Il-Profezija taʼ Hosegħa Tgħinna Nimxu m’Alla
Il-Profezija taʼ Hosegħa Tgħinna Nimxu m’Alla
“Jimxu wara l-Mulej.”—HOSEGĦA 11:10.
1. Liema dramm simboliku nsibu fil-ktieb taʼ Hosegħa?
TIEĦU int pjaċir bi drammi li jkollhom karattri affaxxinanti u intriċċi interessanti? Fil-ktieb Bibliku taʼ Hosegħa nsibu dramm simboliku. * Dan id-dramm jiddeskrivi l-ġrajjiet tal-familja tal-profeta t’Alla Hosegħa u għandu x’jaqsam mar-relazzjoni figurattiva taż-żwieġ li daħal fiha Ġeħova maʼ Iżrael tal-qedem permezz tal-patt tal-Liġi Mosajka.
2. X’nafu dwar Hosegħa?
2 L-isfond taʼ dan id-dramm jinsab f’Hosegħa kapitlu 1. Milli jidher Hosegħa kien jgħix fit-territorju tas-saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet (imsejjaħ ukoll Efrajm, it-tribù prinċipali tagħha). Hu pprofetizza waqt is-saltna taʼ l-aħħar sebaʼ ħakkiema taʼ Iżrael u taħt is-Slaten Għużżija, Ġotam, Aħaż, u Ħeżekija taʼ Ġuda. (Hosegħa 1:1) Għalhekk, Hosegħa pprofetizza minn taʼ l-inqas għal 59 sena. Għalkemm il-ktieb taʼ Hosegħa tlesta ftit wara s-sena 745 Q.E.K., dan għad għandu sinifikat illum, meta miljuni qed jgħixu bil-mod imbassar fil-kliem: “Jimxu wara l-Mulej.”—Hosegħa 11:10.
Dak li Nitgħallmu minn Ħarsa Fuq Fuq
3, 4. Spjega fil-qosor xi nsibu f’Hosegħa kapitlu 1 sa 5.
3 Ħarsa fuq fuq lejn Hosegħa kapitlu 1 sa 5 se ssaħħaħ id-determinazzjoni tagħna biex nimxu m’Alla billi neżerċitaw fidi u nfittxu li ngħixu fi qbil mar-rieda tiegħu. Għalkemm l-abitanti tas-saltna taʼ Iżrael kienu ħatja t’adulterju spiritwali, Alla kien se jaħfrilhom jekk huma kienu se jindmu. Dan intwera mill-mod kif Hosegħa aġixxa maʼ martu, Gomer. Wara li kellha tifel minn Hosegħa, milli jidher kellha żewġt itfal illeġittimi. Madankollu, Hosegħa ħadha lura, eżatt bħalma Ġeħova kien lest li juri ħniena maʼ l-Iżraelin li nidmu.—Hosegħa 1:1–3:5.
4 Ġeħova kellu każ legali kontra Iżrael għaliex ma kien hemm ebda verità, qalb tajba bl-imħabba, jew għarfien t’Alla fil-pajjiż. Kien se jżomm kont kemm kontra Iżrael idolatruż u kemm kontra s-saltna taʼ Ġuda li kienet diżubbidjenti. Però, meta l-poplu t’Alla kien ‘imnikket,’ hu kien ifittex lil Ġeħova.—Hosegħa 4:1–5:15.
Jiżviluppa d-Dramm
5, 6. (a) Kemm kienet mifruxa ż-żína fis-saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet? (b) It-twissija li ngħatat lil Iżrael għala hija sinifikanti għalina?
5 “Mur,” Alla kkmanda lil Hosegħa, “ħu b’martek mara żienja, ħa jkollok ulied iż-żína, għax l-art żniet billi twarrbu mill-Mulej.” (Hosegħa 1:2) Kemm kienet mifruxa ż-żína f’Iżrael? Insibu miktub dan: “L-ispirtu taż-żína tellifhom it-triq [lill-poplu tas-saltna b’għaxar tribujiet], u żnew u tbiegħdu minn Alla tagħhom. . . . Bnietkom jiżnu, u n-nisa taʼ wliedkom adulteri. . . . L-irġiel stess iwarrbu man-nisa żienja, u joffru s-sagrifiċċju man-nisa tas-santwarji.”—Hosegħa 4:12-14.
6 Iż-żína, kemm spiritwali u kemm fiżika, kienet mifruxa sew f’Iżrael. Għalhekk, Ġeħova talab ‘ħlas’ mill-Iżraelin. (Hosegħa 1:4; 4:8b [4:9, NW]) Din it-twissija għandha sinifikat għalina għax Ġeħova se jitlob kont minn dawk li llum jipprattikaw l-immoralità u jieħdu sehem f’qima mhux nadifa. Imma dawk li jimxu m’Alla jilħqu l-livelli tiegħu għal qima nadifa u huma konxji li “ebda żieni . . . m’għandu wirt fis-saltna tal-Kristu u t’Alla.”—Efesin 5:5; Ġakbu 1:27.
7. X’kien simbolizzat miż-żwieġ taʼ Hosegħa lil Gomer?
7 Meta Hosegħa żżewweġ lil Gomer, milli jidher hi kienet verġni, u kienet mara leali meta “wilditlu tifel.” (Hosegħa 1:3) Bħalma hu muri fid-dramm simboliku, ftit wara li ħeles lill-Iżraelin mill-jasar fl-Eġittu fis-sena 1513 Q.E.K., Alla bl-istess mod għamel patt magħhom li kien bħal kuntratt għal żwieġ nadif. Billi aċċettat il-patt, is-saltna taʼ Iżrael tat wegħda li kienet se tkun leali lejn ‘sidha bħala żewġha,’ Ġeħova. (Isaija 54:5, NW) Iva, dan iż-żwieġ figurattiv taʼ Iżrael m’Alla kien simbolizzat miż-żwieġ nadif bejn Hosegħa u Gomer. Imma kif inbidlu l-affarijiet!
8. Is-saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet kif oriġinat, u x’tistaʼ tgħid dwar il-qima tagħha?
8 Il-mara taʼ Hosegħa “reġgħet tqalet u wildet tifla.” Probabbilment Gomer kellha din it-tifla u iktar tard tifel ieħor minn adulterju. (Hosegħa 1:6, 8) Ladarba Gomer kienet tirrappreżenta lil Iżrael, forsi tistaqsi, ‘Iżrael kif saret prostituta?’ Fis-sena 997 Q.E.K., għaxra mit-tribujiet taʼ Iżrael isseparaw ruħhom mit-tribujiet tan-nofsinhar taʼ Ġuda u Benjamin. Il-qima taʼ l-għoġol daħlet fis-saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet sabiex ma tħallix lin-nies imorru lejn Ġuda biex jagħtu qima lil Ġeħova fit-tempju tiegħu f’Ġerusalemm. Il-qima taʼ l-alla falz Bagħal, li kienet tinkludi tbaħrid sesswali, rabbiet l-għeruq f’Iżrael.
9. Bħalma kien imbassar f’Hosegħa 1:6, xi ġralha s-saltna taʼ Iżrael?
9 Fit-twelid tat-tieni tarbija taʼ Gomer li x’aktarx kienet illeġittima, Alla qal lil Hosegħa: “Semmiha Lo-ruħama [li tfisser “Ma Ntweriet Ebda Ħniena], għaliex m’iniex se nħobb aktar id-dar taʼ Iżrael, m’iniex se naħfrilhom aktar.” (Hosegħa 1:6) Ġeħova ‘ma ħafrilhomx iktar’ meta l-Assirjani ħadu lill-Iżraelin bħala lsiera fis-sena 740 Q.E.K. Però, Alla wera ħniena mas-saltna b’żewġ tribujiet taʼ Ġuda u salvaha, imma mhux permezz tal-qaws, is-sejf, il-lanza, iż-żiemel, jew ir-rikkieba. (Hosegħa 1:7) Fis-sena 732 Q.E.K., f’lejl wieħed, anġlu wieħed qatel 185,000 suldat Assirjan li kienu qed jassedjaw lil Ġerusalemm, il-belt kapitali taʼ Ġuda.—2 Slaten 19:35.
Il-Każ Legali taʼ Ġeħova Kontra Iżrael
10. Il-kondotta adultera taʼ Gomer xi ffigurat?
10 Gomer telqet lil Hosegħa u saret “mara żienja,” u għexet f’adulterju maʼ raġel ieħor. Dan iffigura kif is-saltna taʼ Iżrael daħlet f’alleanzi politiċi maʼ ġnus idolatrużi u bdiet tiddependi minnhom. Minflok ma rringrazzjat lil Ġeħova tal-barkiet materjali tagħha, is-saltna taʼ Iżrael irringrazzjat l-allat taʼ dawn il-ġnus u ħammġet il-patt taż-żwieġ tagħha m’Alla billi involviet ruħha f’qima falza. Mhux taʼ b’xejn li Ġeħova kellu każ legali kontra l-ġens adulteru spiritwalment!—Hosegħa 1:2; 2:4, 14, 15 (2:2, 12, 13, NW).
11. X’sar minnu l-patt tal-Liġi meta Ġeħova ħalla lil Iżrael u lil Ġuda jidħlu fl-eżilju?
11 Is-saltna taʼ Iżrael b’liema kastig kellha tħallas talli telqet lil sidha bħala żewġha? Alla ġagħalha tmur “fid-deżert” taʼ Babilonja, il-ġens li rebaħ lill-Assirja, fejn l-Iżraelin kienu eżiljati fis-sena 740 Q.E.K. (Hosegħa 2:16 [2:14, NW]) Meta Ġeħova mbagħad ġab is-saltna b’għaxar tribujiet fi tmiemha, ma temmx il-patt taż-żwieġ oriġinali tiegħu maʼ Iżrael, il-ġens taʼ 12-il tribù. Fil-fatt, meta Alla ħalla lil Ġerusalemm tinqered mill-Babiloniżi fis-sena 607 Q.E.K., u ħalla lin-nies taʼ Ġuda jsiru lsiera, hu ma warrabx il-patt tal-Liġi Mosajka li bih Iżrael, bħala ġens taʼ 12-il tribù, kien daħal fi żwieġ figurattiv miegħu. Din ir-relazzjoni ġiet imwarrba wara li l-mexxejja Lhud ċaħdu lil Ġesù Kristu u qatluh fis-sena 33 E.K.—Kolossin 2:14.
Ġeħova Jċanfar lil Iżrael
12, 13. X’inhu l-qofol taʼ Hosegħa 2:8-10 (2:6-8, NW), u dan il-kliem kif applika għal Iżrael?
12 Alla wissa lis-saltna taʼ Iżrael biex “twarrab iż-żína tagħha,” imma hi riedet tmur wara dawk li ħabbewha b’passjoni. (Hosegħa 2:4, 7 [2:2, 5, NW]) “Għalhekk,” Ġeħova qal, “nagħlqilha triqitha bix-xewk, nibnilha ħajt madwarha, biex ma ssibx mogħdija. Tmur tiġri wara ħbiebha, u ma tilħaqhomx; tmur tfittixhom u ma ssibhomx. U tgħid: ‘Nerġaʼ lura għand l-ewwel żewġi, għaliex kont aħjar f’dak iż-żmien minn issa.’ Hi ma għarfitx li kont jien li tajtha l-qamħ u l-inbid u ż-żejt, u kattartilha l-fidda u d-deheb li bihom għamlu ’l Bagħal.”—Hosegħa 2:8-10 (2:6-8, NW).
13 Għalkemm is-saltna taʼ Iżrael fittxet l-għajnuna tal-ġnus li kienu “ħbiebha,” ħadd minnhom ma setaʼ jgħinha. Kienet imdawra bħal b’ħajt li ħadd ma setaʼ jwaqqgħu, u għalhekk ma setgħux jgħinuha. Wara assedju taʼ tliet snin mill-Assirja, is-Samarija, il-belt kapitali tagħha, waqgħet fis-sena 740 Q.E.K., u s-saltna b’għaxar tribujiet qatt ma reġgħet ġiet stabbilita. Ftit individwi biss fost l-Iżraelin li kienu fil-jasar kienu se jagħrfu kemm kienet aħjar is-sitwazzjoni meta missirijiethom kienu jaqdu lil Ġeħova. Il-fdal kien se jiċħad il-qima taʼ Bagħal u jfittex li jġedded ir-relazzjoni maʼ Ġeħova.
Ħarsa Oħra Lejn id-Dramm
14. Hosegħa għala reġaʼ kellu relazzjonijiet taʼ bejn il-miżżewġin maʼ Gomer?
14 Biex nifhmu iktar bis-sħiħ il-konnessjoni bejn iż-żwieġ taʼ Hosegħa u r-relazzjoni taʼ Iżrael maʼ Ġeħova, ejja nikkunsidraw dan il-kliem: “U qalli l-Mulej: ‘Erġaʼ mur, u ħobb il-mara, maħbuba minn żewġha, li ħallietu biex tingħaqad maʼ rġiel oħra.’” (Hosegħa 3:1) Hosegħa obda dan il-kmand billi reġaʼ xtara lil Gomer mir-raġel li kienet qed tgħix miegħu. Wara dan, Hosegħa wissa lil martu bis-sod: “Int tibqaʼ miegħ[i] għal żmien twil, ma tiżnix u ma tkunx taʼ xi raġel ieħor.” (Hosegħa 3:2, 3) Gomer wieġbet għad-dixxiplina, u Hosegħa reġaʼ kellu relazzjonijiet magħha bħala miżżewġin. Dan kif applika għal kif Alla ttratta lill-poplu taʼ Iżrael u taʼ Ġuda?
15, 16. (a) F’liema ċirkustanzi setaʼ l-ġens dixxiplinat t’Alla jirċievi l-maħfra tiegħu? (b) Hosegħa 2:20 (2:18, NW) kif twettaq?
15 Filwaqt li l-eżiljati minn Iżrael u Ġuda kienu lsiera f’Babilonja, Alla uża l-profeti tiegħu biex ‘ikellmu lil qalbhom.’ Sabiex tikseb ħniena divina, is-saltna taʼ Iżrael kellha turi ndiema u terġaʼ lura għand sidha bħala żewġha, bħalma Gomer irritornat għand żewġha. Imbagħad Ġeħova kien se joħroġ lill-ġens dixxiplinat bħala martu mid-“deżert,” Babilonja, u jieħdu lura lejn Ġuda u Ġerusalemm. (Hosegħa 2:16, 17 [2:14, 15, NW]) Hu wettaq din il-wegħda fis-sena 537 Q.E.K.
16 Alla wettaq ukoll din il-wegħda: “U f’dak il-jum nagħmel patt għalihom mal-bhejjem tar-rabaʼ u mat-tjur taʼ l-ajru, maʼ l-annimali li jitkaxkru maʼ l-art, u nkisser minn fuq l-art il-qaws, ix-xabla u l-gwerra; kulħadd jorqod moħħu mistrieħ.” (Hosegħa 2:20 [2:18, NW]) Il-fdal Lhudi li rritorna f’pajjiżu għex f’sigurtà, mingħajr biżaʼ mill-annimali. Din il-profezija kellha twettiq ukoll fl-1919 E.K., meta l-membri tal-fdal taʼ Iżrael spiritwali nħelsu minn “Babilonja l-Kbira,” l-imperu dinji tar-reliġjon falza. Issa jgħixu f’sigurtà u jgawdu ħajja f’ġenna spiritwali maʼ sħabhom, li t-tama tagħhom hi li jgħixu għal dejjem fuq l-art. It-tendenzi annimalistiċi ma jeżistux f’dawn il-Kristjani veri.—Rivelazzjoni 14:8; Isaija 11:6-9; Galatin 6:16.
Ħu Dan it-Tagħlim bis-Serjetà
17-19. (a) Liema kwalitajiet t’Alla niġu mħeġġin nimitaw hawnhekk? (b) Kif għandna niġu effettwati mill-ħniena u l-mogħdrija taʼ Ġeħova?
17 Alla juri ħniena u mogħdrija, u aħna għandna nuruhom ukoll. Din hija lezzjoni waħda li nitgħallmu mill-ewwel ftit kapitli taʼ Hosegħa. (Hosegħa 1:6, 7; 2:25 [2:23, NW]) Il-fatt li Alla kien lest jestendi l-ħniena lill-Iżraelin li nidmu, hu fi qbil mal-proverbju ispirat: “Min jaħbi ħtijietu ma jiksibx ġid, imma min jistqarrhom u jaqtagħhom jaqlaʼ l-ħniena.” (Proverbji 28:13) Il-kliem tas-salmista wkoll huwa taʼ faraġ għal dawk li kkommettew xi ħażen imma nidmu: “Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma; qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.”—Salm 51:19 (51:17, NW).
18 Il-profezija taʼ Hosegħa tenfasizza lmogħdrija u l-ħniena taʼ l-Alla li aħna nqimu. Anki jekk xi wħud jiżvijaw mill-modi ġusti tiegħu, jistgħu jindmu u jerġgħu jduru lejn Alla. Jekk jagħmlu hekk, Ġeħova jilqagħhom lura mill-qalb. Hu wera ħniena maʼ membri niedma tal-ġens taʼ Iżrael, li magħhom kien daħal fi żwieġ figurattiv. Għalkemm kienu diżubbidjenti lejn Ġeħova u kkaġunaw uġigħ lill-‘Qaddis taʼ Iżrael, hu kien iħenn u jaħfrilhom u kien jiftakar li bnedmin huma.’ (Salm 78:38-41) Ħniena bħal din għandha tqanqalna biex nibqgħu mexjin maʼ l-Alla tagħna Ġeħova li juri tant mogħdrija.
19 Avolja dnubiet bħal qtil, serq, u adulterju kienu komuni f’Iżrael, Ġeħova ‘kellem lil qalbha.’ (Hosegħa 2:16 [2:14, NW]; 4:2) Qalbna għandha titqanqal u r-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova tissaħħaħ hekk kif nirriflettu fuq il-ħniena u l-mogħdrija tiegħu. Għalhekk, ejja nistaqsu lilna nfusna: ‘Kif nistaʼ nimita aħjar il-ħniena u l-mogħdrija taʼ Ġeħova meta nittratta m’oħrajn? Jekk sieħbi fit-twemmin li naqasni jitlobni naħfirlu, lest jien li naħfer bħalma hu lest li jagħmel Alla?’—Salm 86:5.
20. Agħti eżempju li juri li għandna nafdaw fit-tama li jagħtina Alla.
20 Alla jagħti tama vera. Per eżempju, hu wiegħed: “Nagħtiha . . . wied Għakor ikunilha bieb għat-tama.” (Hosegħa 2:17 [2:15, NW]) L-organizzazzjoni tal-qedem li għal Ġeħova kienet bħala martu kellha t-tama ċerta li tirritorna f’art twelidha, fejn kien hemm “wied Għakor.” Il-fatt li din il-wegħda twettqet fis-sena 537 Q.E.K., jagħtina raġuni tajba biex nifirħu bit-tama ċerta li Ġeħova poġġa quddiemna.
21. Liema rwol għandu l-għarfien fil-mixi tagħna m’Alla?
21 Sabiex inkomplu nimxu m’Alla, hemm bżonn li nkomplu nieħdu għarfien dwaru u napplikawh f’ħajjitna. L-għarfien taʼ Ġeħova kien nieqes ħafna f’Iżrael. (Hosegħa 4:1, 6) Però, xi wħud kienu jqisu t-tagħlim divin bħala taʼ valur kbir, u għalhekk aġixxew fi qbil miegħu, u tbierku bil-kbir. Hosegħa kien wieħed minnhom. Kien hemm ukoll is-7,000 ruħ fi żmien Elija li ma niżlux għarkopptejhom quddiem Bagħal. (1 Slaten 19:18; Rumani 11:1-4) Il-gratitudni tagħna għall-istruzzjoni taʼ Ġeħova se tgħinna nibqgħu nimxu m’Alla.—Salm 119:66; Isaija 30:20, 21.
22. Kif għandha titqies l-apostasija?
22 Ġeħova jistenna li l-irġiel li jieħdu t-tmexxija fost niesu jiċħdu l-apostasija. Madankollu, Hosegħa 5:1 jgħid: “Isimgħu dan, qassisin, agħtu widen, dar Iżrael; u ismaʼ, dar is-sultan, għalikom hemm il-ħaqq. Intom sirtu nasba f’Misfa, u xibka mifruxa fuq it-Tabor.” Il-mexxejja apostati kienu nasba u xibka għall-Iżraelin, billi ħeġġewhom jipprattikaw l-idolatrija. Il-Muntanja Tabor u l-post jismu Misfa x’aktarx li kienu ċentri għal din il-qima falza.
23. Int kif ibbenefikajt mill-istudju taʼ Hosegħa kapitlu 1 sa 5?
23 Sa issa, il-profezija taʼ Hosegħa wrietna li Ġeħova hu Alla li juri l-ħniena u li jagħti tama u jbierek lil dawk li japplikaw l-istruzzjoni tiegħu u jiċħdu l-apostasija. Bħall-Iżraelin niedma tal-passat, ejja nfittxu lil Ġeħova u dejjem nistinkaw biex nogħġbuh. (Hosegħa 5:15) Billi nagħmlu dan, se naħsdu dak li hu tajjeb u jkollna l-ferħ u l-paċi li ma jitqabblu maʼ xejn u li esperjenzaw dawk kollha li mxew lealment m’Alla.—Salm 100:2; Filippin 4:6, 7.
[Nota taʼ taħt]
^ F’Galatin 4:21-26 insibu preżentat dramm simboliku. Rigward dan, ara t-2 Volum, paġni 693-4, tal-ktieb Insight on the Scriptures, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
Int Kif Twieġeb?
• Iż-żwieġ taʼ Hosegħa lil Gomer xi ssimbolizza?
• Ġeħova għala kellu każ legali kontra Iżrael?
• Liema lezzjoni f’Hosegħa kapitlu 1 sa 5 impressjonatek?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 18]
Taf lil min tirrappreżenta l- mara taʼ Hosegħa?
[Stampa f’paġna 19]
L-abitanti tas-Samarija ġew konkwistati mill-Assirjani fis-sena 740 Q.E.K.
[Stampa f’paġna 20]
Nies ferħanin irritornaw f’art twelidhom