Ġenituri—X’Futur Tixtiequ Għal Uliedkom?
Ġenituri—X’Futur Tixtiequ għal Uliedkom?
“Iż-żgħażagħ u x-xbejbiet ukoll . . . ħa jfaħħru isem il-Mulej.”—Salm 148:12, 13.
1. Il-ġenituri dwar xiex jinkwetaw fejn jidħlu wliedhom?
LIEMA ġenituri ma jħossuhomx imħassbin dwar il-futur taʼ wliedhom? Minn meta titwieled it-tarbija—jew saħansitra minn qabel—il-ġenituri ma jiqfux jinkwetaw dwar il-ġid tagħha. Se tkun b’saħħitha? Se tiżviluppa b’mod normali? Meta t-tarbija tibda tikber, ikun hemm tħassib ieħor. Ġeneralment, il-ġenituri jkunu jridu biss l-aħjar għal uliedhom.—1 Samwel 1:11, 27, 28; Salm 127:3-5.
2. Ħafna ġenituri llum għala jikkonċernahom ħafna dwar li wliedhom igawdu ħajja sodisfaċenti meta jikbru?
2 Fid-dinja taʼ llum, però, hija sfida għall-ġenituri biex jipprovdu dak li hu l-aħjar għal uliedhom. Ħafna ġenituri għaddew minn żminijiet diffiċli—gwerer, taqlib politiku, diffikultajiet ekonomiċi, trawmi fiżiċi jew emozzjonali, u nibqgħu sejrin. Naturalment, huma jixtiequ minn qalbhom li wliedhom ma jgħaddux mill-istess affarijiet. F’pajjiżi sinjuri, il-ġenituri għandhom mnejn jaraw lill-ulied subien u bniet taʼ sħabhom u taʼ qrabathom jimxu ’l quddiem f’karrieri professjonali u jidhru li qed igawdu ħajja li tirnexxi. Għalhekk, iħossuhom imqanqlin biex jagħmlu minn kollox ħalli jkunu ċerti li wliedhom ukoll ikunu jistgħu jgawdu ħajja komda biżżejjed u fis-sigurtà—ħajja tajba—meta jikbru.—Koħèlet 3:13.
Agħżlu Ħajja Tajba
3. Liema għażla għamlu l-Kristjani?
3 Bħala segwaċi taʼ Ġesù Kristu, il-Kristjani għażlu li jiddedikaw ħajjithom lil Ġeħova. Huma ħadu bis-serjetà l-kliem taʼ Ġesù: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu u jerfaʼ z-zokk tat-tortura tiegħu jum wara l-ieħor u jibqaʼ miexi warajja.” (Luqa 9:23; 14:27) Iva, il-ħajja tal-Kristjani tinvolvi sagrifiċċju persunali. Madankollu, huma ma jgħixux ħajja taʼ ċaħda u għaks. Kuntrarju għal dan, huma jgħixu ħajja kollha ferħ u sodisfazzjon—ħajja tajba—għaliex tinvolvi l-għoti, u bħalma qal Ġesù, “hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—Atti 20:35.
4. Ġesù x’ħeġġiġhom ifittxu l-ewwel lis-segwaċi tiegħu?
4 In-nies fi żmien Ġesù kienu jgħixu f’ċirkustanzi tassew diffiċli. Minbarra li riedu jaqilgħu l-għajxien, kellhom jissaportu t-tmexxija ħarxa tar-Rumani u l-piż taʼ moħqrija li poġġew fuqhom ir-reliġjonisti taʼ żmienhom permezz taʼ ħafna formalitajiet. (Mattew 23:2-4) Xorta waħda, ħafna minn dawk li semgħu dwar Ġesù bil-ferħ warrbu fil-ġenb l-interessi persunali—saħansitra l-karrieri—u saru s-segwaċi tiegħu. (Mattew 4:18-22; 9:9; Kolossin 4:14) Kienu dawk id-dixxipli qed jirriskjaw u jipperikolaw il-futur tagħhom? Innota l-kliem taʼ Ġesù: “Kulmin telaq id-djar tiegħu jew lil ħutu subien jew bniet jew lil missieru jew lil ommu jew lit-tfal jew l-artijiet minħabba ismi jingħata ħafna iktar u jiret il-ħajja taʼ dejjem.” (Mattew 19:29) Ġesù żgura lis-segwaċi tiegħu li l-Missier tas-sema kien jaf il-bżonnijiet tagħhom. Għalhekk hu ħeġġiġhom: “Mela, ibqgħu fittxu l-ewwel is-saltna u s-sewwa tiegħu, u dawn l-affarijiet l-oħrajn kollha se jiżdidulkom.”—Mattew 6:31-33.
5. Xi ġenituri kif iħossuhom dwar l-assiguranza taʼ Ġesù li Alla jieħu ħsieb lill-qaddejja tiegħu?
5 Illum, l-affarijiet ma tantx huma differenti. Ġeħova jaf il-bżonnijiet tagħna, u dawk li jpoġġu l-interessi tas-Saltna l-ewwel f’ħajjithom, speċjalment dawk li jfittxu l-ewwel il-ministeru full-time, huma żgurati bl-istess mod li hu se jieħu ħsiebhom. (Malakija 3:6, 16; 1 Pietru 5:7) Però, xi ġenituri huma konfużi dwar dan. Minn banda, huma jixtiequ jaraw lil uliedhom javanzaw fis-servizz taʼ Ġeħova, forsi billi jidħlu fil-ministeru full-time. Mill-banda l-oħra, meta jikkunsidraw is-sitwazzjoni ekonomika u sekulari fid-dinja llum, huma jħossu li huwa importanti li ż-żgħażagħ tagħhom l-ewwel jieħdu edukazzjoni tajba ħalli jkunu jistgħu jkollhom il-kwalifiki neċessarji għal impjieg tajjeb jew għallinqas ikollhom ir-riżorsi fuqiex jistrieħu jekk ikun hemm bżonn. Għal dawn il-ġenituri, edukazzjoni tajba spiss tfisser edukazzjoni iktar għolja.
Preparazzjoni għall-Futur
6. B’liema mod huwa użat it-terminu “edukazzjoni għolja” f’dan l-artiklu?
6 Is-sistema edukattiva tvarja minn pajjiż għal ieħor. Per eżempju, fl-Istati Uniti, l-iskejjel pubbliċi joffru edukazzjoni bażika li ddum 12-il sena. Wara dan, l-istudenti jistgħu jagħżlu li jattendu l-università jew xi kulleġġ għal erbaʼ snin jew iktar, u jkunu jistgħu jiksbu xi lawrja jew wara dan jistgħu jkomplu jistudjaw għal karriera fil-mediċina, fil-liġi, fl-inġinerija, u nibqgħu sejrin. Dan it-tip t’edukazzjoni universitarja huwa dak li qed jirreferi għalih it-terminu “edukazzjoni għolja” kif użat f’dan l-artiklu. Mill-banda l-oħra, hemm skejjel tekniki u tas-snajjaʼ li joffru korsijiet qosra li jwasslu għal ċertifikat jew diploma li tikkwalifika lil dak li jkun għal xi sengħa jew servizz.
7. Liema pressjonijiet jiffaċċjaw l-istudenti fl-iskejjel sekondarji?
7 Illum hija drawwa li l-iskejjel sekondarji jippreparaw lill-istudenti għal edukazzjoni għolja. Għal din ir-raġuni, ħafna skejjel sekondarji jiffokaw fuq suġġetti akkademiċi li jippermettu lill-istudenti biex iġibu marki għoljin fl-eżamijiet tad-dħul fl-università minflok ma jiffokaw fuq korsijiet li se jħejju lill-istudenti għal fuq il-post tax-xogħol. L-istudenti taʼ l-iskejjel sekondarji llum jiffaċċjaw pressjoni tremenda mill-għalliema, mingħand dawk li jagħtuhom il-pariri, u mill-istudenti sħabhom biex jimmiraw għall-aqwa universitajiet, fejn jittamaw li jiksbu lawrji li jiftħulhom opportunitajiet ġodda għal impjiegi promettenti u b’paga għolja.
8. Il-ġenituri Kristjani liema għażliet jiffaċċjaw?
8 Allura, x’għandhom jagħmlu l-ġenituri Kristjani? M’għandniex xi ngħidu, huma jridu li wliedhom imorru tajjeb fl-iskola u jitgħallmu s-snajjaʼ neċessarji biex ’il quddiem ikunu jistgħu jmantnu lilhom infushom. (Proverbji 22:29) Imma għandhom huma sempliċement iħallu lil uliedhom jinġarru maʼ l-ispirtu taʼ kompetizzjoni għall-avanz materjali u s-suċċess? Liema tip taʼ miri jagħmlu għal uliedhom, kemm bil-kliem u kemm bl-eżempju persunali? Xi ġenituri jaħdmu tassew iebes u jġemmgħu ħalli jkunu jistgħu jibagħtu lil uliedhom f’istituzzjonijiet taʼ tagħlim ogħla meta jasal iż-żmien. Oħrajn huma lesti jidħlu fid-dejn biex jagħmlu dan. Però, il-prezz taʼ deċiżjoni bħal din ma jistax jitkejjel sempliċement bil-flus. Xi prezz iħallas min ifittex edukazzjoni għolja llum?—Luqa 14:28-33.
Il-Prezz t’Edukazzjoni Għolja
9. X’nistgħu ngħidu dwar il-prezz finanzjarju taʼ l-edukazzjoni għolja llum?
9 Meta naħsbu dwar prezz, ġeneralment naħsbu dwar spejjeż finanzjarji. F’xi pajjiżi, l-edukazzjoni għolja hija sponsorjata mill-gvern, u studenti li jikkwalifikaw ma jkollhomx iħallsu għat-tagħlim. Però f’ħafna postijiet, l-edukazzjoni għolja tiswa ħafna u maż-żmien qed issir tiswa iktar. Artiklu fin-New York Times josserva: “In-nies kienu jħarsu lejn l-edukazzjoni għolja bħala xi ħaġa li tiftaħ l-opportunitajiet. Issa qed tikkonferma d-differenza bejn is-sinjuri u dawk li m’humiex.” Fi kliem ieħor, edukazzjoni għolja taʼ kwalità malajr qed issir il-qasam taʼ dawk li huma sinjuri u popolari, li jitfgħu lil uliedhom f’dan il-qasam biex ikunu ċerti li huma wkoll isiru sinjuri u prominenti f’din is-soċjetà. Għandhom il-ġenituri Kristjani jagħżlu mira bħal din għal uliedhom?—Filippin 3:7, 8; Ġakbu 4:4.
10. L-edukazzjoni għolja kif inhi konnessa maʼ l-avanz tas-sistema preżenti?
10 Anki meta l-edukazzjoni għolja tkun b’xejn, xorta jistaʼ jkun hemm affarijiet oħra moħbija. Per eżempju, The Wall Street Journal jirrapporta li f’pajjiż fix-Xlokk taʼ l-Asja, il-gvern jopera sistema fl-iskola li bla mistħija taʼ xejn tgħin lill-aqwa studenti biex jilħqu l-aqwa pożizzjonijiet. Fl-aħħar mill-aħħar, l-aqwa pożizzjonijiet ifissru li jidħlu fl-aħjar istituzzjonijiet—Oxford u Cambrige fl-Ingilterra, l-iskejjel Ivy League fl-Istati Uniti, u oħrajn. Il-gvern għala jipprovdi programm daqshekk estensiv? “Biex imexxi ’l quddiem l-ekonomija nazzjonali,” jgħid ir-rapport. L-edukazzjoni tistaʼ tkun prattikament b’xejn, imma l-prezz li jħallsu l-istudenti hu ħajja mitlufa fl-avanz tas-sistema preżenti. Għalkemm dan it-tip taʼ ħajja huwa mfittex ħafna min-nies tad-dinja, jixtiequ l-ġenituri Kristjani li wliedhom jgħixu ħajja bħal din?—Ġwanni 15:19; 1 Ġwanni 2:15-17.
11. Ir-rapporti x’juru dwar l-abbuż taʼ l-alkoħol u l-immoralità sesswali fost l-istudenti universitarji?
11 Imbagħad trid tikkunsidra l-ambjent. Il-kampus taʼ l-universitajiet u tal-kulleġġi għandhom fama għal imġiba ħażina—abbuż tad-droga u alkoħol, immoralità, qerq, theddid, u l-lista tibqaʼ sejra. Ikkunsidra l-abbuż taʼ l-alkoħol. Meta tirrapporta dwar xalati bix-xorb, jiġifieri jixorbu sempliċement biex jiskru, ir-rivista New Scientist tgħid: “Xi 44 fil-mija [mill-istudenti universitarji fl-Istati Uniti] normalment jixorbu żżejjed minn taʼ l-inqas darba fi ħmistax.” L-istess problema hija komuni fost iż-żgħażagħ fl-Awstralja, fil-Britannja, fir-Russja, u f’pajjiżi oħra. Meta niġu għall-immoralità sesswali, l-istudenti llum jużaw ċertu kliem bħal li “jgħabbu,” li skond rapport fi Newsweek “jiddeskrivi relazzjoni sesswali taʼ darba—minn bews sa li jkollhom x’jaqsmu sesswalment—bejn uħud li lanqas biss ikunu qed jippjanaw li jerġgħu jitkellmu wara.” L-istudji juru li minn 60 sa 80 fil-mija mill-istudenti jieħdu sehem f’dan it-tip t’attività. “Jekk int student normali tal-kulleġġ,” jgħid wieħed riċerkatur, “int hekk tagħmel.”—1 Korintin 5:11; 6:9, 10.
12. L-istudenti tal-kulleġġi liema pressjonijiet jiffaċċjaw?
12 Minbarra l-ambjent ħażin, hemm il-pressjoni tax-xogħol taʼ l-iskola u l-eżamijiet. Naturalment, l-istudenti jridu jistudjaw u jagħmlu l-ħowmwerk biex jgħaddu mill-eżamijiet. Xi wħud għandhom mnejn ukoll jagħmlu għallinqas xogħol part-time waqt li jkunu għadhom l-iskola. Dan kollu jeħtieġ ammont kbir taʼ ħin u enerġija. Allura mbagħad, x’se jibqgħalhom għall-attivitajiet spiritwali? Meta jiżdiedu l-pressjonijiet, x’se jitħalla barra? Se jibqgħu jiġu l-ewwel l-interessi tas-Saltna, jew se jitwarrbu fil-ġenb? (Mattew 6:33) Il-Bibbja tħeġġeġ lill-Kristjani: “Oqogħdu attenti bis-sħiħ li ma timxux bħal nies bla għaqal imma bħal nies għorrief, u użaw il-ħin bl-aħjar mod, għax il-jiem huma ħżiena.” (Efesin 5:15, 16) X’dispjaċir li xi wħud tbiegħdu mill-fidi minħabba li spiċċaw jagħtu l-ħin u l-enerġija tagħhom għal affarijiet oħrajn jew minħabba li involvew ruħhom fi mġiba mhux Skritturali fil-kulleġġ!
13. Liema mistoqsijiet għandhom jikkunsidraw il-ġenituri Kristjani?
13 M’għandniex xi ngħidu, l-immoralità, l-imġiba ħażina, u l-pressjonijiet m’humiex limitati biss għall-kulleġġi u għall-kampus taʼ l-università. Madankollu, ħafna żgħażagħ tad-dinja sempliċement iqisu dawn l-affarijiet bħala parti mill-edukazzjoni, u jaraw kollox qisu xejn m’hu xejn. Għandhom il-ġenituri Kristjani, meta jafu dan kollu, jesponu lil uliedhom għal dan it-tip t’ambjent għal erbaʼ snin jew iktar? (Proverbji 22:3; 2 Timotju 2:22) Huma l-benefiċċji li jistgħu jiksbu ż-żgħażagħ daqshekk importanti li jiġġustifikaw ir-riskji involuti? U iktar importanti minn hekk, iż-żgħażagħ x’qed jitgħallmu dwar l-affarijiet li għandhom jiġu l-ewwel f’ħajjithom? a (Filippin 1:10; 1 Tessalonikin 5:21) Il-ġenituri jridu jikkunsidraw dawn il-mistoqsijiet bis-serjetà u bit-talb, kif ukoll iqisu l-periklu li hemm meta jibagħtu lil uliedhom fi skola ġo belt jew pajjiż ieħor.
X’Għażliet Oħra Hemm?
14, 15. (a) Minkejja l-opinjoni popolari, liema parir Bibliku japplika llum? (b) Iż-żgħażagħ liema mistoqsijiet jistgħu jistaqsu lilhom infushom?
14 Illum, l-opinjoni popolari hi li biex iż-żgħażagħ jirnexxu, l-unika għażla hi li jieħdu edukazzjoni universitarja. Madankollu, minflok ma jsegwu dak li hu popolari, il-Kristjani jagħtu kas it-twissija tal-Kelma t’Alla: “Tibqgħux magħġunin skond din is-sistema, imma inbidlu billi ġġeddu moħħkom, biex tagħtu prova lilkom infuskom dwar x’inhi r-rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.” (Rumani 12:2) X’inhi r-rieda t’Alla għall-poplu tiegħu, kemm jekk kbar jew żgħar, f’din l-aħħar parti taż-żmien taʼ l-aħħar? Pawlu ħeġġeġ lil Timotju: “Ibqaʼ f’sensik f’kollox, sofri l-ħażen, agħmel ix-xogħol taʼ evanġelizzatur, wettaq bis-sħiħ il-ministeru tiegħek.” Dan il-kliem żgur li japplika għalina lkoll illum.—2 Timotju 4:5.
15 Minflok ma ninqabdu fl-ispirtu materjalistiku taʼ din id-dinja, ilkoll kemm aħna rridu ‘nibqgħu f’sensina,’ iffokati fuq id-direzzjoni spiritwali taʼ ħajjitna. Jekk int żagħżugħ, staqsi lilek innifsek: ‘Qed nagħmel kulma nistaʼ biex “inwettaq il-ministeru tiegħi,” ħalli nsir ministru kwalifikat tal-Kelma t’Alla? Xi pjanijiet għandi biex inwettaq “bis-sħiħ” il-ministeru tiegħi? Ikkunsidrajt li nagħmel is-servizz full-time bħala l-karriera tiegħi?’ Dawn huma mistoqsijiet li jippreżentawlek sfida, speċjalment meta tara żgħażagħ oħra jixxalaw f’attivitajiet egoistiċi, ‘ifittxu ħwejjeġ kbar’ li jaħsbu li se jagħtuhom futur mill-aqwa. (Ġeremija 45:5) Għalhekk, il-ġenituri Kristjani b’mod għaqli jipprovdu ambjent u taħriġ spiritwali xieraq lil uliedhom miċ-ċokon.—Proverbji 22:6; Koħèlet 12:1; 2 Timotju 3:14, 15.
16. Il-ġenituri Kristjani kif jistgħu b’mod għaqli jipprovdu l-ambjent spiritwali xieraq għal uliedhom?
16 “Ommi kienet toqgħod attenta ħafna dwar maʼ min nagħmluha,” jiftakar l-akbar wieħed minn tliet subien f’familja waħda fejn l-omm kienet taqdi bħala ministru full-time tul is-snin. “Ma konniex nagħmluha maʼ sħabna taʼ l-iskola imma biss maʼ dawk fil-kongregazzjoni li kellhom drawwiet spiritwali tajbin. Hi kienet ukoll tistieden regolarment lil dawk fis-servizz full-time—missjunarji, indokraturi li jivvjaġġaw, Beteliti, u pijunieri—biex jiġu sad-dar tagħna. Minħabba li konna nisimgħu l-esperjenzi tagħhom u konna naraw il-ferħ li kellhom, f’qalbna nibtet ix-xewqa li nidħlu fis-servizz full-time.” X’ferħ li llum it-tliet subien qed jaqdu fil-ministeru full-time—wieħed jaqdi f’Betel, l-ieħor attenda l-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali, u l-ieħor pijunier!
17. Liema gwida jistgħu jipprovdu l-ġenituri liż-żgħażagħ meta jiġu biex jagħżlu s-suġġetti taʼ l-iskola u jimmiraw għal karriera? (Ara l-kaxxa f’paġna 29.)
17 Minbarra li jipprovdu ambjent spiritwali b’saħħtu, minn kmieni kemm jistaʼ jkun il-ġenituri jagħtu wkoll lil uliedhom gwida xierqa fl-għażla tas-suġġetti taʼ l-iskola u għal liema karriera jimmiraw. Żagħżugħ ieħor, li issa jaqdi f’Betel, jgħid: “Il-ġenituri tiegħi t-tnejn li huma qdew bħala pijunieri kemm qabel u kemm wara li żżewġu u għamlu kulma setgħu biex jgħaddu l-ispirtu taʼ pijunier lill-familja kollha. Kulmeta konna nagħżlu s-suġġetti l-iskola jew nieħdu xi deċiżjonijiet li kienu se jeffettwawlna l-futur, huma dejjem inkuraġġewna nagħżlu dak li se jagħtina l-aħjar opportunità biex insibu xogħol part-time u naqdu bħala pijunieri.” Minflok ma jagħżlu suġġetti akkademiċi li huma mfassla għal edukazzjoni universitarja, il-ġenituri u t-tfal iridu jikkunsidraw korsijiet li huma utli biex jidħlu f’karriera teokratika. b
18. Liema opportunitajiet taʼ xogħol jistgħu jikkunsidraw iż-żgħażagħ?
18 Studji li saru juru li f’ħafna pajjiżi hemm bżonn kbir, mhux taʼ gradwati universitarji, imma taʼ nies biex jaħdmu fil-qasam tas-snajjaʼ u s-servizzi. Il-USA Today irrapportat li 70 fil-mija mill-ħaddiema fl-għexur taʼ snin li ġejjin mhux se jkollhom bżonn lawrja li tinkiseb wara erbaʼ snin l-università, imma, minflok, livell li jinkiseb wara sentejn taʼ studju f’kulleġġ t’edukazzjoni terzjarja, jew xi tip taʼ ċertifikat fit-teknika. Ħafna minn dawn l-istituzzjonijiet joffru korsijiet qosra taʼ taħriġ għall-uffiċċju, tiswija tal-kompjuter, plaming, parrukkieri, u għadd taʼ snajjaʼ oħra. Huma dawn impjiegi taʼ min jixtieqhom? Dażgur li iva! Forsi ma jidhrux tant sbieħ daqskemm jimmaġinaw xi wħud, imma dawn xorta joffru mezz t’għajxien u flessibilità għal dawk li l-karriera vera tagħhom hi fis-servizz lil Ġeħova.—2 Tessalonikin 3:8.
19. Liema għażla żgur se twasslek għal ħajja taʼ ferħ u kuntentizza?
19 “Iż-żgħażagħ u x-xbejbiet ukoll,” tħeġġeġ il-Bibbja, “ħa jfaħħru isem il-Mulej, għax ismu waħdu l-għoli, sebħu ’l fuq mill-art u s-sema!” (Salm 148:12, 13) Meta tqabbilha mal-pożizzjonijiet u l-premjijiet li toffri d-dinja, karriera fis-servizz full-time lil Ġeħova bla ebda dubju li hi l-għażla li żgur se tagħtik ħajja taʼ ferħ u kuntentizza. Ħu bis-serjetà l-assiguranza tal-Bibbja: “Il-barka tal-Mulej iġġib l-għana, u xejn ma jżid magħha t-taħbit tagħna.”—Proverbji 10:22.
[Noti taʼ taħt]
a Għal rakkonti taʼ dawk li stmaw il-valur taʼ l-edukazzjoni teokratika iktar mill-edukazzjoni universitarja, ara The Watchtower taʼ l-1 taʼ Mejju, 1982, paġni 3-6; 15 t’April, 1979, paġni 5-10; l-Awake! tat-8 taʼ Ġunju, 1978, paġna 15; u tat-8 t’Awissu, 1974, paġni 3-7.
b Ara l-Awake! tat-8 t’Ottubru, 1998, “In Search of a Secure Life” (Tfittxija għal Ħajja fis-Sigurtà), paġni 4-6, u tat-8 taʼ Mejju, 1989, “What Career Should I Choose?” (X’Karriera Għandi Nagħżel?) paġni 12-14.
Tistaʼ Tispjega?
• Il-Kristjani fiex ipoġġu l-fiduċja tagħhom għal futur fis-sigurtà?
• Liema sfidi jiffaċċjaw il-ġenituri Kristjani dwar il-futur taʼ wliedhom?
• Xi jrid jiġi kunsidrat meta jiġi kalkulat il-prezz taʼ li jfittxu edukazzjoni għolja?
• Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lil uliedhom biex ifittxu karriera fis-servizz taʼ Ġeħova?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Kaxxa f’paġna 29]
X’Valur Għandha l-Edukazzjoni Għolja?
Bosta nies li jidħlu l-università jħarsu ’l quddiem biex jiksbu lawrja li tiftħilhom opportunitajiet għal impjieg b’paga tajba li joffrilhom sigurtà ekonomika. Madankollu, rapporti mill-gvern juru li kwart biss minn dawk li jattendu l-università jiksbu lawrja sa sitt snin wara—rata taʼ suċċess li hi diżappuntanti. Anki għal min jikseb lawrja, ifisser dan li se jkollu impjieg tajjeb? Innota x’jgħidu riċerki u studji kurrenti.
“Il-fatt li xi ħadd imur [l-universitajiet] Harvard jew Duke ma jfissirx awtomatikament li se jkollu impjieg aħjar u paga ogħla. . . . Il-kumpaniji ma tantx huma informati sew dwar il-kandidati taʼ l-impjiegi li jkunu għadhom żgħar. Kredenzjali jlellxu (bħal digriet taʼ l-Ivy League) jistgħu jimpressjonaw lil xi wħud. Imma wara dan, l-iktar importanti hu x’inhu jew x’m’huwiex kapaċi jagħmel l-individwu.”—Newsweek, 1 taʼ Novembru, 1999.
“Waqt li xogħol normali llum jeħtieġ iktar sengħa minn qabel . . . , is-snajjaʼ meħtieġa għal dawn l-impjiegi huma snajjaʼ tajbin li titgħallem fl-iskola sekondarja—il-matematika, il-qari, u l-kitba li tkun ksibt sad-disaʼ sena fl-iskola . . . , mhux snajjaʼ li tikseb fil-kulleġġ. . . . L-istudenti m’għandhomx għalfejn imorru f’kulleġġ biex jiksbu impjieg tajjeb, imma għandhom bżonn jitgħallmu sew is-snajjaʼ li jieħdu fl-iskola sekondarja.”—American Educator, Rebbiegħa 2004.
“Ħafna kulleġġi jmorru ’l bogħod mid-dinja reali meta jippreparaw lill-istudenti biex isiru ħaddiema fid-dinja wara li jispiċċaw is-snin akkademiċi. L-iskejjel li jħarrġu għas-snajjaʼ . . . f’daqqa waħda saru iktar popolari. Mill-1996 sas-sena 2000 kellhom żjieda taʼ studenti taʼ 48 fil-mija. . . . Sadanittant, id-diplomi tal-kulleġġi li jiswew ħafna flus u jieħdu ammont esaġerat taʼ ħin qegħdin dejjem isiru jiswew inqas.”—Time, 24 taʼ Jannar, 2005.
“Stimi mid-Dipartiment tax-Xogħol taʼ l-Istati Uniti matul l-2005 jikxfu l-possibbiltajiet tal-biżaʼ li mill-inqas terz mill-istudenti kollha tal-kulleġġi li jiggradwaw wara erbaʼ snin m’humiex se jsibu impjieg ekwivalenti għal-lawrji tagħhom.”—The Futurist, Lulju/Awissu 2000.
Meta jqisu dan kollu, iktar u iktar edukaturi qed ikollhom dubji serji dwar il-valur taʼ l-edukazzjoni għolja llum. “Qed nedukaw lin-nies għal miri li m’humiex tajbin,” jilmenta rapport fi Futurist. B’kuntrast, innota x’tgħid il-Bibbja dwar Alla: “Jien hu l-Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-ġid tiegħek, u nqabbdek it-triq fejn għandek timxi. Li kieku tajt widen għall-kmandamenti tiegħi, kien ikun bħal xmara sliemek, u sedqek bħal mewġ tal-baħar.”—Isaija 48:17, 18.
[Stampa f’paġna 26]
Huma warrbu l-interessi persunali u segwew lil Ġesù
[Stampa f’paġna 31]
Il-ġenituri Kristjani b’mod għaqli jipprovdu ambjent b’saħħtu spiritwalment għal uliedhom miċ-ċokon