Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Is-Sengħa taʼ li Tismaʼ bi Mħabba

Is-Sengħa taʼ li Tismaʼ bi Mħabba

Is-​Sengħa taʼ li Tismaʼ bi Mħabba

“GRAZZI talli qgħadt tismagħni.” Kien hemm xi ħadd li qallek hekk reċentement? X’kumpliment dak! Semmiegħ tajjeb huwa apprezzat kważi minn kulħadd. Jekk aħna nisimgħu b’attenzjoni, nistgħu nserrħu lil min hu mdejjaq jew mgħobbi bil-​problemi. U ma jgħinniex il-​fatt li nkunu semmiegħa tajba biex ngħożżu lil dak li jkun? Fil-​kongregazzjoni Kristjana, il-​fatt li nisimgħu bi mħabba huwa parti essenzjali milli “nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-​imħabba u l-​għemejjel tajbin.”​—Ebrej 10:24.

Madankollu, ħafna nies ma jafux ikunu semmiegħa tajba. Huma jħobbu jagħtu pariri, jirrakkontaw l-​esperjenzi tagħhom, jew jagħtu l-​opinjoni tagħhom minflok ma jagħtu widen għal dak li l-​oħrajn għandhom x’jgħidu. Il-​fatt li wieħed joqgħod jismaʼ huwa verament sengħa. Kif nistgħu aħna nitgħallmu nisimgħu bi mħabba?

Fattur Vitali

Ġeħova huwa l-​“Imgħallem” tagħna. (Isaija 30:20) Hu jistaʼ jgħallimna ħafna dwar kif għandna nisimgħu. Ikkunsidra kif Ġeħova għen lill-​profeta Elija. Minħabba li kien imbeżżaʼ mit-​theddid tar-​Reġina Ġeżabel, Elija ħarab lejn id-​deżert u xtaq imut. Hemmhekk kellmu l-​anġlu t’Alla. Hekk kif il-​profeta kien qed jitkellem dwar il-​biżaʼ tiegħu, Ġeħova qagħad jisimgħu, u mbagħad wera l-​qawwa kbira Tiegħu. X’kien ir-​riżultat? Elija ma baqax jibżaʼ u mar lura fuq xogħlu. (1 Slaten 19:​2-15) Ġeħova għala jieħu l-​ħin biex jismaʼ dwar l-​affarijiet li jinkwetaw lill-​qaddejja tiegħu? Għaliex hu jimpurtah minnhom. (1 Pietru 5:7) Fattur importanti biex jgħinek issir semmiegħ tajjeb hu: Ħu ħsieb oħrajn, u uri interess ġenwin fihom.

Meta raġel fil-​Bolivja kkommetta dnub serju, hu apprezza li sieħbu taʼ l-​istess twemmin ħa ħsiebu b’dan il-​mod. Ir-​raġel jispjega: “Dak iż-​żmien kont fl-​iktar żmien miżerabbli taʼ ħajti. Stajt faċilment naqtaʼ qalbi milli nkompli naqdi lil Ġeħova li kieku ma kienx għal ħu li ħa l-​ħin biex jismagħni. Hu ma tkellimx ħafna, imma l-​fatt li kont naf li kien lest biex jismagħni saħħaħni verament. Ma kellix bżonnu biex jagħtini xi soluzzjoni; kont naf x’għandi nagħmel. Sempliċement ridt inkun naf li kien hemm xi ħadd li jimpurtah dwar kif kont qed inħossni. Il-​fatt li qagħad jismagħni għenni biex ma niddisprax.”

Eżempju eċċellenti taʼ xi ħadd li hu tassew kapaċi jismaʼ bl-​imħabba huwa Ġesù Kristu. Ftit wara l-​mewt taʼ Ġesù, tnejn mid-​dixxipli tiegħu kienu qed jivvjaġġaw minn Ġerusalemm lejn raħal li kien xi 11-il kilometru ’l bogħod. Bla dubju huma kienu skuraġġiti. Għalhekk, Ġesù Kristu li kien ġie rxoxtat beda jimxi magħhom. Hu staqsiehom mistoqsijiet bit-​tattika biex jara x’kien qed jinkwetahom, u d-​dixxipli wieġbu. Huma esprimew it-​tamiet li kellhom u d-​diżappunt u l-​konfużjoni li issa kienu qed iħossu. Ġesù kien jimpurtah minnhom, u l-​fatt li qagħad jismagħhom bi mħabba pprepara liż-​żewġ dixxipli biex jisimgħuh. Imbagħad Ġesù “[fissrilhom] dak li kien hemm miktub fuqu fl-​Iskrittura kollha.”​—Luqa 24:​13-27.

Meta l-​ewwel nisimgħu aħna, bi mħabba nkunu qed niftħu t-​triq biex ħaddieħor jismaʼ lilna. “Il-​ġenituri u l-​kunjati tiegħi bdew joġġezzjonaw għall-​mod kif kont qed irrabbi lil uliedi,” tgħid mara mill-​Bolivja. “Għalkemm kont niddejjaq bil-​kummenti tagħhom, imma kont inħossni inċerta minni nnifsi bħala ġenitur. F’dak iż-​żmien, żaritni waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Hi kellmitni dwar il-​wegħdi t’Alla. Madankollu, kien bil-​mod kif staqsiet għall-​opinjoni tiegħi li tatni x’nifhem li kienet lesta biex tismagħni. Stidintha tidħol ġewwa u ma domtx ma bdejt nispjegalha l-​problema tiegħi. Hi qagħdet tismagħni bil-​paċenzja. Staqsietni dwar xi xtaqt għal uliedi u kif kien iħossu żewġi dwar dan. Kien taʼ serħan għalija li kont qed nitkellem maʼ xi ħadd li kien lest jipprova jifhimni. Meta bdiet turini x’tgħid il-​Bibbja dwar il-​ħajja tal-​familja, kont naf li qed nitkellem maʼ xi ħadd li jimpurtah mis-​sitwazzjoni tiegħi.”

“L-​imħabba . . . ma tfittixx l-​interessi tagħha,” tgħid il-​Bibbja. (1 Korintin 13:​4, 5) Mela, biex nisimgħu bi mħabba jeħtieġ li nwarrbu l-​interessi tagħna fil-​ġenb. Dan għandu mnejn jirrikjedi li nitfu t-​televixin, inneħħu l-​gazzetta minn idejna, jew nitfu t-​telefon ċellulari, meta oħrajn ikunu qed jitkellmu magħna fuq xi kwistjoni serja. Il-​fatt li nisimgħu bi mħabba jfisser li nsiru interessati ferm fil-​ħsibijiet tal-​persuna l-​oħra. Dan jirrikjedi li noqogħdu lura milli nibdew nitkellmu fuqna nfusna billi ngħidu xi ħaġa bħal, “Dan qed ifakkarni dwar dak li ġrali ftit taż-​żmien ilu.” Filwaqt li kliem bħal dan jistaʼ jsir f’diskussjoni normali bejn il-​ħbieb, aħna għandna nwarrbu fil-​ġenb l-​interessi persunali tagħna meta xi ħadd ikun qed jitkellem dwar problema serja. Interess ġenwin f’oħrajn jistaʼ madankollu jintwera b’mod ieħor.

Ismaʼ biex Tifhem is-​Sentimenti

Il-​ħbieb tar-​raġel Ġob semgħu minn taʼ l-​inqas għaxra mid-​diskorsi tiegħu. Xorta waħda Ġob esklama: “M’hux li kien jismaʼ xi ħadd il-​kawża tiegħi!” (Ġob 31:35) Għala? Għaliex is-​semmiegħa tiegħu ma tawh l-​ebda faraġ. Huma la kienu jimpurtahom minn Ġob u lanqas ma riedu jifhmu s-​sentimenti tiegħu. Ċertament li ma wrewx li jħossu għalih bħalma juru semmiegħa li jkunu simpatetiċi. Imma l-​appostlu Pawlu jagħti l-​parir: “Intom ilkoll kunu fehma waħda, billi tħossu għal xulxin, turu affezzjoni lejn l-​aħwa, tagħdru b’tenerezza, tkunu umli.” (1 Pietru 3:8) Kif nistgħu nħossu għal xulxin? Mod wieħed huwa billi nkunu konċernati dwar is-​sentimenti tal-​persuna l-​oħra u nipprovaw nifhmuha. Il-​kummenti simpatetiċi tagħna bħal “nistaʼ nimmaġina kemm ħassejtek skurmentat” jew “forsi ħassejtek mifhum ħażin” juru li jimpurtana. Mod ieħor huwa li npoġġu fi kliemna dak li tkun qaltilna l-​persuna, u b’hekk nuru li nkunu fhimna dak li tkun qalet. Il-​fatt li nisimgħu bi mħabba jfisser li nkunu attenti mhux biss għall-​kliem imma wkoll għall-​emozzjonijiet li xi ftit jew wisq tesprimi l-​persuna.

Robert * huwa ministru full-time taʼ l-​esperjenza tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Hu jirrakkonta: “Darba minnhom kont skuraġġit minħabba l-​ministeru tiegħi. Allura tlabt biex nitkellem maʼ l-​indokratur li jivvjaġġa. Hu verament qagħad jismagħni u pprova jifhem is-​sentimenti tiegħi. Hu saħansitra deher li kien qiegħed jifhem il-​biżaʼ tiegħi, għax ħsibtu li se jikkritikani minħabba l-​attitudni tiegħi. Il-​ħu assigurani li s-​sentimenti tiegħi kienu taʼ min jifhimhom, għaliex hu stess esperjenza sentimenti simili. Dan verament għenni biex inkompli.”

Nistgħu aħna nisimgħu mingħajr ma naqblu maʼ dak li jkun qiegħed jingħad? Nistgħu ngħidu lil dak li jkun li napprezzaw li qiegħed jgħidilna kif iħossu? Iva. Xi ngħidu jekk it-​tifel iż-​żgħir ikun involut fi ġlieda l-​iskola jew il-​bint żagħżugħa tiġi d-​dar u tgħid li saret tħobb lil xi ħadd? Ma jkunx aħjar għal ġenitur li jismaʼ u jipprova jifhem xi jkun għaddej fil-​moħħ taż-​żgħażagħ qabel ma jispjega liema imġiba hija xierqa u liema m’hijiex?

“Il-​ħsieb f’moħħ il-​bniedem bħall-​ilma f’bir fond; min moħħu jilħaqlu jaf joħroġhulu,” jgħid Proverbji 20:5. Jekk persuna li għandha l-​għaqal u l-​esperjenza m’hijiex inklinata li tagħti parir mhux mitlub, jistaʼ jkollna nistaqsuha tagħtina parir. Is-​sitwazzjoni hija simili meta aħna nisimgħu bi mħabba. Għandna bżonn id-​dixxerniment biex naraw x’hemm f’qalb dak li jkun. Jekk nagħmlu mistoqsijiet se jkun t’għajnuna, imma rridu noqogħdu attenti li ma nitkixxfux dwar affarijiet persunali. Jistaʼ jkun t’għajnuna jekk nissuġġerixxu li min ikun qiegħed jitkellem jibda bl-​affarijiet li jħossu komdu jitkellem dwarhom. Per eżempju, mara miżżewġa li trid titkellem dwar il-​problemi fiż-​żwieġ tagħha tistaʼ ssibha iktar faċli li tibda titkellem dwar kif hi u żewġha ltaqgħu u żżewġu. Persuna li saret inattiva fil-​ministeru Kristjan għandu mnejn li ssibha iktar faċli tibda billi tispjega kif ġiet fil-​verità.

L-​Isfida li Tismaʼ bi Mħabba

Jistaʼ jkun taʼ sfida li nisimgħu lil xi ħadd li jkun irrabjat magħna, minħabba li t-​tendenza normali tagħna hija li niddefendu lilna nfusna. Kif nistgħu niffaċċjaw l-​isfida? “Tweġiba ħelwa ttaffi l-​korla,” jgħid Proverbji 15:1. Mod wieħed kif twieġeb bil-​ħlewwa huwa billi tistieden lill-​persuna titkellem, u mbagħad bil-​paċenzja toqgħod tismagħha hekk kif tesprimi n-​niket tagħha.

Spiss f’argumenti sħan tnejn min-​nies sempliċement joqogħdu jirripetu dak li jkunu diġà qalu. Kull wieħed minnhom jibda jħoss li l-​persuna l-​oħra m’hijiex tisimgħu. Kemm ikun aħjar jekk xi ħadd minnhom jieqaf u tassew joqgħod jismaʼ! M’għandniex xi ngħidu, huwa importanti li neżerċitaw ir-​rażna u nesprimu lilna nfusna b’mod diskret u bi mħabba. Il-​Bibbja tgħidilna: “Meqjus fi kliemu min hu bil-​għaqal.”​—Proverbji 10:19.

L-abbiltà li nisimgħu bi mħabba ma tiġix b’mod naturali. Iktar minn hekk, hija sengħa li nistgħu nitgħallmuha permezz taʼ sforz u dixxiplina. Ċertament li hija abbiltà taʼ min jiksibha. Inkunu qed nesprimu l-​imħabba tagħna jekk nisimgħu verament meta oħrajn jitkellmu. Dan iġibilna ferħ. Kemm huwa għaqli, allura, li nikkultivaw is-​sengħa taʼ li nisimgħu bi mħabba!

[Nota taʼ taħt]

^ L-isem ġie mibdul.

[Stampa f’paġna 11]

Meta nisimgħu, għandna nwarrbu l-​interessi tagħna fil-​ġenb

[Stampa f’paġna 12]

Jistaʼ jkun taʼ sfida li toqgħod tismaʼ lil xi ħadd li jkun irrabjat miegħek