Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Qiegħed Tagħrfu s-Sinjal tal-Preżenza taʼ Ġesù?

Qiegħed Tagħrfu s-Sinjal tal-Preżenza taʼ Ġesù?

Qiegħed Tagħrfu s-​Sinjal tal-​Preżenza taʼ Ġesù?

ĦADD ma jixtieq ikun marid serjament jew jinqabad f’xi diżastru. Sabiex jevita inkwiet bħal dan, min hu għaqli joqgħod attent għas-​sinjali li jindikaw il-​periklu u jieħu l-​passi meħtieġa. Ġesù Kristu ddeskriva sinjal partikulari li għandna bżonn nagħrfu. Dak li kien qed jirreferi għalih kien se jolqot lid-​dinja kollha u jeffettwa lill-​bnedmin kollha. Dan jinkludi lilek u lill-​familja tiegħek.

Ġesù tkellem dwar is-​Saltna t’Alla, li se tneħħi l-​ħażen u tagħmel id-​dinja Ġenna taʼ l-​art. Id-​dixxipli tiegħu kienu kurjużi dwar dan u riedu jkunu jafu meta kellha tiġi dik is-​Saltna. Huma staqsew: “X’se jkun is-​sinjal tal-​preżenza tiegħek u taʼ tmiem is-​sistema?”​—Mattew 24:3.

Ġesù kien jaf li wara li jinqatel u jiġi rxoxtat, kellhom jgħaddu mijiet taʼ snin qabel ma jingħata t-​tron fis-​sema bħala s-​Sultan Messjaniku ħalli jaħkem fuq l-​umanità. Ladarba l-​bnedmin ma setgħux jarawh jieħu t-​tron, Ġesù ta sinjal li kien se jippermetti lis-​segwaċi tiegħu jagħrfu l-​“preżenza” tiegħu kif ukoll “tmiem is-​sistema.” Dan is-​sinjal hu magħmul minn diversi fatturi li flimkien jingħaqdu f’marka, jew sinjal sħiħ—is-​sinjal tal-​preżenza taʼ Ġesù.

Mattew, Marku, u Luqa, il-​kittieba taʼ l-​Evanġelji, ilkoll niżżlu bir-​reqqa t-​tweġiba taʼ Ġesù. (Mattew, kapitli 24 u 25; Marku, kapitlu 13; Luqa, kapitlu 21) Kittieba oħra tal-​Bibbja żiedu xi dettalji mas-​sinjal. (2 Timotju 3:​1-5; 2 Pietru 3:​3, 4; Rivelazzjoni 6:​1-8; 11:18) M’għandniex biżżejjed wisaʼ f’dan l-​artiklu biex neżaminaw id-​dettalji kollha, imma se nikkunsidraw ħames elementi prinċipali li flimkien jifformaw is-​sinjal imsemmi minn Ġesù. Int se ssib li dan hu sinifikanti u importanti għalik personalment.—Ara l-​kaxxa f’paġna 6.

“Bidla li Ġabet Era Ġdida”

“Ġens iqum kontra ġens u saltna kontra saltna.” (Mattew 24:7) Ir-​rivista Ġermaniża Der Spiegel tirrapporta li qabel l-​1914, in-​nies “kienu jemmnu f’futur tad-​deheb b’iktar libertà, progress, u prosperità.” Imbagħad inbidel kollox. “Il-​gwerra li bdiet f’Awissu taʼ l-​1914 u spiċċat f’Novembru taʼ l-​1918 kienet ġrajja drammatika. Ġabet bidla f’daqqa fl-​istorja, u firdet il-​qadim mill-​ġdid,” tgħid ir-​rivista GEO. Iktar minn 60 miljun suldat minn ħames kontinenti kienu involuti fi ġlied aħrax. Bħala medja, 6,000 suldat inqatlu kuljum. Minn dakinhar ’l hawn, l-​istudjużi taʼ l-​istorja taʼ kull ġenerazzjoni u taʼ kull naħa politika ħarsu lejn “is-​snin taʼ l-​1914 sa l-​1918 bħala bidla li ġabet era ġdida.”

L-ewwel gwerra dinjija ġabet bidliet fis-​soċjetà umana li ma jistgħux jitreġġgħu lura u tefgħet lill-​umanità fl-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema. Il-​bqija taʼ dak is-​seklu kien karatterizzat minn iktar gwerer, ġlied bl-​armi, u terroriżmu. L-​affarijiet ma nbiddlux għall-​aħjar fl-​ewwel snin taʼ dan is-​seklu. Minbarra l-​gwerra, hemm partijiet oħra tas-​sinjal li huma viżibbli.

Ġuħ, Mard li Jittieħed, u Terremoti

“Ikun hemm nuqqas taʼ ikel.” (Mattew 24:7) Il-​ġuħ laqat l-​Ewropa matul l-​ewwel gwerra dinjija, u n-​nuqqas taʼ ikel ilu jgħakkes l-​umanità minn dakinhar ’l hawn. L-​istudjuż taʼ l-​istorja Alan Bullock kiteb li fir-​Russja u l-​Ukraina fl-​1933, “folol kbar taʼ nies imġewħa kienu jiġġerrew fil-​kampanja . . . Il-​katavri kienu jiġu mitfugħin fuq xulxin maʼ ġenb it-​toroq.” Fl-​1943, il-​ġurnalista T. H. White ra b’għajnejh il-​ġuħ fil-​provinċja Ċiniża taʼ Henan. Hu kiteb: “Fil-​ġuħ, kważi kollox jispiċċa tajjeb għall-​ikel u jistaʼ jkun mitħun, mikul u mibdul f’enerġija mill-​ġisem uman. Imma jrid ikollok il-​biżaʼ li tmut biex tasal sal-​punt li tibda taħseb biex tiekol dak li, is-​soltu, ma tikolx.” B’dispjaċir, il-​ġuħ fl-​Afrika sar kważi xi ħaġa taʼ kuljum matul dawn l-​aħħar għexur taʼ snin. Għalkemm l-​art tipproduċi biżżejjed ikel għal kulħadd, l-​Organizzazzjoni taʼ l-​Ikel u l-​Biedja tal-​ĠM tikkalkula li madwar id-​dinja xi 840 miljun ruħ bilkemm għandhom x’jieklu.

“F’post wara l-​ieħor ikun hemm mard li jittieħed.” (Luqa 21:11) “Huwa stmat li l-​influwenza Spanjola qatlet bejn l-​20 u l-​50 miljun ruħ fl-​1918, iktar mill-​pesta jew l-​ewwel gwerra dinjija,” tirrapporta l-​gazzetta Süddeutsche Zeitung. Minn dakinhar ’l hawn, numru bla għadd taʼ nies intlaqtu minn mard bħall-​malarja, il-​ġidri, it-​tuberkulosi, il-​poljo, u l-​kolera. U d-​dinja kollha tibqaʼ maħsuda minħabba l-​ħeffa li biha qed tinxtered l-​AIDS. Issa ninsabu f’sitwazzjoni li ġġagħlek tikkonfondi minħabba li l-​mard xorta għadu jeżisti avolja sar progress taʼ l-​għaġeb fil-​mediċina. Din il-​kontradizzjoni, li sa żmienna l-​umanità ma kinitx rat bħalha, tgħinna nidentifikaw iż-​żmien mhux tas-​soltu li ngħixu fih.

“Terremoti.” (Mattew 24:7) Matul dawn l-​aħħar mitt sena, it-​terremoti qatlu mijiet t’eluf taʼ nies. Skond sors wieħed, it-​terremoti li jifilħu jeqirdu l-​bini u jiftħu l-​art beraħ kellhom medja taʼ xi 18 kull sena mill-​1914 ’l hawn. It-​terremoti li jkunu iktar qattiela, qawwijin biżżejjed biex iġibu l-​bini fix-​xejn, iseħħu xi darba fis-​sena. Minkejja l-​avanzi fit-​teknoloġija, ir-​rata taʼ l-​imwiet tibqaʼ għolja minħabba li ħafna bliet li qed jikbru malajr jinsabu fil-​post eżatt fejn tinqasam l-​art meta jsir terremot.

Aħbar Sabiħa!

Ħafna aspetti tas-​sinjal taʼ l-​aħħar jiem huma taʼ niket. Imma Ġesù tkellem ukoll dwar aħbar sabiħa.

“Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha.” (Mattew 24:14) Ix-​xogħol li beda Ġesù nnifsu—l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna—kellu jilħaq quċċata fl-​aħħar jiem. Dan żgur li qed iseħħ. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova qed jippridkaw il-​messaġġ tal-​Bibbja u jgħallmu lil min irid biex japplika dak li jitgħallem fil-​ħajja taʼ kuljum. Bħalissa, iktar minn sitt miljun Xhud qed jippridkaw f’235 pajjiż u f’iktar minn 400 lingwa.

Innota li Ġesù ma qalx li l-​ħajja kienet se tieqaf minħabba l-​kundizzjonijiet inkwetanti fid-​dinja. Lanqas ma qal li d-​dinja kollha kienet se tkun aljenata minn fattur wieħed biss tas-​sinjal. Imma hu bassar għadd taʼ ġrajjiet li flimkien kienu se jifformaw sinjal li jistaʼ jintgħaraf minn kull parti tad-​dinja.

Meta tħares lejn il-​ġrajjiet jew l-​inċidenti kollha flimkien, tarahom int bħala ġabra taʼ ġrajjiet li jifformaw sinjal taʼ importanza globali? Dak li qed jiġri jeffettwa lilek u lill-​familja tiegħek. Nistgħu nistaqsu, Imma għala hemm daqshekk ftit nies li jagħtu kas?

L-​Interessi Persunali Jiġu l-​Ewwel

“Tgħumx Hawnhekk!,” “Voltaġġ Għoli!,” “Naqqas il-​Veloċità.” Dawn huma ftit mis-​sinjali u t-​twissijiet li naraw imma li spiss jiġu injorati. Għala? Malajr niġu effettwati minn dak li naħsbu li hu tajjeb għalina. Per eżempju, forsi nħossu l-​bżonn li nsuqu b’iktar veloċità milli tippermetti l-​liġi, jew forsi nkunu verament nixtiequ ngħumu fejn hu projbit. Imma m’huwiex għaqli li ninjoraw is-​sinjali.

Per eżempju, il-​valangi fil-​muntanji Alpini taʼ l-​Awstrija, Franza, l-​Italja, u l-​Isvizzera kultant joqtlu lil ħafna turisti li jinjoraw is-​sinjali li jwissuhom biex meta jiskijjaw jew jirkbu l-​isnowboard jevitaw rotot perikolużi. Skond is-​Süddeutsche Zeitung, ħafna turisti li jinjoraw it-​twissijiet jgħixu skond il-​frażi, Jekk m’hemmx riskju, m’hemmx gost. B’dispjaċir, min jinjora s-​sinjali taʼ twissija jistaʼ jbati konsegwenzi traġiċi.

In-​nies liema raġuni għandhom biex jinjoraw is-​sinjal deskritt minn Ġesù? Jistgħu jkunu mogħmijin mir-​regħba, indifferenti minħabba l-​apatija, paralizzati mill-​indeċiżjoni, mifnijin bir-​rutina, jew maħkumin mill-​biżaʼ li jitilfu l-​prestiġju. Jistaʼ jkun li xi waħda minn dawn qed iġġagħlek tinjora s-​sinjal tal-​preżenza taʼ Ġesù? Ma jkunx iktar għaqli li tagħraf is-​sinjal u taġixxi fuqu?

Il-​Ħajja f’Art Magħmula Ġenna

Għadd li dejjem jikber taʼ nies qed jagħtu kas is-​sinjal tal-​preżenza taʼ Ġesù. Kristian, żagħżugħ miżżewweġ fil-​Ġermanja jikteb: “Dawn huma żminijiet mudlama. Żgur li qed ngħixu fl-​‘aħħar jiem.’” Hu u martu jqattgħu ħafna ħin ikellmu lil oħrajn dwar is-​Saltna Messjanika. Frank jgħix fl-​istess pajjiż. Hu u martu jinkuraġġixxu lil oħrajn bl-​aħbar tajba mill-​Bibbja. Frank jgħid: “Minħabba s-​sitwazzjoni fid-​dinja, ħafna nies illum huma ansjużi dwar il-​futur. Aħna nipprovaw ninkuraġġuhom bil-​profeziji tal-​Bibbja dwar art magħmula ġenna.” Kristian u Frank b’dan il-​mod jgħinu fit-​twettiq taʼ fattur wieħed tas-​sinjal taʼ Ġesù—l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna.—Mattew 24:14.

Hekk kif l-​aħħar jiem jilħqu l-​quċċata tagħhom, Ġesù se jiknes lil din is-​sistema qadima u lin-​nies li jappoġġawha. Is-​Saltna Messjanika mbagħad se tieħu ħsieb l-​attivitajiet fuq l-​art, li se terġaʼ lura għall-​kundizzjonijiet imbassra taʼ Ġenna taʼ l-​art. Il-​bnedmin se jeħilsu mill-​mard u l-​mewt, u l-​mejtin se jiġu rxoxtati għall-​ħajja fuq l-​art. Dawn huma l-​prospetti pjaċevoli li qed jistennew lil dawk li jagħrfu s-​sinjal taż-​żminijiet. Ma jkunx għaqli li titgħallem iktar dwar is-​sinjal u dwar x’għandu jagħmel dak li jkun biex isalva fit-​tmiem taʼ din is-​sistema? Żgur li din għandha tkun kwistjoni urġenti għal kulħadd.—Ġwanni 17:3.

[Kumment f’paġna 4]

Ġesù bassar li ħafna ġrajjiet li jseħħu flimkien kellhom jifformaw sinjal li jistaʼ jintgħaraf minn kull parti tad-​dinja

[Kumment f’paġna 6]

Tara int ġabra taʼ ġrajjiet li jifformaw sinjal taʼ importanza globali?

[Kaxxa/Stampi f’paġna 6]

SINJALI LI JIDENTIFIKAW L-​AĦĦAR JIEM

Gwerer li qatt ma kien hawn bħalhom.—Mattew 24:7; Rivelazzjoni 6:4

Nuqqas taʼ ikel.​—Mattew 24:7; Rivelazzjoni 6:​5, 6, 8

Mard li jittieħed.—Luqa 21:11; Rivelazzjoni 6:8

Jiżdied il-​ħażen.—Mattew 24:12

Terremoti.—Mattew 24:7

Żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.—2 Timotju 3:1

Imħabba eċċessiva għall-​flus.—2 Timotju 3:2

Diżubbidjenza lejn il-​ġenituri.—2 Timotju 3:2

Nuqqas taʼ mħabba naturali.—2 Timotju 3:3

Imħabba għall-​pjaċiri minflok għal Alla.—2 Timotju 3:4

Nuqqas taʼ rażna.—2 Timotju 3:3

Mingħajr imħabba għat-​tajjeb.—2 Timotju 3:3

Ma jagħtux kas il-​periklu imminenti.—Mattew 24:39

Uħud li jwaqqgħu għaċ-​ċajt jiċħdu l-​provi dwar l-​aħħar jiem.—2 Pietru 3:​3, 4

Ippridkar globali dwar is-​Saltna t’Alla.—Mattew 24:14

[Sors tal-​Istampas f’paġna 5]

Suldati fl-​ewwel gwerra dinjija: Mill-​ktieb The World War​—A Pictorial History, 1919; familja fqira: AP Photo/Aijaz Rahi; vittma tal-​poljo: © WHO/P. Virot