Imxi m’Alla, u Aħsad it-Tajjeb
Imxi m’Alla, u Aħsad it-Tajjeb
“Huma jiżirgħu r-riħ, għad jaħsdu r-riefnu.” —HOSEGĦA 8:7.
1. Kif nistgħu nimxu maʼ Ġeħova?
VJAĠĠ f’reġjun perikoluż ikun inqas taʼ periklu jekk miegħek ikollok gwida taʼ l-esperjenza li turik mnejn għandek tgħaddi. Ikun għaqli li nimxu maʼ gwida bħal din minflok ma nitilqu għal rasna. F’ċerti affarijiet, dan jixbah is-sitwazzjoni li ninsabu fiha. B’mod figurattiv, Ġeħova offra li jiggwidana mid-deżert vast tad-dinja mill-agħar preżenti. Inkunu għaqlin jekk nimxu miegħu minflok ma nipprovaw immexxu l-passi tagħna stess. Kif nistgħu nimxu m’Alla? Billi nsegwu l-gwida li jipprovdi fil-Kelma tiegħu.
2. X’se jiġi diskuss f’dan l-artiklu?
2 L-artiklu taʼ qabel ikkunsidra d-dramm simboliku li jinsab f’Hosegħa kapitlu 1 sa 5. Bħalma rajna, dan id-dramm fih lezzjonijiet li jistgħu jgħinuna nimxu m’Alla. Issa ejja niddiskutu xi punti prinċipali minn kapitlu 6 sa 9. Ikun tajjeb li nibdew billi nagħtu daqqa t’għajn malajr lejn dawn l-erbaʼ kapitli.
Daqqa t’Għajn Malajr
3. Semmi fil-qosor dak li hemm f’Hosegħa kapitlu 6 sa 9.
3 Ġeħova bagħat lil Hosegħa biex jipprofetizza primarjament lis-saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet fit-tramuntana. Dan il-ġens, magħruf ukoll bħala Efrajm, li hu l-isem tat-tribù prinċipali tiegħu, kien tbiegħed minn Alla. Hosegħa kapitlu 6 sa 9 juru li n-nies urew nuqqas taʼ lealtà billi kisru l-patt taʼ Ġeħova u pprattikaw il-ħażen. (Hosegħa 6:7) Huma fdaw f’alleanzi dinjin minflok ma reġgħu lura għand Ġeħova. Minħabba li komplew jiżirgħu l-ħażin, kellhom jaħsdu l-ħażin. Fi kliem ieħor, il-ġudizzju kien wara l-għatba! Madankollu, il-profezija taʼ Hosegħa kien fiha wkoll messaġġ li jqawwi l-qalb. Lin-nies aċċertahom li setgħu jduru lura lejn Ġeħova u jekk kienu se juru ndiema mill-qalb kienu se jintwerew ħniena.
4. Liema lezzjonijiet prattiċi mill-profezija taʼ Hosegħa se nikkunsidraw?
4 Minn dawn l-erbaʼ kapitli tal-profezija taʼ Hosegħa, nistgħu nisiltu iktar gwida li se tgħinna nimxu m’Alla. Ejja nikkunsidraw erbaʼ lezzjonijiet prattiċi: (1) L-indiema vera tintwera bl-azzjonijiet, mhux bil-kliem biss; (2) is-sagrifiċċji waħedhom ma jogħġbux lil Alla; (3) Ġeħova jħossu mweġġaʼ meta l-aduraturi tiegħu jitilquh; u (4) biex naħsdu t-tajjeb irridu niżirgħu t-tajjeb.
Kif Tintwera l-Indiema Vera
5. X’inhuma l-aspetti sinifikanti taʼ dak li hemm miktub f’Hosegħa 6:1-3?
5 Il-profezija taʼ Hosegħa tgħallimna ħafna dwar l-indiema u l-ħniena. F’Hosegħa 6:1-3 naqraw: “Imxi, ħa nerġgħu lura għand il-Mulej, għax huwa tertaqna, imma se jdewwina, hu sawwat, imma se jinfaxxalna l-ġrieħi. Wara jumejn jerġaʼ jagħtina l-ħajja, mbagħad fit-tielet jum jerġaʼ jqajjimna, sabiex quddiemu ngħixu. Nagħrfu l-Mulej, u nfittxu nagħrfuh iżjed, daqs kemm hu żgur is-sebħ, hekk il-ħruġ tiegħu; hu jiġi bħalma tiġi x-xita fuqna, bħax-xita mwaħħra illi ssaqqi l-art.”
6-8. X’kien hemm ħażin fl-indiema taʼ Iżrael?
6 Min qal il-kliem imniżżel f’dawn il-versi? Xi wħud jgħidu li dan qaluh l-Iżraelin żleali u li n-nies diżubbidjenti kienu qed jippretendu li huma nedmin u jieħdu vantaġġ mill-ħniena t’Alla. Madankollu, oħrajn jgħidu li l-profeta Hosegħa kien qed ikellem u jitlob bil-ħrara lin-nies ħalli jduru lura lejn Ġeħova. Qalu min qalu dan il-kliem, il-mistoqsija fundamentali hi, Veru li n-nies tas-saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet in ġenerali daru lura lejn Ġeħova u wrew indiema ġenwina? It-tweġiba hi le. Permezz taʼ Hosegħa, Ġeħova jgħid: “U x’naqbad nagħmel jien bik, Efrajm? X’se naqbad nagħmel bik, Ġuda? It-tjieba tagħkom qisha s-sħab taʼ l-għodwa, tixbah lin-nida li tinxtorob kmieni.” (Hosegħa 6:4) Kemm juri ċar dan il-kliem il-qagħda spiritwali batuta li kien jinsab fiha l-poplu t’Alla! It-tjieba, jew skond in-New World Translation, il-qalb tajba bl-imħabba jew l-imħabba leali, kienet kważi għabet—bħas-sħab tan-nida taʼ fil-għodu li jgħib malajr maʼ tlugħ ix-xemx. Għalkemm milli jidher in-nies għamlu taʼ bir-ruħhom li huma nedmin, Ġeħova ma sab l-ebda bażi biex iħenn għalihom. X’kienet il-problema?
7 L-Iżraelin ma kinux verament nedmin minn qalbhom. Hosegħa 7:14 jgħid hekk dwar il-fatt li Ġeħova ma kienx qed jieħu pjaċir bil-poplu tiegħu: “Qatt ma sejjħuli minn qalbhom, meta joqogħdu jnewwħu fuq friexhom.” Vers 16 iżid: “U jduru lejn ix-xejn”—jiġifieri, bħalma jindika l-kliem oriġinali, “ma jdurux lejn forma superjuri taʼ qima.” In-nies ma kinux lesti li jduru lura lejn il-qima superjuri taʼ Ġeħova billi jagħmlu l-bidliet neċessarji biex jirranġaw ir-relazzjoni tagħhom miegħu. Tabilħaqq, mhux veru riedu jimxu m’Alla.
8 Kien hemm problema oħra fl-indiema taʼ Iżrael. In-nies kienu għadhom qed jidinbu—fil-fatt, kienu qed jagħmlu diversi dnubiet—fosthom frodi, qtil, serq, idolatrija, u kienu qed jifformaw alleanzi fiergħa maʼ ġnus oħra. F’Hosegħa 7:4, in-nies huma mxebbhin maʼ “forn,” bħal tal-furnar, milli jidher minħabba x-xewqat ħżiena li kienu mkebbsin fihom. Kien jixirqilhom ħniena meta nqisu l-qagħda spiritwali tagħhom tant ħażina? Lanqas xejn! Hosegħa jgħid lin-nies ribellużi li Ġeħova se “jiftakar fi ħżunithom” u “jikkastiga ħtijiethom.” (Hosegħa 9:9) Ma kienu se jintwerew ebda ħniena!
9. Il-kliem taʼ Hosegħa x’jgħallimna dwar l-indiema u l-ħniena?
9 Minn kliem Hosegħa, x’nitgħallmu dwar l-indiema u l-ħniena? L-eżempju taʼ twissija taʼ l-Iżraelin bla fidi jgħallimna li biex nibbenefikaw mill-ħniena taʼ Ġeħova, irridu nuru l-indiema mill-qalb. Kif nuruha ndiema bħal din? Ġeħova ma jiġix imqarraq minn dmugħ jew sempliċi kliem. L-indiema ġenwina tintwera bl-azzjonijiet. Biex jintwera ħniena, wieħed li jkun għamel il-ħażin irid jitlaq għalkollox l-għemejjel midinba tiegħu u jġib ħajtu fi qbil mal-livelli għoljin tal-qima superjuri taʼ Ġeħova.
Sagrifiċċji Waħedhom Ma Jogħġbux lil Ġeħova
10, 11. Bħalma naraw fil-każ taʼ Iżrael, Ġeħova għala ma jogħġbuhx is-sagrifiċċji waħedhom?
10 Issa ejja niddiskutu t-tieni tagħlima li tistaʼ tgħinna nimxu maʼ Ġeħova. Hija din: Is-sagrifiċċji waħedhom ma jogħġbux lil Alla. Hosegħa 6:6 jgħid: “Jiena [Ġeħova] tjieba [“qalb tajba bl-imħabba,” NW] rrid, mhux sagrifiċċju; li tagħrfu ’l Alla rrid, u mhux vittmi maħruqa.” Innota li Ġeħova jieħu pjaċir bil-qalb tajba bl-imħabba—jew l-imħabba leali, kwalità li ġejja mill-qalb—u bl-għarfien dwaru. Imma forsi qed taħseb: ‘Il-vers għala qed jgħid li Ġeħova ma jiħux pjaċir bis-“sagrifiċċju” u bil-“vittmi maħruqa”? Ma kinux dawn ħtieġa fil-Liġi Mosajka?’
11 Iva, is-sagrifiċċji u l-offerti kienu meħtiġin fil-Liġi, però n-nies taʼ żmien Hosegħa kellhom problema serja. Milli jidher, kien hemm Iżraelin li għamlu dawn l-offerti bi dmir biex minn barra jidhru devoti. Madankollu, fl-istess ħin, in-nies baqgħu fid-dnub. Billi komplew jidinbu wrew li ma kellhomx imħabba leali f’qalbhom. Huma wrew ukoll li kienu ċaħdu l-għarfien dwar Alla, għax żgur li ma kinux qed jgħixu fi qbil maʼ dan. Ladarba qalb in-nies ma kinitx f’kundizzjoni tajba u ma kinux qed jgħixu kif suppost, x’valur kellhom is-sagrifiċċji tagħhom? Is-sagrifiċċji tagħhom kienu offensivi għal Alla Ġeħova.
12. Hosegħa 6:6 fih liema twissija għan-nies illum?
12 Kliem Hosegħa fih twissija għal ħafna minn dawk li jmorru fil-knejjes illum. Dawn jagħmlu offerti lil Alla permezz taʼ prattiċi reliġjużi. Madankollu, il-qima tagħhom ftit li xejn teffettwa l-imġiba tagħhom taʼ kuljum, jekk teffettwaha. Qegħdin dawn in-nies verament jogħġbu lil Alla, jekk qalbhom ma tqanqalhomx jieħdu għarfien eżatt dwaru u japplikaw dak l-għarfien billi jevitaw prattiki midinbin? Ħalli ħadd ma jimmaġina li l-għemejjel reliġjużi waħedhom huma biżżejjed biex jogħġbu lil Alla. Ġeħova ma jiħux pjaċir b’nies li jipprovaw jiksbu l-approvazzjoni tiegħu billi jagħtu biss qima formali minflok ma jgħixu verament fi qbil mal-Kelma tiegħu.—2 Timotju 3:5.
13. Liema tip taʼ sagrifiċċji noffru aħna, imma x’għandna nżommu f’moħħna dwar il-valur tagħhom?
13 Bħala Kristjani veri, aħna wkoll irridu niftakru li s-sagrifiċċji waħedhom ma jogħġbux lil Alla. Veru, aħna ma noffrux sagrifiċċji t’annimali lil Ġeħova. Madankollu, aħna “noffru dejjem sagrifiċċju taʼ tifħir lil Alla, jiġifieri, il-frott tax-xofftejn li jistqarru ismu pubblikament.” (Ebrej 13:15) Huwa vitali li ma naqgħux fl-istess nassa li waqgħu fiha l-Iżraelin midinbin taʼ żmien Hosegħa u naħsbu li nistgħu npattu għall-ħażen billi noffru sagrifiċċji spiritwali bħal dawn lil Alla. Ikkunsidra l-eżempju taʼ waħda żagħżugħa li kienet qed tieħu sehem fl-immoralità sesswali bil-moħbi. Iktar tard ammettiet: “Żidt il-ministeru tiegħi taʼ l-għalqa għax ħsibt li b’xi mod dan kien se jgħatti l-ħażen tiegħi.” Dan kien simili għal dak li pprovaw jagħmlu l-Iżraelin diżubbidjenti. Madankollu, is-sagrifiċċju tagħna taʼ tifħir hu aċċettat minn Ġeħova biss jekk il-motiv taʼ qalbna jkun xieraq u l-imġiba tagħna togħġob lilu.
Ġeħova Jħossu Mweġġaʼ Meta l-Aduraturi Tiegħu Jitilquh
14. Il-profezija taʼ Hosegħa x’tikxef dwar is-sentimenti t’Alla?
14 It-tielet lezzjoni li nitgħallmu minn Hosegħa kapitlu 6 sa 9 hija rigward kif iħossu Ġeħova meta l-aduraturi tiegħu jitilquh. Alla għandu sentimenti kemm qawwija u kemm teneri. Hu għandu sentimenti teneri taʼ ferħ u mogħdrija lejn dawk li jindmu minn dnubiethom. Però, meta l-poplu tiegħu ma jindimx, hu jieħu azzjoni soda u deċiżiva. Peress li Alla jimpurtah ħafna minna, hu jifraħ meta nimxu miegħu bil-fedeltà. Salm 149:4 jgħid: “Il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu.” Imma Alla kif iħossu meta l-qaddejja tiegħu juru nuqqas taʼ fedeltà?
15. Skond Hosegħa 6:7, xi Iżraelin kif kienu qed jaġixxu?
15 Meta jirreferi għall-Iżraelin żleali, Ġeħova jgħid: “Huma bħal Adam kisru l-patt, u ma baqgħux fidili lejja.” (Hosegħa 6:7) Il-kelma Ebrajka tradotta “ma baqgħux fidili” tfisser ukoll “qarrqu.” F’Malakija 2:10-16, tintuża l-istess kelma biex tiddeskrivi l-imġiba żleali taʼ dawk l-Iżraelin li ma kinux fidili lejn il-parti l-oħra fiż-żwieġ. Rigward l-użu taʼ din il-kelma f’Hosegħa 6:7, xogħol wieħed taʼ referenza jgħid li din hi “metafora dwar iż-żwieġ, waħda li ddaħħal kwalitajiet persunali fir-relazzjoni . . . Is-sitwazzjoni hija waħda persunali li fiha l-imħabba ġiet diżonorata.”
16, 17. Iżrael kif aġixxa rigward il-patt li Alla għamel miegħu? (b) X’għandna niftakru rigward l-azzjonijiet tagħna?
16 B’mod figurattiv, Ġeħova tkellem dwar Iżrael bħala martu minħabba l-patt li għamel mal-ġens. Allura meta l-poplu tiegħu injora l-kundizzjonijiet tal-patt, kien bħallikieku qed jagħmel adulterju. Alla kien bħal raġel miżżewweġ leali, imma l-poplu tiegħu telqu!
17 Xi ngħidu dwarna? Alla jimpurtah jekk aħna nimxux miegħu jew le. Nagħmlu tajjeb li niftakru li “Alla hu mħabba” u li l-azzjonijiet tagħna jeffettwawh. (1 Ġwanni 4:16) Jekk insegwu triq ħażina se nweġġgħu lil Ġeħova u żgur mhux se nogħġbuh. Jekk nibqgħu niftakru dan se jkollna tfakkira qawwija biex ma nċedux għat-tentazzjoni.
Kif Nistgħu Naħsdu t-Tajjeb
18, 19. Liema prinċipju nsibu f’Hosegħa 8:7, u dan il-prinċipju kif seħħ fil-każ taʼ l-Iżraelin?
18 Issa ejja nikkunsidraw ir-rabaʼ lezzjoni mill-profezija taʼ Hosegħa—kif nistgħu naħsdu t-tajjeb. Rigward l-Iżraelin u l-bluha u l-frugħa taʼ l-imġiba tagħhom bla fidi, Hosegħa jikteb: “Ladarba huma jiżirgħu r-riħ, għad jaħsdu r-riefnu.” (Hosegħa 8:7) Hawnhekk insibu prinċipju li tajjeb inżommuh f’moħħna: Dak li nagħmlu issa hu konness direttament maʼ dak li jiġrilna iktar ’il quddiem. Dan il-prinċipju kif kien minnu fil-każ taʼ l-Iżraelin żleali?
19 Billi baqgħu jidinbu, dawk l-Iżraelin kienu qed jiżirgħu l-ħażin. Kien se jirnexxilhom ikomplu jagħmlu hekk mingħajr ma jbatu l-konsegwenzi? Żgur li ma kinux se jaħarbu ġudizzju aħrax. Hosegħa 8:13 jgħid: “[Ġeħova] għad jiftakar fi ħżunithom u ħtijiethom jikkastigahom.” U f’Hosegħa 9:17, naqraw: “Ikeċċihom Alla tiegħi, għax ma semgħux minnu, u jkunu jiġġerrew fost il-ġnus.” Ġeħova kien se jitlob kont mingħand l-Iżraelin għal dnubiethom. Peress li żergħu l-ħażin kienu se jaħsdu l-ħażin. Il-ġudizzju t’Alla kontrihom ġie fis-sena 740 Q.E.K. meta l-Assirjani għelbu s-saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet u ħadu lin-nies tagħha fil-jasar.
20. X’tgħallimna l-esperjenza taʼ l-Iżraelin?
20 Dak li ġralhom dawk l-Iżraelin jgħallimna verità li ma nistgħux naħarbu minnha: Dak li niżirgħu naħsdu. Il-Kelma t’Alla twissina: “Titqarrqux; Alla ma jidħaq bih ħadd. Dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad.” (Galatin 6:7) Jekk niżirgħu l-ħażin, se naħsdu l-ħażin. Per eżempju, dawk li jgħixu ħajja immorali se jaħsdu konsegwenzi taʼ niket. Se jkun hemm tmiem taʼ niket għal wieħed li jipprattika l-ħażen u ma jindimx.
21. Kif nistgħu naħsdu dak li hu tajjeb?
21 Mela kif nistgħu naħsdu t-tajjeb? Nistgħu nwieġbu din il-mistoqsija b’tixbiha sempliċi. Jekk bidwi jrid jaħsad il-bettieħ, xi jrid iħawwel? Id-dulliegħ? Dażgur li le! Irid jiżraʼ dak li jixtieq jaħsad. Bl-istess mod, jekk irridu naħsdu t-tajjeb, mela rridu niżirgħu t-tajjeb. Tixtieq tkompli taħsad it-tajjeb—ħajja hienja u sodisfaċenti issa bil-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem fid-dinja l-ġdida t’Alla? Jekk iva, mela trid tkompli tiżraʼ t-tajjeb billi timxi m’Alla u tgħix fi qbil mal-livelli ġusti tiegħu.
22. X’lezzjonijiet tgħallimna minn Hosegħa kapitlu 6 sa 9?
22 Minn kapitlu 6 sa 9 taʼ Hosegħa, ħadna erbaʼ lezzjonijiet li jistgħu jgħinuna nimxu m’Alla: (1) L-indiema vera tintwera bl-azzjonijiet; (2) is-sagrifiċċji waħedhom ma jogħġbux lil Alla; (3) Ġeħova jħossu mweġġaʼ meta l-aduraturi tiegħu jitilquh; u (4) biex naħsdu t-tajjeb, irridu niżirgħu t-tajjeb. Kif jistgħu l-aħħar ħames kapitli taʼ dan il-ktieb Bibliku jgħinuna nimxu m’Alla?
Int Kif Twieġeb?
• Kif tintwera l-indiema ġenwina?
• Is-sagrifiċċji waħedhom għala ma jogħġbux lil Missierna tas-sema?
• Alla kif iħossu meta l-qaddejja tiegħu jitilquh?
• X’għandna niżirgħu jekk irridu naħsdu dak li hu tajjeb?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 23]
L-imħabba leali taʼ Iżrael sparixxiet bħas-sħab tan-nida taʼ fil-għodu
[Stampa f’paġna 23]
Ix-xewqat ħżiena taʼ Iżrael kienu mkebbsin bħal forn
[Stampa f’paġna 24]
Ġeħova għala m’aċċettax is-sagrifiċċji tal-poplu tiegħu?
[Stampa f’paġna 25]
Jekk irridu naħsdu t-tajjeb, irridu niżirgħu t-tajjeb