Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tissielet Int mas-Sentimenti Tiegħek?

Tissielet Int mas-Sentimenti Tiegħek?

Tissielet Int mas-​Sentimenti Tiegħek?

GĦAL ħafna żmien f’ħajjitha, Lena ssieltet maʼ sentimenti negattivi li kienet tħoss dwarha nfisha. “Snin t’abbuż sesswali matul tfuliti ħassruli ħafna mir-​rispett tiegħi nnifsi,” qalet hi. “Ħassejtni totalment ma niswa għalxejn.” Simone wkoll tiftakar fiż-​żgħożija tagħha u tgħid, “Fil-​fond taʼ qalbi kelli vojt kbir u ħassejt li kważi ma kont ninqalaʼ għalxejn.” Illum il-​ġurnata, id-​dwejjaq kbar li jirriżultaw minn sentimenti bħal dawn jidhru li huma komuni. Kumpanija waħda li tagħti għajnuna lill-​adoloxxenti fuq it-​telefon tgħid li kważi nofs dawk li jċemplulhom jesprimu “sentimenti persistenti taʼ stima baxxa tagħhom infushom.”

Skond xi esperti, il-​fatt li xi wħud iħossuhom li m’huma kapaċi għalxejn jirriżulta minħabba li oħrajn iġagħluhom iħossuhom b’dan il-​mod. Kundizzjoni tal-​moħħ bħal din tistaʼ tirriżulta meta xi ħadd jiffaċċja għajjat kontinwu, kritika esaġerata u ħarxa, jew jiġi sfruttat b’mod abbużiv. Tkun xi tkun ir-​raġuni, il-​konsegwenzi jistgħu jdgħajfu u saħansitra jkissru lil dak li jkun. Permezz taʼ studju mediku reċenti nstab li individwi li jkollhom sentimenti negattivi dwarhom infushom għandhom it-​tendenza li ma jafdawx lilhom infushom u lil oħrajn, u b’hekk mingħajr ma jintebħu jibdew jagħmlu ħsara lil dawk qribhom, bħall-​qraba u l-​ħbieb. “F’ċertu sens,” ikompli r-​rapport fuq l-​istudju, “huma jġibu b’idejhom stess l-​iktar sitwazzjonijiet li jbeżżgħuhom.”

Uħud li jħossuhom b’dan il-​mod ħafna drabi jkunu vittmi taʼ ‘l-​hemm ġol-​qalb’ li titkellem dwaru l-​Bibbja. (Salm 94:19) Huma jħossuhom li qatt m’huma tajbin biżżejjed. Meta xi ħaġa ma tiġihomx tajba, mill-​ewwel iwaħħlu fihom infushom. Għalkemm oħrajn għandhom mnejn ifaħħruhom għal dak li jkunu għamlu, minn ġewwa huma jħossu sens taʼ ħtija li xi darba jew oħra se jinkixfu għal dak li huma tassew. Minħabba li ħafna jaħsbu li ma jistħoqqilhomx il-​ferħ, huma jibdew iġibu ruħhom b’mod li jkun taʼ ħsara għalihom infushom u jħossu li ma jifilħux jinbidlu. Lena, li ssemmiet qabel, bdiet ikollha problemi konnessi maʼ l-​ikel minħabba n-​nuqqas taʼ rispett lejha nfisha, u hi tammetti, “Ħassejt li ma kontx kapaċi ninbidel.”

Se jkollhom dawk li jissieltu maʼ ‘l-​hemm ġo qalbhom’ jibqgħu jħossuhom hekk għall-​bqija taʼ ħajjithom? Jistgħu jagħmlu xi ħaġa biex jegħlbu dawn is-​sentimenti? Il-​Bibbja tispjega xi prinċipji u pariri prattiċi li għenu lil ħafna jegħlbu din is-​sitwazzjoni. X’inhuma xi ftit minn dawn il-​prinċipji, u kif għenu lil uħud li sofrew biex isibu l-​ferħ f’ħajjithom? L-​artiklu li jmiss se jispjega dwar dan.