“Ibqgħu Għassa”—Waslet is-Siegħa taʼ Ġudizzju!
“Ibqgħu Għassa”—Waslet is-Siegħa taʼ Ġudizzju!
L-informazzjoni f’dan l-artiklu taʼ studju hija bbażata fuq il-browxer Ibqaʼ Għassa! li ħareġ fil-konvenzjonijiet distrettwali li saru madwar id-dinja matul is-sena 2004/05.
“Ibqgħu għassa, għax ma tafux f’liema jum ġej il-Mulej tagħkom.”—MATTEW 24:42.
1, 2. Ġesù maʼ xiex ixebbah tajjeb il-miġja tiegħu?
X’KONT tagħmel kieku kellek issir taf li kien hemm ħalliel iħuf fl-inħawi tiegħek, jisraq id-djar fil-viċinanzi? Sabiex tipproteġi lill-għeżież tiegħek u l-ġid li għandek, żgur li kont tibqaʼ moħħok hemm, għassa. Wara kollox, ħalliel ma jibgħatx ittra biex javżak li jkun ġej. Minflok, hu jiġi baxx baxx u meta ma tkunx qed tistennieh.
2 F’iktar minn okkażjoni waħda, Ġesù uża ħalliel fit-tixbihat tiegħu. (Luqa 10:30; Ġwanni 10:10) Dwar il-ġrajjiet li jseħħu fiż-żmien taʼ l-aħħar u li se jwasslu għall-wasla tiegħu biex jagħmel ġudizzju, Ġesù ta din it-twissija: “Ibqgħu għassa, għax ma tafux f’liema jum ġej il-Mulej tagħkom. Imma kunu afu dan, li kieku sid id-dar kien jaf f’liema għassa kien ġej il-ħalliel, kien jibqaʼ mqajjem u ma jħallix daru tinsteraq.” (Mattew 24:42, 43) Mela Ġesù xebbah il-miġja tiegħu mal-wasla taʼ ħalliel—kwieta u għal għarrieda.
3, 4. (a) X’hemm involut f’li wieħed jismaʼ mit-twissija taʼ Ġesù dwar il-wasla tiegħu? (b) Liema mistoqsijiet iqumu?
3 Ix-tixbiha kienet tajba minħabba li d-data preċiża tal-wasla taʼ Ġesù ma kellhiex tkun magħrufa. Iktar kmieni, fl-istess profezija, Ġesù qal: “Dak il-jum u s-siegħa ma jafhom ħadd, la l-anġli tas-smewwiet u lanqas l-Iben, ħlief il-Missier.” (Mattew 24:36) Ġesù għalhekk ħeġġeġ lis-semmiegħa tiegħu: “Kunu lesti.” (Mattew 24:44) Dawk li jisimgħu mit-twissija taʼ Ġesù se jkunu lesti, se jġibu ruħhom tajjeb, jiġi meta jiġi biex jesegwixxi l-ġudizzju taʼ Ġeħova.
4 Issa jqumu xi mistoqsijiet importanti: Hija t-twissija taʼ Ġesù għan-nies fid-dinja biss, jew għandha tqanqal lill-Kristjani veri wkoll biex ‘jibqgħu għassa’? Għala huwa urġenti b’mod speċjali li ‘nibqgħu għassa,’ u dan x’jinvolvi?
Twissija Għal Min?
5. Kif nafu li t-twissija biex ‘nibqgħu għassa’ tapplika għall-Kristjani veri?
5 Żgur li l-miġja tal-Mulej se tkun bħal ħalliel għan-nies tad-dinja, li jagħlqu widnejhom għat-twissija taʼ gwaj li ġej dalwaqt. (2 Pietru 3:3-7) Madankollu, xi ngħidu għall-Kristjani veri? L-appostlu Pawlu kiteb lil sħabu fit-twemmin: “Intom stess tafu tajjeb li jum Ġeħova ġej eżattament bħal ħalliel bil-lejl.” (1 Tessalonikin 5:2) F’moħħna m’hemm ebda dubju li “jum Ġeħova ġej.” Imma jfisser dan li m’hemmx daqshekk bżonn li nibqgħu għassa? Innota li Ġesù kien qed ikellem lid-dixxipli tiegħu meta qal: “F’siegħa li ma tistennewhiex ġej Bin il-bniedem.” (Mattew 24:44) Ftit qabel, meta kien qed iħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu biex ifittxu s-Saltna kontinwament, Ġesù avżahom: “Kunu dejjem għal-lest, għax f’siegħa li ma tobsruhiex ġej Bin il-bniedem.” (Luqa 12:31, 40) M’huwiex ċar li Ġesù kellu lid-dixxipli tiegħu f’moħħu meta wissa: “Ibqgħu għassa”?
6. Għala għandna bżonn ‘nibqgħu għassa’?
6 Għala għandna bżonn ‘nibqgħu għassa’ u ‘nkunu lesti’? Ġesù spjega: “Imbagħad żewġt irġiel ikunu fl-għalqa: wieħed jittieħed u l-ieħor jiġi abbandunat; żewġ nisa jkunu qed jitħnu: waħda tittieħed u l-oħra tiġi abbandunata.” (Mattew 24:40, 41) Dawk li juru li huma lesti se ‘jittieħdu,’ jew jiġu salvati, meta tinqered id-dinja li tiċħad lil Alla. Oħrajn se ‘jitħallew’ jinqerdu minħabba li fittxew b’egoiżmu mod taʼ ħajja li jogħġob lilhom. Dawn jistgħu jinkludu individwi li darba saru jafu l-verità imma ma baqgħux għassa.
7. Il-fatt li ma nafux meta ġej it-tmiem x’jippermettilna li nagħmlu?
7 Il-fatt li ma nafux il-jum eżatt tat-tmiem taʼ din is-sistema qadima jagħtina l-opportunità li nuru li aħna naqdu lil Alla b’motiv pur. Dan kif? Jistaʼ jkun li t-tmiem taʼ din is-sistema qadima qed jidher li se jdum ħafna biex jasal. B’dispjaċir, xi Kristjani li jħossuhom hekk birdu fiż-żelu tagħhom għas-servizz taʼ Ġeħova. Madankollu, fid-dedikazzjoni aħna ppreżentajna ruħna kompletament lil Ġeħova biex naqduh. Dawk li jafu lil Ġeħova jirrealizzaw li turija taʼ żelu fl-aħħar minuta m’hijiex se timpressjonah. Hu jara x’hemm fil-qalb.—1 Samwel 16:7.
8. L-imħabba tagħna għal Ġeħova kif tqanqalna biex nibqgħu għassa?
8 Minħabba li verament inħobbu lil Ġeħova, l-iktar ħaġa li nieħdu pjaċir nagħmlu hija r-rieda tiegħu. (Salm 40:9 [40:8, NW]; Mattew 26:39) Aħna rridu naqdu lil Ġeħova għal dejjem. Dan il-prospett ma jsirx inqas prezzjuż minħabba li rridu nistennew ftit iktar milli stajna ħsibna. Fuq kollox, ir-raġuni għala aħna nibqgħu għassa hi għax nistennew b’ħerqa dak li se jkun ifisser jum Ġeħova biex jitwettaq l-iskop tiegħu. L-akbar xewqa tagħna biex nogħġbu lil Alla tqanqalna biex napplikaw il-pariri tal-Kelma tiegħu u nagħtu l-prijorità lis-Saltna tiegħu f’ħajjitna. (Mattew 6:33; 1 Ġwanni 5:3) Ejja nikkunsidraw kif il-fatt li nibqgħu għassa għandu jinfluwenza d-deċiżjonijiet li nieħdu u l-mod kif ngħixu ħajjitna kuljum.
Ħajtek f’Liema Direzzjoni Sejra?
9. In-nies tad-dinja għala jeħtieġu mill-iktar fis li jistenbħu għat-tifsir taʼ żminijietna?
9 Ħafna nies illum għandhom mnejn jafu li saret xi ħaġa taʼ kuljum li jisimgħu bi problemi serji u ġrajjiet tal-biżaʼ. Forsi m’humiex kuntenti bid-direzzjoni li qabdu f’ħajjithom. Imma jafu huma xi jfissru verament il-kundizzjonijiet taʼ madwarhom? Jirrealizzaw li qed ngħixu fi “tmiem is-sistema”? (Mattew 24:3) Jagħrfu li l-egoiżmu, il-vjolenza, u saħansitra l-attitudnijiet kontra r-rieda t’Alla li tant huma mifruxin illum jindikaw li dawn huma “l-aħħar jiem”? (2 Timotju 3:1-5) Dawn jeħtieġu li mill-iktar fis jistenbħu għat-tifsir taʼ dan kollu u jikkunsidraw it-triq li qabdu f’ħajjithom.
10. Xi rridu nagħmlu biex inkunu ċerti li nibqgħu għassa?
10 Xi ngħidu għalina? Kuljum niffaċċjaw deċiżjonijiet li jinvolvu l-impjieg, is-saħħa, il-familja, u l-qima tagħna. Aħna nafu x’tgħid il-Bibbja, u nistinkaw biex napplikawha. Għalhekk, huwa tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘Qiegħed jien inħalli l-ansjetajiet tal-ħajja jaljenawni? Qiegħed inħalli l-filosofiji tad-dinja, il-mod kif taħseb hi, jiddeterminaw l-għażliet li nagħmel?’ (Luqa 21:34-36; Kolossin 2:8) Jeħtieġ li nkomplu nuru bil-fatti li aħna nafdaw f’Ġeħova b’qalbna kollha, u ma nafdawx fl-għaqal tagħna. (Proverbji 3:5) B’dan il-mod, se naqbdu “qabda soda mal-ħajja vera”—il-ħajja eterna fid-dinja l-ġdida t’Alla.—1 Timotju 6:12, 19.
11-13. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempji taʼ dak li ġara (a) fi żmien Noè? (b) fi żmien Lot?
11 Il-Bibbja fiha ħafna eżempji bħala twissija li jistgħu jgħinuna nibqgħu għassa. Ikkunsidra x’ġara fi żmien Noè. Minn ħafna qabel, Alla ħa ħsieb li tingħata twissija. Imma ħadd ma ta kas ħlief Noè u l-familja tiegħu. (2 Pietru 2:5) Dwar dan, Ġesù qal: “Bħalma kienu jiem Noè, hekk tkun il-preżenza taʼ Bin il-bniedem. Għax bħalma f’dawk il-jiem qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, irġiel jiżżewġu u nisa jingħataw fiż-żwieġ, sal-jum li Noè daħal fl-arka; u ma tawx kas sakemm ġie d-dilluvju u kinishom ilkoll, hekk tkun il-preżenza taʼ Bin il-bniedem.” (Mattew 24:37-39) X’nistgħu nitgħallmu minn dan? Jekk xi ħadd minna qed iħalli l-affarijiet taʼ kuljum—anki l-attivitajiet normali tal-ħajja—jieħdu mill-ħin taʼ l-attivitajiet spiritwali li Alla jħeġġiġna biex nagħtuhom l-ewwel post, hemm bżonn li naħsbu bis-serjetà dwar is-sitwazzjoni tagħna.—Rumani 14:17.
12 Aħseb ukoll dwar żmien Lot. Il-belt taʼ Sodoma, fejn Lot kien jgħix mal-familja tiegħu, kienet mimlija ġid materjali, imma kienet ukoll mimlija immoralità. Ġeħova bagħat lill-anġli tiegħu biex jeqirdu dan il-post. Dawn ħeġġew lil Lot u l-familja tiegħu biex jaħarbu minn Sodoma u ma jħarsux lura. Bl-inkuraġġiment taʼ l-anġli, huma telqu mill-belt. Però, jidher ċar li mart Lot ma setgħetx tissepara ruħha mill-ħajja li kellha f’Sodoma. B’diżubbidjenza, hi ħarset lura u dan swielha ħajjitha. (Ġenesi 19:15-26) B’mod profetiku, Ġesù wissa: “Ftakru f’mart Lot.” Qegħdin aħna naġixxu fi qbil maʼ din it-twissija?—Luqa 17:32.
13 Dawk li obdew it-twissijiet divini salvaw. Dan kien minnu fil-każ taʼ Noè u lfamilja tiegħu u Lot u wliedu l-bniet. (2 Pietru 2:9) Hekk kif nagħtu kas it-twissija li tinsab f’dawn ir-rakkonti, aħna niġu inkuraġġiti wkoll minħabba l-messaġġ taʼ ħelsien li fihom għal dawk li jħobbu s-sewwa. Dan iqawwilna qalbna biex b’fiduċja nistennew it-twettiq tal-wegħda t’Alla dwar “smewwiet ġodda u art ġdida” fejn se “tgħammar il-ġustizzja.”—2 Pietru 3:13.
‘Waslet is-Siegħa taʼ Ġudizzju’!
14, 15. (a) X’tinkludi “s-siegħa” taʼ ġudizzju? (b) X’jinvolvi li ‘tibżaʼ minn Alla u tagħtih glorja’?
14 Hekk kif nibqgħu għassa, x’nistgħu nistennew? Il-ktieb taʼ Rivelazzjoni jispjega kif se jiġru l-affarijiet biex jitwettaq l-iskop t’Alla. Huwa vitali li naġixxu fuq dak li jgħid jekk irridu nkunu lesti. Il-profezija tagħti stampa ċara tal-ġrajjiet li kellhom jiġru “f’jum il-Mulej,” li beda meta Kristu ngħata t-tron fis-sema fl-1914. (Rivelazzjoni 1:10) Rivelazzjoni jiġbed l-attenzjoni tagħna lejn anġlu li ġie fdat bl-“aħbar tajba taʼ dejjem biex ixandarha.” Hu jgħid b’leħen qawwi: “Ibżgħu minn Alla u agħtuh glorja, għax waslet is-siegħa biex jagħmel il-ġudizzju.” (Rivelazzjoni 14:6, 7) Dik is-“siegħa” taʼ ġudizzju hija perijodu qasir; din tinkludi kemm id-dikjarazzjoni kif ukoll l-esekuzzjoni tal-ġudizzji deskritti f’din il-profezija. Aħna bħalissa qegħdin ngħixu f’dak il-perijodu.
15 Issa, qabel tintemm is-siegħa taʼ ġudizzju, aħna niġu mħeġġin: “Ibżgħu minn Alla u agħtuh glorja.” Dan x’jinvolvi? Biżaʼ xieraq minn Alla għandu jġagħalna nitbiegħdu mill-ħażen. (Proverbji 8:13) Jekk nonoraw lil Alla, aħna nisimgħu minnu b’rispett kbir. M’aħniex se nkunu mħabbtin wisq b’affarijiet oħra biex naqraw regolarment il-Kelma tiegħu, il-Bibbja. M’aħniex se nnaqqsu l-importanza tal-parir tiegħu biex nattendu l-laqgħat Kristjani. (Ebrej 10:24, 25) Se ngħożżu l-privileġġ li nxandru l-aħbar tajba tas-Saltna Messjanika t’Alla u se nagħmlu dan biż-żelu. Se nafdaw f’Ġeħova l-ħin kollu u b’qalbna kollha. (Salm 62:9 [62:8, NW]) Ladarba nirrikonoxxu lil Ġeħova bħala s-Sovran Universali, aħna nonorawh billi minn qalbna nissottomettu ruħna lejh bħala Dak li għandu d-dritt jaħkem fuq ħajjitna. Int verament tibżaʼ minn Alla u tagħtih glorja b’dawn il-modi kollha?
16. Għala nistgħu ngħidu li l-ġudizzju kontra Babilonja l-Kbira mniżżel f’Rivelazzjoni 14:8 diġà twettaq?
16 Rivelazzjoni kapitlu 14 ikompli jiddeskrivi għadd taʼ ġrajjiet importanti li jseħħu fis-siegħa taʼ ġudizzju. Babilonja l-Kbira, l-imperu dinji taʼ reliġjon falza, tissemma l-ewwel: “Imbagħad ġie anġlu ieħor, it-tieni wieħed, u qal: ‘Waqgħet! Waqgħet Babilonja l-Kbira!’” (Rivelazzjoni 14:8) Iva, mill-ħarsa t’Alla, Babilonja l-Kbira diġà waqgħet. Fl-1919, il-qaddejja midlukin taʼ Ġeħova nħelsu mill-irbit tad-duttrini u prattiċi Babiloniżi, li ddominaw lil nies u ġnus sħaħ għal millennji taʼ snin. (Rivelazzjoni 17:1, 15) B’hekk, huma setgħu jiddedikaw ruħhom għax-xogħol li jmexxu ’l quddiem il-qima vera. L-ippridkar globali taʼ l-aħbar tajba dwar is-Saltna t’Alla ilu jseħħ minn dakinhar ’l hawn.—Mattew 24:14.
17. X’jinvolvi li noħorġu minn Babilonja l-Kbira?
17 Imma mhux dan biss kellu jiġri fil-ġudizzju t’Alla kontra Babilonja l-Kbira. Il-qerda finali tagħha dalwaqt ġejja. (Rivelazzjoni 18:21) Mhux taʼ b’xejn li l-Bibbja tħeġġeġ lin-nies kullimkien: “Oħorġu minnha [Babilonja l-Kbira] . . . jekk ma tridux tieħdu sehem magħha fi dnubietha.” (Rivelazzjoni 18:4, 5) Kif noħorġu minn Babilonja l-Kbira? Dan jinvolvi iktar milli sempliċement naqtgħu kwalunkwe rbit li kellna mar-reliġjon falza. L-influwenza Babiloniża tinsab f’ħafna ċelebrazzjonijiet u drawwiet popolari, fl-attitudni permissiva tad-dinja lejn is-sess, fid-divertiment li jinvolvi l-ispiritiżmu li dejjem isir iktar popolari, u ħafna iktar. Sabiex nibqgħu għassa, huwa vitali li kemm bl-azzjonijiet tagħna kif ukoll bix-xewqat taʼ qalbna, għandna nuru li verament infridna minn Babilonja l-Kbira b’kull mod.
18. Meta nqisu dak li huwa deskritt f’Rivelazzjoni 14:9, 10, il-Kristjani li huma moħħhom hemm x’joqogħdu attenti li jevitaw?
18 F’Rivelazzjoni 14:9, 10, insibu deskrizzjoni t’aspett ieħor tas-‘siegħa taʼ ġudizzju.’ Anġlu ieħor jgħid: “Min iqim il-bhima salvaġġa u x-xbieha tagħha, u jirċievi marka fuq ġbinu jew fuq idu, jixrob hu wkoll mill-inbid tar-rabja t’Alla.” Għala? Għax “il-bhima salvaġġa u x-xbieha tagħha” huma simboli tal-ħakma umana, li ma tirrikonoxxix is-sovranità taʼ Ġeħova. Il-Kristjani li huma moħħhom hemm joqogħdu attenti li ma jiġux influwenzati jew immarkati, bl-attitudnijiet jew l-azzjonijiet tagħhom, bħala qaddejja taʼ dawk li ma jagħrfux is-sovranità suprema taʼ l-Alla l-veru, Ġeħova. Il-Kristjani jafu li s-Saltna t’Alla diġà twaqqfet fis-sema, li se tfarrak u ttemm il-ħakmiet umani kollha, u li hi se tibqaʼ wieqfa għal dejjem.—Danjel 2:44.
Titlifx is-Sens t’Urġenza Tiegħek!
19, 20. (a) Hekk kif nidħlu iktar fl-aħħar jiem, Satana x’se jipprova jagħmel fiċ-ċert? (b) Aħna x’għandna nkunu determinati li nagħmlu?
19 Hekk kif nidħlu iktar fl-aħħar jiem, il-pressjonijiet u t-tentazzjonijiet se jkomplu jiżdiedu. Sakemm nibqgħu ngħixu f’din is-sistema qadima u nkunu mjassrin kif aħna bl-imperfezzjoni tagħna stess, niġu effettwati minn affarijiet bħal mard, xjuħija, it-telfa taʼ xi ħadd maħbub, sentimenti mweġġgħin, diżappunti meta naraw l-apatija għall-isforzi tagħna biex nippridkaw il-Kelma t’Alla, u ħafna iktar. Tinsa qatt li kulma jixtieq Satana hu li juża l-pressjonijiet li niffaċċjaw biex iġagħalna naqtgħu qalbna—li nieqfu nippridkaw l-aħbar tajba jew li nieqfu ngħixu skond il-livelli t’Alla. (Efesin 6:11-13) Dan m’huwiex iż-żmien li nitilfu s-sens t’urġenza dwar iż-żminijiet li ngħixu fihom!
20 Ġesù kien jaf li kien se jkun hemm pressjoni kbira fuqna biex naqtgħu qalbna, u għalhekk tana l-parir: “Ibqgħu għassa, għax ma tafux f’liema jum ġej il-Mulej tagħkom.” (Mattew 24:42) Għalhekk, ejja dejjem nibqgħu konxji dwar liema żmien qegħdin ngħixu fih. Ejja nkunu għassa għat-tattiki taʼ Satana li jistgħu jġagħluna nnaqqsu l-pass jew nieqfu. Ejja nkunu deċiżi li nippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla b’żelu u determinazzjoni li ma bħalhom. Akkost taʼ kollox, ejja nżommu s-sens t’urġenza tagħna hekk kif nisimgħu mit-twissija taʼ Ġesù: “Ibqgħu għassa.” Billi nagħmlu hekk, se nġibu unur lil Ġeħova u se nkunu fost dawk li se jirċievu l-barkiet dejjiema tiegħu.
Int Kif Twieġeb?
• Kif nafu li t-twissija taʼ Ġesù biex ‘nibqgħu għassa’ tapplika għall-Kristjani veri?
• Liema eżempji taʼ twissija fil-Bibbja jistgħu jgħinuna ‘nibqgħu għassa’?
• X’inhi s-siegħa taʼ ġudizzju, u x’aħna mħeġġin li nagħmlu qabel tikkonkludi?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 23]
Ġesù xebbah il-miġja tiegħu mal-wasla taʼ ħalliel
[Stampa f’paġna 24]
Il-qerda taʼ Babilonja l-Kbira hija fil-qrib
[Stampi f’paġna 25]
Ejja nkunu deċiżi li nippridkaw b’iktar żelu u determinazzjoni minn qatt qabel