913 ․

Aħażija ․ 906 ․

(Għatalija) ․ 905 ․ Ġeħu

Ġowas ․ 898 ․

․ 876/859 ․ Ġeħowaħaż/Ġowas

Amasija ․ 858 ․

․ 844 ․ Ġerobogħam II

Għażarija (Għużżija) ․ 829 ․

․ 803/791/791 ․ Żakkarija/Sallum/Menaħem

․ 780/778 ․ Pekaħija/Pekaħ

Ġotam/Aħaż ․ 777/762 ․

․ 758 ․ Ħosegħa

Ħeżekija ․ 746 ․

․ 740 ․ Is-​Samarija tinħataf

Manassi/Amon/Ġosija ․ 717/661/659 ․

Ġeħowaħaż/Ġeħojakim ․ 628/628 ․

Ġeħojaċin/Sedekija ․ 618/617 ․

Ġerusalemm tinqered ․ 607 ․

[Nota taʼ taħt]

^ Id-​dati juru bejn wieħed u ieħor is-​sena li fiha bdiet il-​ħakma.

[Stampa f’paġna 8]

Nagħman umilja ruħu u tfejjaq bil-​qawwa taʼ Ġeħova

[Stampa f’paġna 9]

Xi ġralu Elija meta ‘talaʼ fir-​riefnu’?