Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Meravilji tal-Ħolqien Jeżaltaw lil Ġeħova

Il-Meravilji tal-Ħolqien Jeżaltaw lil Ġeħova

Il-​Meravilji tal-​Ħolqien Jeżaltaw lil Ġeħova

ALLA ĠEĦOVA huwa eżaltat ħafna iktar minn kemm jistgħu jimmaġinaw il-​bnedmin imperfetti. L-​għemejjel tal-​ħolqien tiegħu fuq l-​art u fis-​smewwiet iġibulu tifħir u jħalluna meraviljati.—Salm 19:​2-5 (19:​1-4, NW).

Bħala l-​Ħallieq u s-​Sovran Universali, Ġeħova żgur li jixraqlu jiġi mismugħ meta jitkellem. Imma kemm nibqgħu mgħaġġbin kieku kellu jkellimna, lilna sempliċi bnedmin, hawnhekk fuq l-​art! Ejja ngħidu li jkellem lilek, forsi permezz t’anġlu. Żgur li tkun trid toqgħod attent. Ir-​raġel rett Ġob żgur li semaʼ bl-​akbar attenzjoni meta Alla indirizzah xi 3,500 sena ilu. X’nistgħu nitgħallmu minn dak li Alla qal lil Ġob dwar l-​art u s-​smewwiet fiżiċi?

Min Qiegħed Sisien l-​Art, u Min Jikkontrolla l-​Baħar?

Minn ġot-​tempesta, Alla jistaqsi lil Ġob dwar l-​art u l-​baħar. (Ġob 38:​1-11) Ebda arkitett uman ma ddeċieda dwar kemm għandha tkun kbira l-​art u mbagħad għen biex tiġi fformata. Meta jqabbel l-​art maʼ bini, Alla jistaqsi lil Ġob: “Min qiegħed ras il-​għareb tagħha?” (NW) Ebda bniedem! L-​ulied anġeliċi t’Alla osservawh u ferħu hekk kif Ġeħova ħalaq din il-​pjaneta.

Il-​baħar għadu jibda meta mqabbel m’Alla, il-​Wieħed li jlibbsu b’mod figurattiv. Dan “b’qawwa ħareġ mill-​ġuf.” Alla jagħmel fruntieri għall-​baħar bħallikieku bil-​bibien imsakkrin, u l-​marea hija regolata mill-​ġibdiet tal-​qamar u x-​xemx.

The World Book Encyclopedia tgħid: “Ir-​riħ jikkaġuna ħafna mill-​mewġ taʼ l-​oċean, minn ċafċif żgħir sa mewġ enormi taʼ l-​uragani li jkunu ogħla minn 30 metru. . . . Wara li jieqaf ir-​riħ, il-​mewġ jibqaʼ jivvjaġġa fil-​wiċċ taʼ l-​oċean u jistaʼ jmur distanzi twal ’il bogħod minfejn ikun beda. Ibatti u jitwal. Imbagħad, il-​mewġ jilħaq ix-​xatt, fejn ir-​ragħwa bajda tiegħu tinkiser fuq ix-​xtajta.” Il-​baħar jobdi l-​kmand t’Alla: “Sa hawn biss tasal u mhux aktar, ma taqbiżx minn hawn il-​qawwa taʼ mwieġek.”

Min Jagħmel iż-​Żerniq?

Imbagħad Alla jistaqsi lil Ġob dwar l-​effett tad-​dawl u affarijiet oħra. (Ġob 38:​12-18) Ebda bniedem ma jistaʼ jikkmanda l-​proċess kontinwu tal-​lejl u n-​nhar. Id-​dawl taʼ fil-​għodu b’mod figurattiv jaqbad l-​art mit-​truf tagħha u jfarfar minnha l-​ħżiena. Il-​midinbin jistgħu jagħmlu affarijiet ħżiena fid-​“dlam.” (Ġob 24:​15, 16) Imma ż-​żerniq ixerred ’l hawn u ’l hemm lil ħafna wħud li jagħmlu l-​ħażen.

F’id Alla, id-​dawl taʼ fil-​għodu hu bħal siġill, jew timbru, li minħabba fih l-​art tieħu forma mill-​isbaħ. Bid-​dawl tax-​xemx nistgħu naraw ħafna kuluri, u għalhekk il-​globu jidher bħallikieku mlibbes bi ħwejjeġ mill-​isbaħ. Ġob m’għamel xejn minn dan u ma mexiex f’qiegħ il-​baħar biex jikteb inventarju dwar it-​teżori li fih. Saħansitra sa llum ir-​riċerkaturi għad għandhom għarfien limitat dwar il-​ħajja fl-​oċeani!

Min Għandu Mħażen taʼ Borra u Silġ?

Ebda bniedem ma stieden f’daru lid-​dawl jew lid-​dlam jew daħal fl-​imħażen tal-​borra u s-​silġ li Alla jżomm għal “jiem it-​taqbid u l-​gwerra.” (Ġob 38:​19-23) Meta Ġeħova uża s-​silġ kontra l-​għadu f’Gibgħon, “mietu aktar bil-​ġebel tas-​silġ milli wlied Iżrael qatlu bix-​xabla.” (Ġożwè 10:11) Hu jistaʼ juża s-​silġ taʼ daqs li ma nafux bih biex jeqred lill-​ħżiena mmexxijin minn Gog, jew Satana.—Eżekjel 38:​18, 22.

Silġ li kien fih daqs bajda qatel 25 ruħ u weġġaʼ 200 oħra fiċ-​ċentru tal-​Provinċja Henan, fiċ-​Ċina, f’Lulju 2002. Dwar tempesta bis-​silġ fl-​1545, l-​iskultur Taljan Benvenuto Cellini kiteb: “Darba minnhom konna distanza taʼ ġurnata ’l bogħod mill-​belt taʼ Lyons . . . meta s-​sema beda jriegħed u jfaqqaʼ bil-​qawwi. . . . Wara r-​ragħad, is-​sema għamel ħoss tant qawwi u tal-​biżaʼ li ħsibt li kien wasal l-​aħħar jum, allura waqqaft iż-​żiemel għal ftit, waqt li xita taʼ silġ bdiet nieżla mingħajr qatra ilma. . . . Is-​silġ sar kull waħda daqs lumija kbira. . . . It-​tempesta baqgħet qawwija għal xi ħin, imma fl-​aħħar waqfet. . . . Urejna l-​grif u t-​tbenġil lil xulxin; imma mil ’il bogħod minfejn konna, rajna xena taʼ diżastru sħiħ li kien ħafna akbar minn dak li esperjenzajna aħna, u li mhux possibbli tiddeskrivih. Is-​siġar kollha kienu mneżżgħin mill-​weraq u maqsumin; l-​annimali taʼ l-​għelieqi kienu mejtin; ħafna mir-​rgħajja wkoll kienu nqatlu; rajna kwantitajiet kbar taʼ silġ tant kbir li lanqas kont taqbdu f’żewġ idejn.”—Autobiography (Book II, 50), Harvard Classics, il-​31 Volum, paġni 352-3.

X’se jiġri meta Ġeħova jiftaħ l-​imħażen tiegħu taʼ borra u silġ kontra l-​għedewwa tiegħu? Żgur li ma jistgħux isalvaw meta jintuża l-​borra jew is-​silġ biex titwettaq ir-​rieda tiegħu.

Xogħol Idejn Min Huma x-​Xita, in-​Nida, il-​Ġlata, u s-​Silġ?

Imbagħad, Ġeħova jistaqsi lil Ġob dwar ix-​xita, in-​nida, il-​ġlata, u s-​silġ. (Ġob 38:​24-30) Alla hu l-​Wieħed li jagħmel ix-​xita, u anki “d-​deżert li ħadd ma jgħix fih” igawdi minn din il-​barka. Ix-​xita, is-​silġ, u l-​ġlata ma joriġinawx mill-​bnedmin u lanqas ma għandhom xi missier uman.

In-​Nature Bulletin jistqarr: “L-​iktar karatteristika stramba u forsi l-​iktar importanti [tas-silġ] hi li l-​ilma jespandi hekk kif jiffriża . . . Il-​kisja tas-​silġ li tifforma u tifflowtja fil-​wiċċ taʼ għadira fix-​xitwa tagħmilha possibbli għall-​ħxejjex u l-​annimali tal-​baħar (il-ħut, eċċ.) biex jibqgħu ħajjin fl-​ilma taʼ taħt. Li kieku . . . l-​ilma jiċkien hekk kif ikun qed jagħqad u jibbies, kieku s-​silġ ikun itqal mill-​ilma u jegħreq fil-​qiegħ. Imbagħad, kieku jifforma iktar silġ fil-​wiċċ sakemm l-​għadira tiffriża għalkollox. . . . F’postijiet iktar kesħin tad-​dinja, ix-​xmajjar, il-​vaski, l-​għadajjar, u saħansitra l-​oċeani kieku jiffriżaw b’mod permanenti.”

Kemm aħna grati li l-​ilmijiet ma jiffriżawx għalkollox! U żgur li napprezzaw xogħol idejn Ġeħova, ix-​xita u n-​nida li jagħtu l-​ħajja lill-​veġitazzjoni taʼ l-​art.

Min Għamel il-​Liġijiet tas-​Sema?

Imbagħad Alla jistaqsi lil Ġob dwar is-​sema. (Ġob 38:​31-33) Il-​kwiekeb tat-​Trajja ġeneralment huma identifikati bħala Pleadi, grupp li jikkonsisti f’sebaʼ kwiekeb kbar u għadd t’oħrajn iżgħar xi 380 sena tad-​dawl ’il bogħod mix-​xemx. Il-​bniedem m’għandux “il-​ħila [jgħaqqad] il-​kwiekeb tat-​Trajja,” billi jiġbor flimkien lil dan il-​grupp. Ebda bniedem ma jistaʼ ‘jħoll minn xulxin l-​istilel tal-​Ġgant,’ ġeneralment identifikati bħala grupp taʼ kwiekeb imsejjaħ Orjun. Huma kif inhuma identifikati llum il-​kwiekeb Mażarot u Orsa, il-​bniedem ma jistax jikkontrollahom u jiggwidahom. Il-​bnedmin ma jistgħux jibdlu “l-​liġijiet tas-​sema,” il-​liġijiet li jmexxu l-​univers.

Alla stabbilixxa l-​liġi li tiggwida s-​smewwiet u li tinfluwenza t-​temp tad-​dinja, il-​marea, l-​atmosfera, u saħansitra l-​eżistenza tal-​ħajja stess fuq din il-​pjaneta. Ikkunsidra x-​xemx. Dwarha, The Encyclopedia Americana (Edizzjoni taʼ l-​1996) tgħid: “Ir-​raġġi tax-​xemx jagħtu s-​sħana u d-​dawl lid-​dinja, jikkontribwixxu għat-​tkabbir tal-​ħxejjex, jevaporaw l-​ilma mill-​oċean u ilmijiet oħra, għandhom irwol fil-​produzzjoni tar-​riħ, u jagħmlu ħafna iktar funzjonijiet li huma vitali għall-​eżistenza tal-​ħajja fuq l-​art.” L-​istess xogħol taʼ referenza jgħid: “Biex dak li jkun japprezza l-​kobor tal-​qawwa li fih id-​dawl tax-​xemx, kulma għandu bżonn hu li jirrifletti fuq il-​qawwa taʼ l-​irjieħ u l-​ġibjuni u x-​xmajjar u l-​qawwa kollha li hemm f’affarijiet naturali li jqabbdu n-​nar bħall-​injam, il-​faħam, u ż-​żejt li m’huma xejn iktar ħlief dawl tax-​xemx li ilu maħżun minn pjaneta ċkejkna [id-dinja] 150 miljun kilometru ’l bogħod mix-​xemx.”

Min Żejjen bid-​Dehen lis-​Sħab?

Ġeħova jgħid lil Ġob biex jikkunsidra s-​sħab. (Ġob 38:​34-38) Il-​bniedem ma jistax jikkmanda lil sħaba waħda biex tidher u terħi l-​ilma tagħha. Imma l-​bnedmin kemm jiddependu miċ-​ċiklu taʼ l-​ilma li stabbilixxa l-​Ħallieq!

X’inhu ċ-​ċiklu taʼ l-​ilma? Xogħol wieħed taʼ referenza jgħid: “Iċ-​ċiklu taʼ l-​ilma jikkonsisti f’erbaʼ oqsma differenti: il-​ħażna, l-​evaporazzjoni, il-​preċipitazzjoni, u l-​ifformar tax-​xmajjar. L-​ilma jistaʼ jinħażen temporanjament fl-​art; fl-​oċeani, fl-​għadajjar, u fix-​xmajjar; u fil-​qċaċet tal-​muntanji bis-​silġ u fil-​glaċieri. Dan jevapora mill-​wiċċ taʼ l-​art, jinġemaʼ fi sħab, jerġaʼ jaqaʼ lejn l-​art bħala preċipitazzjoni (xita jew borra), u eventwalment jew jiġri lejn il-​baħar inkella jerġaʼ jevapora fl-​atmosfera. Kważi l-​ilma kollu fuq l-​art għadda miċ-​ċiklu taʼ l-​ilma għal ammont infinit taʼ drabi.”—Microsoft Encarta Reference Library 2005.

Is-​sħab kollu xita hu bħal ġarar taʼ l-​ilma fis-​sema. Meta Ġeħova jaqlibhom, huma jistgħu jferrgħu tant xita li t-​trab isir tajn u ċ-​ċapep taʼ tajn jagħqdu flimkien. Alla jistaʼ jipproduċi x-​xita jew iżommha lura.—Ġakbu 5:​17, 18.

Ix-​xita spiss tkun akkumpanjata mis-​sajjetti, imma l-​bniedem ma jistax iġagħalhom iwettqu x-​xewqat tiegħu. Is-​sajjetti huma rappreżentati bħala li jirrapportaw lil Alla u jgħidu, “Arana, sejrin”! Compton’s Encyclopedia tgħid: “Is-​sajjetti jipproduċu bidliet kimiċi kbar fl-​atmosfera. Malli sajjetta tgħaddi minn ġo l-​arja, din tiġġenera sħana tremenda li tgħaqqad in-​nitroġenu u l-​ossiġnu biex tifforma n-​nitrati u komponenti oħra. Dawn il-​komponenti jaqgħu fl-​Art max-​xita. B’dan il-​mod, l-​atmosfera tkun tistaʼ tkompli tgħin biex iġġedded in-​nutrimenti li għandha bżonn il-​ħamrija biex tipproduċi l-​ħxejjex.” Il-​bniedem għadu ma jifhimx għalkollox il-​misteru tas-​sajjetti, imma Alla iva.

Il-​Meravilji tal-​Ħolqien Iġibu Tifħir lil Alla

Il-​meravilji tal-​ħolqien tassew jeżaltaw lill-​Ħallieq taʼ l-​affarijiet kollha. (Rivelazzjoni 4:11) Min jaf kif baqaʼ impressjonat Ġob bil-​kliem taʼ Ġeħova dwar l-​art, il-​pjaneti, u l-​kwiekeb fl-​ispazju!

Il-meravilji tal-​ħolqien li għadna kif ikkunsidrajna m’humiex l-​uniċi mistoqsijiet u deskrizzjonijiet preżentati lil Ġob. Madankollu, anki dawn li kkunsidrajna jqanqluna biex nesklamaw: “Alla hu hekk kbir li anqas nifhmuh”!—Ġob 36:26.

[Sorsi tal-Istampa f’paġna 14]

Borra: snowcrystals.net

[Sorsi tal-​Istampi f’paġna 15]

Pleadi: NASA, ESA and AURA/Caltech; ħut: U.S. Fish & Wildlife Service, Washington, D.C./William W. Hartley