L-Interpretazzjoni tas-Sinjali Hi Kwistjoni Serja!
L-Interpretazzjoni tas-Sinjali Hi Kwistjoni Serja!
“Għall-ewwel ħsibt li t-tifel tagħna Andreas kellu sempliċi wġigħ taʼ ras. Imma mbagħad inqatagħlu l-ġuħ u telagħlu deni qawwi. L-uġigħ taʼ ras kiber, u jien bdejt ninkwieta. Meta żewġi ġie d-dar, ħadna lil Andreas għand it-tabib. Dan iċċekkja s-sintomi u bagħtu dritt l-isptar. Il-problema kienet iktar serja minn sempliċi wġigħ taʼ ras. Andreas kellu l-meninġite. Ġie kkurat u fi żmien qasir fieq.”—Gertrud, omm fil-Ġermanja.
L-ESPERJENZA taʼ Gertrud probabbilment hija familjari għal ħafna ġenituri. Huma josservaw is-sinjali li jindikaw li t-tfal tagħhom jistgħu jkunu morda. Għalkemm mhux kull marda hija serja, il-ġenituri ma jistgħux jirriskjaw li jinjoraw is-sintomi tal-mard t’uliedhom. Meta dak li jkun josserva s-sinjali u jaġixxi skond il-bżonn ikun hemm differenza kbira. Hija kwistjoni serja.
Dan huwa minnu anki fi kwistjonijiet li m’humiex marbutin mas-saħħa. Eżempju taʼ dan hu d-diżastru tat-tsunami f’Diċembru taʼ l-2004 fl-inħawi madwar l-Oċean Indjan. L-aġenziji f’postijiet bħall-Awstralja u l-Ħawajj indunaw bit-terremot enormi fit-tramuntana taʼ Sumatra u raw bil-quddiem il-periklu li setaʼ jġib miegħu. Però, in-nies taʼ l-inħawi li kienu fil-periklu ma kellhom ebda mezz disponibbli biex jirċievu t-twissija u jwieġbu għaliha. Minħabba f’hekk, mietu iktar minn 220,000 ruħ.
Sinjali Ferm Iktar Importanti
Meta Ġesù Kristu kien fuq l-art, hu ta tagħlima lis-semmiegħa tiegħu dwar kif josservaw is-sinjali u jaġixxu fuqhom. Hu kien qed jitkellem dwar xi ħaġa li kienet tassew importanti. Il-Bibbja tirrapporta: “Resqu lejh il-Fariżej u s-Sadduċej biex iġarrbuh u talbuh jurihom sinjal mis-sema. Wieġeb u qalilhom: ‘Meta jasal fil-għaxija intom imdorrijin tgħidu, “Se jkun temp sabiħ, għax is-sema aħmar nar”; u fil-għodu, “Se jkun temp ikrah u bix-xita llum, għax is-sema Mattew 16:1-3.
aħmar nar, imma mdallam.” Intom tafu tinterpretaw id-dehra tas-sema imma ma tafux tinterpretaw is-sinjali taż-żminijiet.’”—Meta semma “s-sinjali taż-żminijiet,” Ġesù indika li s-semmiegħa Lhud taʼ l-ewwel seklu messhom kienu attenti għall-urġenza taż-żminijiet li kienu qed jgħixu fihom. Is-sistema Lhudija kienet se tgħaddi minn taqliba kbira li kienet se teffettwahom ilkoll. Ftit jiem qabel mewtu, Ġesù kellem lid-dixxipli tiegħu dwar sinjal ieħor—is-sinjal tal-preżenza tiegħu. Dak li qal f’din l-okkażjoni hu taʼ importanza vitali għal kulħadd illum.