L-Eżempju tal-Ġenituri Tiegħi Saħħaħni
Bijografija
L-Eżempju tal-Ġenituri Tiegħi Saħħaħni
KIF RAKKONTATA MINN JANEZ REKELJ
Kienet is-sena 1958. Jien u marti, Stanka, konna ninsabu fl-għoli fuq l-Alpi Karawanken bejn il-Jugoslavja u l-Awstrija, għax konna qed nipprovaw naħarbu lejn l-Awstrija. Dan kien perikoluż, minħabba li s-suldati armati mal-fruntiera tal-Jugoslavja kienu determinati li ma jħallu lil ħadd jgħaddi. Hekk kif bqajna għaddejjin, sibna ruħna f’tarf irdum għoli. Jien u Stanka qatt ma konna rajna l-muntanji tan-naħa taʼ l-Awstrija. Bqajna sejrin lejn il-lvant sakemm sibna niżla mħarbta kollha blat u żrar. Intrabatna b’inċirata b’saħħitha li konna qed inġorru magħna hekk kif tkaxkarna għal isfel mal-ġenb tal-muntanja mingħajr ma konna nafu x’kien se jġib miegħu l-futur.
ĦALLI ngħidilkom kif spiċċajna f’din is-sitwazzjoni u kif l-eżempju leali tal-ġenituri tiegħi qanqalni nibqaʼ leali lejn Ġeħova fi żminijiet diffiċli.
Twilidt fis-Slovenja, li llum hu pajjiż żgħir fl-Ewropa Ċentrali. Dan jinsab imkennen bejn l-Alpi Ewropej; bl-Awstrija fit-tramuntana, l-Italja fil-punent, il-Kroazja fin-nofsinhar, u l-Ungerija fil-lvant. Però, meta twieldu l-ġenituri tiegħi, Franc u Rozalija Rekelj, is-Slovenja kienet parti mill-Imperu Awstro-Ungeriż. Fl-aħħar taʼ l-ewwel gwerra dinjija, is-Slovenja saret parti minn stat ġdid imsejjaħ ir-Renju tas-Serbi, il-Kroati, u s-Sloveni. Fl-1929, l-isem tal-pajjiż inbidel għal Jugoslavja, li letteralment ifisser “Slavja t’Isfel.” Jien twilidt fid-9 taʼ Jannar taʼ dik l-istess sena, fit-tarf tal-villaġġ Podhom, ħdejn l-għadira mill-isbaħ taʼ Bled.
Ommi kellha trobbija Kattolika stretta. Wieħed miz-zijiet tagħha kien qassis, u kellha tliet
zijiet li kienu sorijiet. Kellha xewqa qawwija biex takkwista Bibbja, taqraha, u tifhimha. Però, missieri kellu ħarsa negattiva lejn ir-reliġjon. Hu ħassu diżgustat bl-irwol li kellha r-reliġjon fil-Gwerra l-Kbira mill-1914-18.Nitgħallem il-Verità
Xi żmien wara l-gwerra, il-kuġin t’ommi, Janez Brajec, flimkien maʼ martu, Ančka, saru Studenti tal-Bibbja, kif kienu magħrufin qabel ix-Xhieda taʼ Ġeħova. Dak iż-żmien kienu jgħixu l-Awstrija. Minn madwar l-1936 ’il quddiem, Ančka ġiet iżżur lil ommi bosta drabi. Hi pprovditilha Bibbja, li ommi qrat fi żmien qasir, flimkien maʼ kopji tat-Torri taʼ l-Għassa u pubblikazzjonijiet oħra bbażati fuq il-Bibbja bis-Sloven. Finalment, minħabba li Hitler ħa l-Awstrija taħt idejh fl-1938, Janez u Ančka marru lura s-Slovenja. Għadni niftakar li kienu koppja edukata u kellhom ħafna dehen flimkien maʼ mħabba vera għal Ġeħova. Huma spiss kienu jiddiskutu l-veritajiet tal-Bibbja m’ommi, u dan qanqalha tiddedika ħajjitha lil Ġeħova. Hi tgħammdet fl-1938.
Ommi qajmet ħafna kontroversja fl-inħawi meta ma baqgħetx tosserva drawwiet mhux Skritturali, bħaċ-ċelebrazzjoni tal-Milied; meta ma baqgħetx tiekol iz-zalzett bid-demm; u partikolarment meta qabdet l-istatwi kollha li kellna u ħarqithom. Malajr bdiet l-oppożizzjoni. Iz-zijiet t’ommi, is-sorijiet, għamluha mira li jiktbulha biex jipprovaw jikkonvinċuha ddur lura lejn Marija u l-knisja. Però, meta ommi kitbitilhom u talbithom tweġibiet speċifiċi għal mistoqsijiet mill-Bibbja, hi ma rċiviet ebda tweġiba. In-nannu tiegħi wkoll opponieha bil-qawwi. Hu ma kienx raġel ħażin, imma kien jinsab taħt pressjoni qawwija mill-qraba u l-komunità. Minħabba f’hekk, hu qered il-letteratura Biblika t’ommi diversi drabi, imma qatt ma messilha l-Bibbja tagħha. Hu talabha għarkopptejh biex tirritorna fil-knisja. Saħansitra wasal li jheddidha b’sikkina. Madankollu, missieri wrieh biċ-ċar li din l-imġiba ma kinitx se tiġi tollerata.
Missieri kompla jappoġġa d-dritt t’ommi li taqra l-Bibbja u tagħżel hi liema twemmin riedet tħaddan. Fl-1946 hu tgħammed ukoll. Meta rajt kif Ġeħova saħħaħ lil ommi biex tibqaʼ soda mingħajr biżaʼ għall-verità minkejja l-oppożizzjoni u kif Ġeħova ppremjaha għall-fidi tagħha, jien tqanqalt niżviluppa r-relazzjoni tiegħi stess m’Alla. Jien ibbenefikajt ħafna wkoll mid-drawwa t’ommi li taqrali b’leħen għoli mill-Bibbja u minn pubblikazzjonijiet ibbażati fuqha.
Ommi kellha wkoll diskussjonijiet fit-tul m’oħtha, Marija Repe, u maż-żmien jien u z-zija Marija tgħammidna fl-istess jum f’nofs Lulju taʼ l-1942. Wieħed ħu ġie jagħtina taħdita qasira, u tgħammidna d-dar tagħna stess ġo banju kbir taʼ l-injam.
Xogħol Sforzat Matul it-Tieni Gwerra Dinjija
Fl-1942, f’nofs it-tieni gwerra dinjija, il-Ġermanja u l-Italja invadew is-Slovenja u qasmuha bejniethom u l-Ungerija. Il-ġenituri tiegħi rrifjutaw li jingħaqdu mal-Volksbund, l-organizzazzjoni tan-nies li jżommu man-Nazi. Fl-iskola, jien irrifjutajt li ngħid “Heil Hitler.” Milli jidher l-għalliem tiegħi informa lill-awtoritajiet dwar is-sitwazzjoni.
Tefgħuna fuq ferrovija li kienet sejra lejn kastell ħdejn il-villaġġ taʼ Hüttenbach, fil-Bavarja, li kien jintuża bħala kamp għax-xogħol sforzat. Missieri rranġali biex naħdem u ngħix mal-furnar lokali u l-familja tiegħu. Matul dak iż-żmien, tgħallimt is-sengħa tal-furnar u iktar tard sibtha utli ħafna. Maż-żmien, il-bqija tal-familja tiegħi (inkluż iz-zija Marija u l-familja tagħha) ġew trasferiti lejn kamp f’Gunzenhausen.
Fl-aħħar tal-gwerra, kont se ningħaqad maʼ grupp biex nivvjaġġa lejn il-post fejn kien hemm il-ġenituri tiegħi. Il-lejl taʼ qabel ma kont se nitlaq, wasal missieri bla mistenni. Ma nafx fejn kont nispiċċa li kieku mort mal-grupp, minħabba li ħafna minn dawk fil-grupp ma kinux taʼ min jafdahom. Għal darb’oħra, ħassejt l-għajnuna bi mħabba taʼ Ġeħova hekk kif uża lill-ġenituri tiegħi biex jipproteġuni u jħarrġuni. Jien u missieri mxejna għal tlett ijiem biex niltaqgħu mal-familja tagħna. Sa Ġunju taʼ l-1945 ilkoll konna wasalna lura d-dar.
Wara l-gwerra, il-Komunisti taħt it-tmexxija tal-President Josip Broz Tito bdew jaħkmu fil-Jugoslavja. Għal din ir-raġuni, il-kundizzjonijiet baqgħu diffiċli għax-Xhieda taʼ Ġeħova.
Fl-1948, ġie ħu mill-Awstrija u aċċetta stedina biex joqgħod magħna għall-ikel. Kulfejn kien imur, il-pulizija kienu jsegwuh u jarrestaw lill-aħwa li jżur. Missieri wkoll ġie arrestat talli kien ospitabbli miegħu u ma rrapportahx lill-pulizija, u minħabba f’hekk missieri qattaʼ sentejn il-ħabs. Dan kien żmien tassew diffiċli għal ommi mhux biss għax missieri ma kienx hemm, imma wkoll għax hi kienet taf li jien u ħija ż-żgħir dalwaqt konna se nġarrbu provi għan-newtralità tagħna.
Sentenza ġo Ħabs fil-Maċedonja
F’Novembru taʼ l-1949, ġejt imsejjaħ biex immur għas-servizz militari. Mort biex nirrapporta u nispjega li biex ma mmurx kontra l-kuxjenza tiegħi jien nirrifjuta s-servizz militari. L-awtoritajiet ma ridux jagħtuni widen u tefgħuni fuq ferrovija fejn kien hemm oħrajn li kienu se jittieħdu lejn il-Maċedonja, lejn it-tarf l-ieħor tal-Jugoslavja.
Għal tliet snin, qatgħuni għalkollox mill-familja u mill-fratellanza tiegħi u ħallewni mingħajr letteratura jew saħansitra Bibbja. Kien żmien tassew diffiċli. Irnexxieli nsostni ruħi billi kont nimmedita fuq Ġeħova u l-eżempju taʼ Ibnu, Ġesù Kristu. L-eżempju tal-ġenituri tiegħi saħħaħni wkoll. Barra minn hekk, it-talb kontinwu biex nakkwista s-saħħa għenni ħalli ma niddisprax.
Maż-żmien, bagħtuni f’ħabs f’Idrizovo, ħdejn Skopje. F’dan il-ħabs, il-ħabsin kienu jaħdmu
f’diversi xogħlijiet u snajjaʼ. Għall-ewwel, jien kont naħdem fit-tindif u bħala messaġġier bejn l-uffiċċji. Għalkemm spiss kont niġi mhedded minn ħabsi ieħor li qabel kien membru tal-pulizija sigrieta, f’xogħli kelli relazzjoni tajba maʼ kulħadd—mal-gwardjani, mal-ħabsin, u saħansitra mal-maniġer tal-fabbrika tal-ħabs.Iktar tard sirt naf li kien hemm bżonn taʼ furnar biex jaħdem fil-forn tal-ħabs. Ftit jiem wara dan, il-maniġer ġie biex jagħmel ir-rassenja. Hu mexa mal-linja, waqaf quddiemi, u staqsieni, “Int furnar?” “Iva, sinjur,” weġibtu jien. “Għada fil-għodu mur aħdem il-forn,” weġibni hu. Il-ħabsi li kien jittrattani ħażin spiss kien jgħaddi minn ħdejn il-forn imma ma setaʼ jagħmilli xejn. Jien ħdimt hemmhekk minn Frar sa Lulju taʼ l-1950.
Imbagħad, ġejt trasferit lejn il-kwartieri msejħin Volkoderi, fin-nofsinhar tal-Maċedonja ħdejn l-Għadira Prespa. Minn Otešovo li kienet tinsab fil-qrib, stajt nibgħat ittri d-dar. Kont naħdem fit-toroq maʼ ħabsin oħrajn, imma l-maġġorparti tal-ħin kont naħdem fil-forn, u dan għamilli ħajti iktar faċli. Ġejt meħlus f’Novembru taʼ l-1952.
Fiż-żmien li kont ili nieqes minn Podhom, ġiet ifformata kongregazzjoni f’dawn l-inħawi. Għall-ewwel, il-kongregazzjoni kienet tiltaqaʼ f’lukanda żgħira fi Spodnje Gorje. Iktar tard, missieri offra kamra fid-dar tagħna sabiex il-kongregazzjoni tiltaqaʼ fiha. Kont ferħan li ngħaqadt magħhom meta ġejt lura mill-Maċedonja. Ukoll, erġajt sirt ħabib taʼ Stanka, li kont iltqajt magħha qabel mort il-ħabs. Fl-24 t’April taʼ l-1954 iżżewwiġna. Però, il-ħelsien tiegħi kien għomru qasir.
Sentenza ġo Ħabs f’Maribor
F’Settembru taʼ l-1954, reġgħu bagħtu għalija. Din id-darba, tawni sentenza taʼ iktar minn tliet snin u nofs ġo ħabs f’Maribor, li jinsab fil-lvant nett tas-Slovenja. Malli stajt, xtrajt xi karti u lapsijiet. Bdejt nikteb kulma stajt niftakar—skritturi, kwotazzjonijiet mit-Torri taʼ l-Għassa, u ħsibijiet oħra minn pubblikazzjonijiet Kristjani oħra. Qrajt in-noti tiegħi u żidt iktar mal-ktieb hekk kif kont niftakar f’oħrajn. Fl-aħħar, il-ktieb kien mimli, u minħabba f’hekk stajt nibqaʼ ffokat fuq il-verità u nibqaʼ b’saħħti spiritwalment. It-talb u l-meditazzjoni wkoll kienu għajnuniet imprezzabbli għas-saħħa spiritwali tiegħi, għaliex ippermettewli nkun iktar kuraġġuż meta niġi biex naqsam il-verità m’oħrajn.
F’dan iż-żmien, kelli permess li kull xahar nirċievi ittra waħda u żjara waħda taʼ 15-il minuta. Stanka kienet tivvjaġġa l-lejl kollu bil-ferrovija sabiex tkun tistaʼ tasal il-ħabs kmieni ħalli żżurni, u mbagħad kienet tivvjaġġa lura dakinhar stess. Dawn iż-żjajjar kienu tassew inkuraġġanti. Imbagħad bdejt infassal pjan biex nikseb Bibbja. Jien u Stanka konna bil-qiegħda faċċata taʼ xulxin maʼ mejda, waqt li gwardjan kien inkarigat biex jgħasses fuqna. Meta l-gwardjan ma kienx qed jarana, tfajt ittra fil-basket tagħha, li fiha tlabtha tpoġġi Bibbja fil-basket meta terġaʼ żżurni.
Stanka u l-ġenituri tiegħi ħasbu li din kienet xi ħaġa perikoluża wisq, allura qasmu kopja taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana f’diversi biċċiet u poġġew il-paġni tagħha f’xi panini. B’dan il-mod irċivejt il-Bibbja li kelli bżonn. Bl-istess mod, irċivejt ukoll kopji tat-Torri taʼ l-Għassa, li Stanka kienet kitbet b’idejha. Mill-ewwel kont
nagħmel kopja oħra bil-kitba tiegħi stess u neqred l-oriġinal ħalli jekk xi ħadd isib l-artikli ma jkunx jistaʼ jiskopri minfejn ksibthom.Minħabba li bqajt nirsisti biex nagħti xiehda, il-ħabsin l-oħra qaluli li żgur kont se nispiċċa fl-inkwiet. Darba minnhom, qbadt diskussjoni mill-Bibbja kemxejn ħajja maʼ ħabsi ieħor. Smajna ċ-ċavetta dieħla fis-serratura, u daħal gwardjan. Mill-ewwel ħsibt li kien se jaqfilni f’ċella waħdi. Imma din ma kinitx l-intenzjoni tal-gwardjan. Hu kien semaʼ d-diskussjoni u ried jingħaqad magħna. Wara li ħassu sodisfatt bit-tweġibiet għall-mistoqsijiet tiegħu, hu telaq u għalaq il-bieb taċ-ċella warajh.
Matul l-aħħar xahar tas-sentenza tiegħi, il-kummissarju inkarigat mir-riforma tal-ħabsin faħħarni talli żammejt sod mal-verità. Ħassejt li dan kien premju mill-aqwa għall-isforzi tiegħi biex nagħmel isem Ġeħova magħruf. F’Mejju taʼ l-1958, erġajt inħlist mill-ħabs.
Naħarbu Lejn l-Awstrija, Imbagħad Lejn l-Awstralja
F’Awissu taʼ l-1958 mietet ommi. Kienet ilha marida għal xi żmien. Imbagħad f’Settembru taʼ l-1958, reġgħu sejħuli għas-servizz militari għat-tielet darba. Dak il-lejl, jien u Stanka ħadna d-deċiżjoni importanti li wasslitna biex naqsmu l-fruntiera bil-mod drammatiku li semmejna fil-bidu. Mingħajr ma għedna lil ħadd, ippakkjajna żewġ basktijiet li nġorru fuq daharna u biċċa inċirata u ħrabna mit-tieqa, diretti lejn il-fruntiera taʼ l-Awstrija fil-punent tal-Muntanja Stol. Kien jidher li Ġeħova fetħilna t-triq biex naħarbu meta kien jaf li kellna bżonn ftit serħan.
L-awtoritajiet taʼ l-Awstrija bagħtuna f’kamp tar-refuġjati ħdejn Salzburg. Matul is-sitt xhur li qattajna f’dan il-post, dejjem konna nkunu max-Xhieda lokali, allura bilkemm konna nqattgħu ħin fil-kamp. In-nies l-oħrajn fil-kamp baqgħu skantati dwar kemm għamilna ħbieb malajr. Kien matul dan iż-żmien li attendejna l-assemblea għall-ewwel darba. U għall-ewwel darba wkoll stajna nippridkaw minn dar għal dar bil-libertà. Kien tassew diffiċli għalina li nħallu warajna lill-għeżież sħabna meta waslilna ż-żmien biex nitilqu.
L-awtoritajiet taʼ l-Awstrija offrewlna l-opportunità li nemigraw lejn l-Awstralja. Lanqas qatt ma ħlomna li konna se mmorru daqshekk ’il bogħod. Ivvjaġġajna bil-ferrovija lejn Ġenova, fl-Italja, u mbagħad irkibna vapur li kien dirett lejn l-Awstralja. Fl-aħħar issetiljajna fil-belt taʼ Wollongong, fi New South Wales. Hawnhekk twieled it-tifel tagħna Philip, fit-30 taʼ Marzu, 1965.
Il-ħajja fl-Awstralja fetħitilna opportunitajiet għal ħafna aspetti tas-servizz, inkluż dik li nippridkaw lil oħrajn li emigraw mill-inħawi li qabel kienu magħrufin bħala l-Jugoslavja. Aħna grati għall-barkiet taʼ Ġeħova, inkluż il-fatt li nistgħu naqduh flimkien bħala familja magħquda. Philip u martu, Susie, għandhom il-privileġġ li jaqdu fl-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova fl-Awstralja, u saħansitra kellhom l-opportunità jqattgħu sentejn fl-uffiċċju tal-fergħa fis-Slovenja.
Minkejja l-isfidi u l-problemi tas-saħħa li ġġib magħha l-età avanzata, jien u marti għadna ngawdu s-servizz tagħna lil Ġeħova. Kemm inħossni grat għall-eżempju mill-aqwa tal-ġenituri tiegħi! Dan ikompli jsaħħaħni u jgħinni biex nagħmel dak li qal l-appostlu Pawlu: “Thennew bit-tama. Issaportu fit-tribulazzjoni. Ipperseveraw fit-talb.”—Rumani 12:12.
[Stampa f’paġna 17]
Il-ġenituri tiegħi fl-aħħar tas-snin 20
[Stampa f’paġna 17]
Ommi fit-tarfnett fuq il-lemin, m’Ančka, li għallmitha l-verità
[Stampa f’paġna 18]
Maʼ marti, Stanka, ftit wara li żżewwiġna
[Stampa f’paġna 19]
Il-kongregazzjoni li kienet tiltaqaʼ fid-dar tal-familja tagħna fl-1955
[Stampa f’paġna 20]
Maʼ marti, ibni Philip, u martu Susie