Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Il-Mulej it-Triqat Tiegħu Dritti”

“Il-Mulej it-Triqat Tiegħu Dritti”

“Il-​Mulej it-​Triqat Tiegħu Dritti”

“Il-​Mulej it-​triqat tiegħu dritti, il-​ġusti jimxu fihom.”—Hosegħa 14:10 (14:​9, NW).

1, 2. Ġeħova ta liema bidu lill-​Iżraelin, imma x’sar minnhom?

 ĠEĦOVA ta lill-​Iżraelin bidu tajjeb fi żmien il-​profeta Mosè. Madankollu, sal-​bidu tat-​tmien seklu Q.E.K., is-​sitwazzjoni tagħhom kienet tant marret għall-​agħar li Alla sabhom ħatjin taʼ mġiba ħażina moqżieża. Dan jidher ċar minn Hosegħa kapitlu 10 sa 14.

2 Qalb Iżrael kienet saret ipokrita. In-​nies taʼ dik is-​saltna b’għaxar tribujiet kienu ‘żergħu l-​ħażen’ u ħasdu l-​għawġ. (Hosegħa 10:​1, 13) Ġeħova qal: “Meta kien tfajjel Iżrael ħabbejtu, u mill-​Eġittu sejjaħt lil ibni.” (Hosegħa 11:1) Għalkemm Alla kien ħeles lill-​Iżraelin mill-​jasar taʼ l-​Eġittu, huma pattew lura dak li kien għamel magħhom bil-​gideb u l-​qerq. (Hosegħa 11:​12) Ġeħova b’hekk tahom dan il-​parir: “[“Erġaʼ lura lejn Alla tiegħek,” Saydon] ħares it-​tjieba u l-​ġustizzja.”​—Hosegħa 12:7 (12:​6, NW).

3. X’kien se jiġrilha s-​Samarija ribelluża, imma l-​Iżraelin kif setgħu jiksbu l-​ħniena?

3 Is-​Samarija ribelluża u s-​sultan tagħha kien se jkollhom tmiem diżastruż. (Hosegħa 13:11; 14:1 [13:​16, NW]) Imma fit-​tieni vers taʼ l-​aħħar kapitlu tal-​profezija taʼ Hosegħa (14:​1, NW) insibu s-​supplika: “Erġaʼ dur, Iżrael, lejn il-​Mulej Alla tiegħek.” Kieku l-​Iżraelin nedmin fittxew il-​maħfra, Alla kien se jħenn għalihom. M’għandniex xi ngħidu, ikollhom jagħrfu li “l-​Mulej it-​triqat tiegħu dritti,” u jimxu fihom.​—Hosegħa 14:​2-7, 10 (14:​1-6, 9, NW).

4. Liema prinċipji se nikkunsidraw mill-​profezija taʼ Hosegħa?

4 Din il-​parti tal-​profezija taʼ Hosegħa fiha ħafna prinċipji li jistgħu jgħinuna nimxu m’Alla. Se nikkunsidraw dawn: (1) Ġeħova jistenna qima bla ipokrisija, (2) Alla juri mħabba leali mal-​poplu tiegħu, (3) għandna nittamaw f’Ġeħova kontinwament, (4) it-​triqat taʼ Ġeħova huma dejjem retti, u (5) dawk li jidinbu jistgħu jirritornaw lejn Ġeħova.

Ġeħova Jistenna Qima bla Ipokrisija

5. Liema tip taʼ servizz jistenna minna Alla?

5 Ġeħova jistenna minna li nagħtuh servizz b’mod nadif u bla ipokrisija. Madankollu, Iżrael kien sar “dielja korrotta” (NW) mhux produttiva. L-​abitanti taʼ Iżrael kienu ‘bnew iktar artali’ biex jużawhom fil-​qima falza. Dawn l-​apostati saħansitra għamlu l-​plieri​—wisq probabbli obeliski magħmulin bl-​iskop li jintużaw f’qima maħmuġa. Ġeħova kien se jkisser dawn l-​artali u jfarrak dawn il-​plieri.​—Hosegħa 10:​1, 2.

6. Biex nimxu m’Alla, għandna nkunu ħielsa minn liema tendenza?

6 M’hemmx post għall-​ipokrisija fost il-​qaddejja taʼ Ġeħova. Madankollu, x’kien ġralhom l-​Iżraelin? ‘Qalbhom saret mifruda fiha nfisha’! Għalkemm darba kienu daħlu f’patt maʼ Ġeħova bħala ġens dedikat lilu, hu sabhom ħatjin taʼ ipokrisija. X’nistgħu nitgħallmu minn dan? Jekk aħna ddedikajna lilna nfusna lil Alla, m’għandniex inkunu ipokriti. Proverbji 3:​32 iwissi: “Min jimxi bl-​imgħawweġ jistkerrhu l-​Mulej, imma f’idejh huma dawk li jimxu bis-​sewwa.” Biex nimxu m’Alla, irridu nuru mħabba “li tiġi minn qalb nadifa u minn kuxjenza tajba u minn fidi mingħajr ipokrisija.”​—1 Timotju 1:5.

Alla Juri Mħabba Leali mal-​Poplu Tiegħu

7, 8. (a) F’liema ċirkustanzi nistgħu ngawdu l-​imħabba leali t’Alla? (b) X’għandna nagħmlu jekk dnibna serjament?

7 Jekk inqimu lil Ġeħova bla ipokrisija u b’mod rett, aħna nistgħu nirċievu l-​qalb tajba bl-​imħabba, jew l-​imħabba leali, tiegħu. L-​Iżraelin li kienu żvijaw intqalilhom: “Iżirgħu għalikom il-​ġustizzja, u taħsdu l-​frott tat-​tjieba. Agħżqu l-​art mistrieħa, għax wasal żmien li tfittxu l-​Mulej. Sakemm jiġi u [“jgħallimkom is-​sewwa,” ].”​—Hosegħa 10:12.

8 Kemm kien jaqblilhom l-​Iżraelin kieku fittxew lil Ġeħova b’qalb niedma! Kieku, bil-​ferħ hu kien se ‘jgħallimhom is-​sewwa.’ Jekk aħna personalment dnibna serjament, ħalli nfittxu lil Ġeħova, u nitolbuh maħfra u nfittxu l-​għajnuna spiritwali mill-​anzjani Kristjani. (Ġakbu 5:​13-​16) Ħalli aħna wkoll infittxu l-​gwida taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla, għax “min jiżraʼ għal laħmu jaħsad it-​taħsir minn laħmu, imma min jiżraʼ għall-​ispirtu jaħsad il-​ħajja taʼ dejjem mill-​ispirtu.” (Galatin 6:8) Jekk ‘niżirgħu għall-​ispirtu,’ se nkomplu ngawdu l-​imħabba leali t’Alla.

9, 10. Hosegħa 11:​1-4 kif japplika għal Iżrael?

9 Aħna fiduċjużi li Ġeħova dejjem jittratta man-​nies tiegħu bl-​imħabba. Dan jidher ċar f’Hosegħa 11:​1-4, fejn naqraw: “Meta kien tfajjel Iżrael ħabbejtu, u mill-​Eġittu sejjaħt lil ibni. . . . Offrew sagrifiċċji lil Bagħalim, u baħħru quddiem l-​idoli. Kont jien li ’l Efrajm [l-Iżraelin] għallimtu jimxi, rfajthom fuq dirgħajja, iżd’huma m’għarfux kemm kont ħadt ħsiebhom! Bi ħbula taʼ bnedmin jien ġbidthom, b’rabtiet taʼ mħabba; u kont għalihom bħal [“wieħed li jerfaʼ l-​madmad mix-​xedaq tagħhom, u milt lejhom u tmajthom,” ].”

10 Hawnhekk Iżrael hu mqabbel maʼ tfajjel. Ġeħova bi mħabba għallem lill-​Iżraelin jimxu billi refagħhom fuq dirgħajh. U hu baqaʼ jiġbidhom bir-​“rabtiet taʼ mħabba.” X’xena li tqanqallek qalbek! Immaġina lilek innifsek bħala ġenitur li tgħin lit-​tifel żgħir tiegħek jagħmel l-​ewwel passi. Int iżżomm dirgħajk miftuħin. Għandek mnejn tuża xi ħabel biex ikun jistaʼ jżomm miegħu u ma jaqax. B’mod simili, l-​imħabba taʼ Ġeħova għalik hija daqstant ieħor tenera. Hu jitgħaxxaq imexxik bir-​“rabtiet taʼ mħabba.”

11. Alla b’liema mod sar għalihom bħal “wieħed li jerfaʼ l-​madmad”?

11 Fil-​mod kif ittratta maʼ l-​Iżraelin, Ġeħova sar għalihom bħal ‘wieħed li jerfaʼ l-​madmad mix-​xedaq tagħhom, u jmil lejhom u jitmagħhom’ (). Alla aġixxa bħala wieħed li refaʼ jew mexxa l-​madmad lura biżżejjed ħalli l-​annimal ikun jistaʼ jiekol bil-​kumdità. Kien biss meta l-​poplu taʼ Iżrael kisser il-​madmad tiegħu taʼ sottomissjoni lejn Ġeħova li waqaʼ taħt il-​madmad kollu moħqrija taʼ l-​għedewwa tiegħu. (Dewteronomju 28:​45, 48; Ġeremija 28:14) Jalla qatt ma naqgħu taħt idejn l-​akbar għadu tagħna, Satana, u nsofru l-​uġigħ tal-​madmad tiegħu kollu moħqrija. Minflok, ejja nkomplu nimxu lealment maʼ l-​Alla tagħna kollu mħabba.

Ittama f’Ġeħova Kontinwament

12. Skond Hosegħa 12:7 (12:​6, NW), x’hemm bżonn sabiex nibqgħu nimxu m’Alla?

12 Sabiex tkompli timxi m’Alla, trid tkompli tittama fih kontinwament. Lill-​Iżraelin intqalilhom: “Bil-​għajnuna taʼ Alla tiegħek, int terġaʼ lura fl-​għerejjex tiegħek: ħares it-​tjieba [“il-​qalb tajba bl-​imħabba,” NW] u l-​ġustizzja, u ttama dejjem f’Alla tiegħek.” (Hosegħa 12:7 [12:​6, NW]) L-​abitanti taʼ Iżrael setgħu juru li bi ndiema daru lura lejn Ġeħova billi juru l-​qalb tajba bl-​imħabba, u billi jeżerċitaw ġustizzja u billi ‘jittamaw dejjem f’Alla.’ Minkejja kemm ilna nimxu m’Alla, għandna nkunu determinati li nuru qalb tajba bl-​imħabba, naġixxu b’ġustizzja, u nittamaw f’Alla kontinwament.​—Salm 27:14.

13, 14. Pawlu kif japplika Hosegħa 13:​14, u dan x’raġuni jagħtina biex nittamaw f’Ġeħova?

13 Il-​profezija taʼ Hosegħa rigward l-​Iżraelin tagħtina raġuni speċjali biex nittamaw f’Alla. Ġeħova qal: “Neħlishom jien mill-​qawwa tax-​Xeol? Jew mill-​mewt nifdihom? Fejn huma l-​flaġelli tiegħek, mewt? Fejn hija l-​qerda tiegħek, Xeol?” (Hosegħa 13:14) Ġeħova ma kienx se jeħles lill-​Iżraelin minn mewta fiżika f’dak iż-​żmien, imma fl-​aħħar mill-​aħħar hu kien se jiblaʼ l-​mewt għal dejjem u jġib fix-​xejn ir-​rebħa tagħha.

14 Meta kien qed ikellem lill-​midlukin sħabu fit-​twemmin, Pawlu kkwota mill-​profezija taʼ Hosegħa u qal: “Imma meta dan il-​ġisem li jitħassar jilbes in-​nuqqas taʼ taħsir u dan il-​ġisem li jmut jilbes l-​immortalità, imbagħad iseħħ dak li hemm miktub: ‘Il-​mewt tinbelaʼ għal dejjem.’ ‘Mewt, fejn hi r-​rebħa tiegħek? Mewt, fejn hi t-​tingiża tiegħek?’ It-​tingiża li twassal għall-​mewt hi d-​dnub, imma l-​qawwa tad-​dnub hi l-​Liġi. Imma rroddu ħajr lil Alla, għax hu jagħtina r-​rebħa permezz tal-​Mulej tagħna Ġesù Kristu!” (1 Korintin 15:​54-​57) Ġeħova qajjem lil Ġesù mill-​mewt, u b’dan il-​mod ipprovda garanzija taʼ faraġ kbir li n-​nies fil-​memorja t’Alla se jiġu rxoxtati. (Ġwanni 5:​28, 29) X’raġuni mill-​isbaħ biex nittamaw f’Ġeħova! Madankollu, hemm xi ħaġa oħra minbarra t-​tama taʼ l-​irxoxt li tagħtina raġuni valida biex nimxu m’Alla.

It-​Triqat taʼ Ġeħova Huma Dejjem Dritti

15, 16. X’kien imbassar dwar is-​Samarija, u l-​profezija kif twettqet?

15 Il-​fatt li aħna konvinti li “l-​Mulej it-​triqat tiegħu dritti” jgħinna nkomplu nimxu m’Alla. L-​abitanti tas-​Samarija ma mxewx fit-​triqat ġusti t’Alla. Allura, kellhom iħallsu għad-​dnub li għamlu u għan-​nuqqas taʼ fidi f’Ġeħova. Ġie mbassar: “Tpatti, għad tpatti Samarija, għax qamet kontra Alla tagħha. Għad jaqgħu taħt ix-​xabla, u jisħqulhom iż-​żgħar tagħhom, u jiftħulhom in-​nisa tqal.” (Hosegħa 14:1 [13:​16, NW]) Il-​kitbiet storiċi juru li l-​Assirjani, li kkonkwistaw lis-​Samarija, kienu kapaċi jagħmlu dawn il-​ħruxijiet terribbli.

16 Is-​Samarija kienet il-​belt kapitali tas-​saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet. Madankollu, l-​isem Samarija kultant jistaʼ japplika għat-​territorju sħiħ taʼ dik is-​saltna. (1 Slaten 21:1) Is-​Sultan Assirjan Salmaneser V assedja l-​belt tas-​Samarija fis-​sena 742 Q.E.K. Meta s-​Samarija finalment waqgħet fis-​sena 740 Q.E.K., ħafna mir-​residenti prominenti tagħha ttieħdu fl-​eżilju lejn il-​Mesopotamja u l-​Medja. Jekk is-​Samarija ġietx megħluba minn Salmaneser V jew is-​suċċessur tiegħu Sargon II għadu mhux ċert. (2 Slaten 17:​1-6, 22, 23; 18:​9-​12) Minkejja dan, il-​kitbiet taʼ Sargon jirreferu għall-​eżilju tas-​27,290 Iżraeli lejn postijiet fin-​naħa taʼ fuq tax-​Xmara Ewfrat u l-​Medja.

17. Minflok ma niddisprezzaw il-​livelli t’Alla, x’għandna nagħmlu?

17 L-​abitanti tas-​Samarija pattew bil-​qares talli ma mxewx fit-​triqat retti taʼ Ġeħova. Bħala Kristjani dedikati, aħna wkoll ikollna nbatu konsegwenzi traġiċi kieku kellna nsiru individwi li jipprattikaw id-​dnub, u niddisprezzaw il-​livelli ġusti t’Alla. Jalla qatt ma nagħmlu xi ħaġa mill-​agħar bħal din! Minflok, ejja lkoll napplikaw il-​parir taʼ l-​appostlu Pietru: “Ħalli ħadd minnkom ma jsofri bħala qattiel jew ħalliel jew raġel ħażin jew wieħed li jindaħal fi ħwejjeġ ħaddieħor. Imma jekk isofri bħala Kristjan, ħa ma jistħix, imma jkompli jigglorifika lil Alla f’dan l-​isem.”​—1 Pietru 4:​15, 16.

18. Kif nistgħu nkomplu ‘nigglorifikaw lil Alla’?

18 Aħna nkomplu ‘nigglorifikaw lil Alla’ billi nimxu fit-​triqat dritti tiegħu minflok ma nagħmlu l-​affarijiet kif jidhrilna aħna. Kajjin qatel għax għamel l-​affarijiet kif deherlu u ma tax kas it-​twissija taʼ Ġeħova li d-​dnub kien wasal biex jaħtfu. (Ġenesi 4:​1-8) Balgħam aċċetta l-​ħlas mis-​sultan taʼ Mowab imma għalxejn ipprova jisħet lil Iżrael. (Numri 24:10) U Alla ta l-​mewt lil-​Levita Koraħ u oħrajn talli rribellaw kontra l-​awtorità taʼ Mosè u Aron. (Numri 16:​1-3, 31-​33) Żgur li ma rridux ‘immorru fit-​triq taʼ Kajjin; niġru fil-​korsa żbaljata taʼ Balgħam, u ninqerdu bid-​diskors ribelluż taʼ Koraħ.’ (Ġuda 11) Però, jekk nidinbu l-​profezija taʼ Hosegħa tagħtina l-​faraġ.

Dawk li Jidinbu Jistgħu Jirritornaw Lejn Ġeħova

19, 20. L-​Iżraelin niedma setgħu joffru liema sagrifiċċji?

19 Anki dawk li tfixklu billi għamlu dnub serju jistgħu jduru lura lejn Ġeħova. F’Hosegħa 14:​2, 3 (14:​1, 2, NW), insibu din is-​sejħa: “Erġaʼ dur, Iżrael, lejn il-​Mulej Alla tiegħek, għax int tfixkilt minħabba fi ħżunitek. Ħudu kliem magħkom, duru mill-​ġdid lejn il-​Mulej, u għidulu: ‘Int tneħħi l-​ħażen kollu: ilqaʼ t-​tajjeb, u nroddu frott xufftejna.’”

20 Jekk l-​Iżraelin kienu se jindmu, Alla kien se jaċċetta l-​offerti tagħhom taʼ ‘frott xufftejhom.’ Dawn kienu sagrifiċċji taʼ tifħir sinċier. Pawlu rrefera indirettament għal din il-​profezija meta ħeġġeġ lill-​Kristjani biex joffru “dejjem sagrifiċċju taʼ tifħir lil Alla, jiġifieri, il-​frott tax-​xofftejn li jistqarru ismu pubblikament.” (Ebrej 13:15) Xi privileġġ li llum nistgħu nimxu m’Alla u noffru dawn is-​sagrifiċċji!

21, 22. Liema restawrazzjoni kienu se jesperjenzaw l-​Iżraelin niedma?

21 L-​Iżraelin li abbandunaw il-​ħajja ribelluża tagħhom u daru lura lejn Alla offrewlu ‘frott xufftejhom.’ B’hekk, huma esperjenzaw restawrazzjoni spiritwali, eżatt bħalma kien wiegħed Alla. F’Hosegħa 14:​5-8 (14:​4-7, NW) Ġeħova jgħid: “Naħfrilhom, għad li xxewxu kontrija; minn qalbi nħobbhom, għaliex il-​korla tiegħi reġgħet lura minn fuqhom. Jien għad inkun għal Iżrael bħal nida. Ħa jiftaħ bħal ġilju, għeruqu jxenxel bħal siġra tal-​luq, jinfirxu r-​rimjiet tiegħu, sbuħitu taʼ siġra taż-​żebbuġ, u jkun ifewwaħ qisu l-​Libanu. U jerġgħu jiġu jgħammru taħt id-​dell tiegħi, isiru qishom ġnien, jisbieħu qishom dielja, nbid tal-​Libanu tkun tistħajjilhom.”

22 L-​Iżraelin niedma kienu se jfiqu spiritwalment u jerġgħu jgawdu l-​imħabba t’Alla. Ġeħova kien se jsir bħal nida rifreskanti għalihom għaliex kien se jberikhom bil-​kbir. Il-​poplu restawrat tiegħu kien se jkollu ‘sbuħija bħal taʼ siġra taż-​żebbuġ,’ u kien se jimxi fit-​triqat t’Alla. Ladarba aħna determinati li nimxu m’Alla Ġeħova, x’inhu meħtieġ minna?

Kompli Miexi fit-​Triqat Retti taʼ Ġeħova

23, 24. Il-​ktieb taʼ Hosegħa jikkonkludi b’liema profezija inkuraġġanti, u din kif teffettwana?

23 Jekk irridu nkomplu mexjin m’Alla, irridu neżerċitaw “l-​għerf li ġej minn fuq” u naġixxu fi qbil mat-​triqat ġusti tiegħu. (Ġakbu 3:​17, 18) L-​aħħar vers tal-​profezija taʼ Hosegħa jgħid: “Kull min hu għaref, jifhem dawn il-​ħwejjeġ; ħa jagħrafhom kull min hu bil-​għaqal, għax il-​Mulej it-​triqat tiegħu dritti, il-​ġusti jimxu fihom, iżda jitfixklu fihom il-​midinbin.”​—Hosegħa 14:10 (14:​9, NW).

24 Minflok ma niġu gwidati mill-​għerf u l-​livelli taʼ din id-​dinja għandna nkunu determinati li nimxu fit-​triqat dritti t’Alla. (Dewteronomju 32:4) Hosegħa għamel dan għal 59 sena jew iktar. Hu fedelment wassal il-​messaġġi divini, waqt li kien jaf li min kien għaref u għaqli kien se jifhem dan il-​kliem. Xi ngħidu għalina? Sakemm Ġeħova jippermettilna nagħtu xiehda, se nkomplu nfittxu lil dawk li b’mod għaqli jaċċettaw il-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu. U hija l-​għaxqa tagħna li nagħmlu dan b’kooperazzjoni sħiħa maʼ “l-​ilsir leali u għaqli.”​—Mattew 24:​45-47.

25. Il-​konsiderazzjoni tagħna tal-​profezija taʼ Hosegħa għandha tgħinna biex nagħmlu liema ħaġa?

25 Il-​konsiderazzjoni tagħna tal-​profezija taʼ Hosegħa għandha tgħinna nkomplu mexjin m’Alla bil-​prospett taʼ ħajja taʼ dejjem fid-​dinja l-​ġdida tiegħu. (2 Pietru 3:​13; Ġuda 20, 21) X’tama meraviljuża! Din it-​tama se ssir realtà għalina personalment jekk inkomplu nuru bil-​kliem u bl-​għemil li nemmnu meta ngħidu: “Il-​Mulej it-​triqat tiegħu dritti.”

Int Kif Twieġeb?

• Jekk inqimu lil Alla b’mod nadif, kif se jittrattana?

• Għala għandna nittamaw f’Ġeħova kontinwament?

• Għala int konvint li t-​triqat taʼ Ġeħova huma dritti?

• Kif nistgħu nkomplu nimxu fit-​triqat dritti taʼ Ġeħova?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 28]

Aċċetta l-​għajnuna spiritwali mingħand l-​anzjani Kristjani

[Stampa f’paġna 29]

Il-​profezija taʼ Hosegħa tagħtina raġuni biex nittamaw fil-​wegħdi taʼ rxoxt taʼ Ġeħova

[Stampi f’paġna 31]

Kompli miexi m’Alla bil-​prospett taʼ ħajja taʼ dejjem