Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żomm ’il Bogħod mill-Qima Falza!

Żomm ’il Bogħod mill-Qima Falza!

Żomm ’il Bogħod mill-​Qima Falza!

“‘Oħorġu minn ġo nofshom, u infirdu minn magħhom,’ jgħid Ġeħova, ‘u tibqgħux tmissu dak li mhux nadif.’”​—2 KORINTIN 6:17.

1. Ħafna nies sinċieri f’liema kundizzjoni spiritwali jinsabu?

 ĦAFNA nies sinċieri ma jafux il-​verità dwar Alla u l-​futur għall-​umanità. Minħabba li ma sabux it-​tweġibiet li tant għandhom bżonn dwar veritajiet spiritwali, huma jinsabu kompletament imħawdin u inċerti. Miljuni huma skjavi tas-​superstizzjonijiet, ir-​ritwali, u ċ-​ċelebrazzjonijiet li joffendu lill-​Ħallieq tagħna. Probabbilment, int għandek ġirien u qraba li jemmnu fl-​infern tan-​nar, fit-​Trinità, u fl-​immortalità tar-​ruħ, jew f’xi tagħlim falz ieħor.

2. Il-​mexxejja reliġjużi x’għamlu, u b’liema riżultat?

2 Min hu responsabbli għal dan id-​dlam spiritwali li huwa tant mifrux? B’sorpriża, hija r-​reliġjon​—speċifikament l-​organizzazzjonijiet reliġjużi u l-​mexxejja li għallmu ideat kuntrarji għall-​ħsibijiet t’Alla. (Marku 7:​7, 8) B’riżultat taʼ dan, ħafna nies ġew imqarrqin biex jemmnu li huma qed iqimu lill-​Alla l-​veru, mentri fir-​realtà qegħdin joffenduh. Ir-​reliġjon falza hija responsabbli direttament għal din is-​sitwazzjoni tal-​biki.

3. Min hu l-​wieħed fuq quddiemnett li qed jippromwovi r-​reliġjon falza, u kif inhu deskritt fil-​Bibbja?

3 Hemm xi ħadd inviżibbli li qed jappoġġa r-​reliġjon falza. Billi rrefera għalih, l-​appostlu Pawlu qal: “L-​alla taʼ din is-​sistema għema l-​imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux, biex ma jarawx jiddi d-​dawl taʼ l-​aħbar tajba glorjuża dwar il-​Kristu, li hu x-​xbieha t’Alla.” (2 Korintin 4:4) “L-​alla taʼ din is-​sistema” m’hu ħadd ħlief Satana x-​Xitan. Huwa l-​wieħed fuq quddiemnett li qed jippromwovi l-​qima falza. “Satana nnifsu jibqaʼ jinbidel f’anġlu tad-​dawl,” kiteb Pawlu. “Għalhekk, mhix ħaġa kbira li l-​ministri tiegħu wkoll jibqgħu jinbidlu f’ministri tal-​ġustizzja.” (2 Korintin 11:​14, 15) Satana jagħmel l-​affarijiet ħżiena jidhru tajbin u jqarraq bin-​nies biex jemmnu l-​gideb.

4. X’kienet tgħid iI-Liġi t’Alla lil Iżrael tal-​qedem dwar il-​profeti foloz?

4 Mhux taʼ b’xejn li l-​Bibbja tikkundanna b’mod sod ir-​reliġjon falza! Per eżempju, il-​Liġi Mosajka b’mod speċifiku wissiet lin-​nies magħżulin t’Alla kontra l-​profeti foloz. Kulmin kien imexxi ’l quddiem tagħlim falz u jqim lill-​allat foloz kien ‘jingħata l-​mewt, għax ikun xewwex bi kliemu kontra l-​Mulej.’ L-​Iżraelin kienu kmandati biex ‘jeqirdu l-​ħażen minn ġo nofshom.’ (Dewteronomju 13:​2-6 [13:​1-5, NW]) Iva, Ġeħova jqis ir-​reliġjon falza bħala li tagħmel il-​ħsara.​—Eżekjel 13:3.

5. Illum liema twissijiet għandna nagħtu kas?

5 Ġesù Kristu u l-​appostli tiegħu rriflettew is-​sentimenti qawwijin taʼ Ġeħova dwar ir-​reliġjon falza. Ġesù wissa lid-​dixxipli tiegħu: “Ħarsu ruħkom mill-​profeti foloz li jiġu għandkom lebsin taʼ nagħaġ, imma minn ġewwa huma lpup imġewħin.” (Mattew 7:15; Marku 13:​22, 23) Pawlu kiteb li “l-​korla t’Alla qed tiġi rivelata mis-​sema kontra kull nuqqas taʼ devozzjoni u kull inġustizzja tal-​bnedmin li qed joħonqu l-​verità.” (Rumani 1:18) Kemm huwa vitali li l-​Kristjani veri jagħtu kas dawn it-​twissijiet u jżommu ’l bogħod minn kulmin joħnoq il-​verità tal-​Kelma t’Alla jew ixxerred it-​tagħlim falz!​—1 Ġwanni 4:1.

Aħrab minn “Babilonja l-​Kbira”

6. Kif inhi deskritta “Babilonja l-​Kbira” fil-​Bibbja?

6 Ikkunsidra kif il-​ktieb Bibliku taʼ Rivelazzjoni jiddeskrivi r-​reliġjon falza. Hija deskritta bħala prostituta fis-​sakra li għandha qawwa fuq ħafna saltniet u l-​popli tagħhom. Din il-​mara figurattiva tikkommetti ż-​żína maʼ ħafna slaten u tisker bid-​demm taʼ l-​aduraturi veri t’Alla. (Rivelazzjoni 17:​1, 2, 6, 18) Hi għandha isem miktub fuq ġbinha li jaqbel mal-​kondotta maħmuġa u moqżieża tagħha. L-​isem huwa “Babilonja l-​Kbira, omm il-​prostituti u l-​qżiżijiet taʼ l-​art.”​—Rivelazzjoni 17:5.

7, 8. Ir-​reliġjon falza kif żniet u b’liema riżultati?

7 Id-​deskrizzjoni Skritturali taʼ Babilonja l-​Kbira tirreferi b’mod xieraq għar-​reliġjonijiet foloz kollha. Għalkemm l-​eluf taʼ reliġjonijiet m’humiex magħqudin uffiċjalment bħala organizzazzjoni waħda dinjija, huma inseparabbli fl-​iskop u fl-​għemil. Bħalma hu deskritt mill-​mara immorali f’Rivelazzjoni, ir-​reliġjon falza għandha influwenza tremenda fuq il-​gvernijiet. Bħal mara li m’hijiex leali lejn il-​wegħdi tagħha taż-​żwieġ, ir-​reliġjon falza żniet billi fformat rabtiet maʼ gvern politiku wieħed wara l-​ieħor. “Adulteri, ma tafux li l-​ħbiberija mad-​dinja hi għadwa m’Alla?” kiteb id-​dixxiplu Ġakbu. “Għalhekk, kulmin irid ikun ħabib tad-​dinja qed jagħmel lilu nnifsu għadu t’Alla.”​—Ġakbu 4:4.

8 Dan it-​taħlit tar-​reliġjon falza mal-​gvernijiet irriżulta f’ħafna tbatija għall-​bniedem. Dr. Xolela Mangcu, analista politiku Afrikan, osserva li “l-​istorja tad-​dinja hija mimlija b’eżempji taʼ qtil bil-​massa kaġunat mit-​taħlit bejn ir-​reliġjon u l-​politika.” Gazzetta minnhom, reċentement qalet: “L-​iktar tilwim imdemmi u perikoluż illum . . . jiffoka fuq ir-​reliġjon.” Miljuni taʼ ħajjiet inqatlu f’konflitti appoġġati mir-​reliġjon. Babilonja l-​Kbira saħansitra persegwitat u qatlet lill-​qaddejja veri t’Alla, u b’mod figurattiv sikret b’demmhom.​—Rivelazzjoni 18:24.

9. Il-​mibegħda taʼ Ġeħova lejn il-​qima falza kif inhi spjegata fil-​ktieb taʼ Rivelazzjoni?

9 Il-​fatt li Ġeħova jobgħod il-​qima falza jidher ċar minn dak li se jiġrilha Babilonja l-​Kbira. Rivelazzjoni 17:16 jgħid: “L-​għaxart iqrun li rajt, u l-​bhima salvaġġa, dawn se jobogħdu lill-​prostituta u jħarbtuha u jneżżgħuha, u jiklulha laħamha u jaħarquha għalkollox bin-​nar.” L-​ewwel, bhima ġganteska ttertaqha sal-​mewt u tiklilha l-​partijiet imlaħħmin. Imbagħad, dak kollu li jifdal minnha jinħaraq kompletament. Bl-​istess manjiera, il-​gvernijiet tad-​dinja dalwaqt se jieħdu azzjoni bħal din kontra r-​reliġjon falza. Alla se jimmotivahom biex jagħmlu dan. (Rivelazzjoni 17:17) Babilonja l-​Kbira, l-​imperu dinji tar-​reliġjon falza, ċertament li se tinqered. “Qatt iktar ma terġaʼ tinstab.”​—Rivelazzjoni 18:21.

10. Kif għandna nħarsu lejn ir-​reliġjon falza?

10 L-​aduraturi veri kif għandhom iħarsu lejn Babilonja l-​Kbira? Bl-​iktar mod ċar, il-​Bibbja tikkmanda: “Oħorġu minnha, poplu tiegħi, jekk ma tridux tieħdu sehem magħha fi dnubietha, u jekk ma tridux tirċievu parti mill-​kastigi tagħha.” (Rivelazzjoni 18:4) Dawk li jridu jsalvaw iridu joħorġu mir-​reliġjon falza qabel ma jkun tard wisq. Meta kien fuq l-​art, Ġesù Kristu ħabbar li fl-​aħħar jiem, ħafna sempliċement kienu se jgħidu li qed isegwuh. (Mattew 24:​3-5) Lil uħud bħal dawn, hu jgħidilhom: “Jien qatt ma kont nafkom! Itilqu minn quddiemi, intom li tiksru l-​liġi.” (Mattew 7:23) Ġesù Kristu, li issa huwa Sultan maħtur, m’għandux x’jaqsam mar-​reliġjon falza.

Kif Tistaʼ Żżomm ’il Bogħod?

11. X’għandna nagħmlu sabiex inżommu ’l bogħod mill-​qima falza?

11 Il-​Kristjani veri jżommu ’l bogħod mill-​qima falza billi jiċħdu t-​tagħlim reliġjuż falz. Dan ifisser li aħna ma nisimgħux programmi reliġjużi fuq ir-​radju jew narawhom fuq it-​televixin u lanqas ma naqraw letteratura reliġjuża li tgħallem gideb dwar Alla u l-​Kelma tiegħu. (Salm 119:37) Ikun għaqli wkoll għalina li nżommu lura milli nieħdu sehem f’laqgħat soċjali u f’attivitajiet rikreattivi li huma sponsorjati minn xi organizzazzjoni li għandha x’taqsam mar-​reliġjon falza. Iktar minn hekk, aħna bl-​ebda mod ma nappoġġaw il-​qima falza. (1 Korintin 10:21) Meta nevitaw dawn l-​affarijiet se niġu protetti milli ninħatfu taħt difrejn xi ħadd “b’filosofija u qerq fieragħ skond it-​tradizzjoni tal-​bnedmin, skond l-​affarijiet elementari tad-​dinja u mhux skond Kristu.”​—Kolossin 2:8.

12. Kif jistaʼ xi ħadd jinħeles minn kwalunkwe sħubija m’organizzazzjonijiet reliġjużi foloz?

12 Xi ngħidu jekk xi ħadd li jixtieq isir wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova bħalissa huwa reġistrat bħala membru taʼ xi reliġjon falza? Normalment, issir ittra taʼ riżenja biex turi li l-​persuna m’għadhiex trid titqies bħala membru taʼ xi reliġjon falza. Huwa speċjalment importanti li l-​persuna tieħu azzjoni deċiżiva biex tevita kompletament li b’xi mod titniġġes spiritwalment mar-​reliġjon falza. L-​azzjonijiet taʼ xi ħadd li jkun se jsir Xhud għandhom juru b’mod ċar lill-​organizzazzjoni reliġjuża u lill-​osservaturi ġenerali li hu m’għadux parti minn dik ir-​reliġjon.

13. Il-​Bibbja liema parir toffri dwar il-​bżonn li noqogħdu ’l bogħod mill-​qima falza?

13 “Tintrabtux taħt madmad li mhux indaqs maʼ dawk li ma jemmnux,” kiteb lappostlu Pawlu. “Għax xi sħubija hemm bejn il-​ġustizzja u l-​ksur tal-​liġi? Jew x’għandu x’jaqsam id-​dawl mad-​dlam? Iktar minn hekk, xi qbil hemm bejn Kristu u Beljal? Jew x’sehem għandu min hu leali maʼ min ma jemminx? U xi ftehim għandu t-​tempju t’Alla maʼ l-​idoli? . . . ‘Għalhekk, oħorġu minn ġo nofshom, u infirdu minn magħhom,’ jgħid Ġeħova, ‘u tibqgħux tmissu dak li mhux nadif.’” (2 Korintin 6:​14-17) Aħna noqogħdu attenti għal dan il-​kliem billi nżommu ’l bogħod mill-​qima falza. Ifisser il-​parir taʼ Pawlu li rridu wkoll noqogħdu ’l bogħod minn aduraturi foloz?

“Ibqgħu Mexjin bl-​Għerf”

14. Għandna aħna nevitaw kompletament lil dawk li jieħdu sehem fil-​qima falza? Spjega.

14 Għandhom l-​aduraturi veri jaqtgħu għalkollox kull kuntatt maʼ nies li jieħdu sehem fil-​qima falza? Għandna nkunu kompletament indifferenti lejn dawk li m’għandhomx l-​istess twemmin tagħna? It-​tweġiba hija le. It-​tieni mill-​akbar żewġ kmandamenti jgħid: “Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” (Mattew 22:39) Ċertament li aħna nuru l-​imħabba lill-​ġirien tagħna meta naqsmu magħhom l-​aħbar tajba tas-​Saltna. L-​imħabba tagħna tidher ukoll meta nistudjaw il-​Bibbja magħhom u nagħmluhom konxji tal-​bżonn li jżommu ’l bogħod mill-​qima falza.

15. Xi jfisser li ma nkunux “parti mid-​dinja”?

15 Għalkemm aħna nippridkaw l-​aħbar tajba lill-​ġirien tagħna, bħala segwaċi taʼ Ġesù ‘m’aħniex parti mid-​dinja.’ (Ġwanni 15:19) Hawnhekk il-​kelma “dinja” tirreferi għas-​soċjetà umana li hija mbiegħda minn Alla. (Efesin 4:​17-19; 1 Ġwanni 5:19) Aħna separati mid-​dinja fis-​sens li nwarrbu attitudnijiet, diskors, u kondotta li joffendu lil Ġeħova. (1 Ġwanni 2:​15-17) Iktar minn hekk, fi qbil mal-​prinċipju li “kumpanija ħażina tħassar id-​drawwiet siewja,” aħna nevitaw ħbiberija intima maʼ dawk li ma jgħixux skond il-​livelli Kristjani. (1 Korintin 15:33) Sabiex ma nkunu ebda parti mid-​dinja rridu nibqgħu “mingħajr tebgħa mid-​dinja.” (Ġakbu 1:27) Għalhekk, il-​fatt li nkunu separati mid-​dinja ma jfissirx li aħna nisseparaw ruħna kompletament minn kull kuntatt maʼ nies oħrajn.​—Ġwanni 17:​15, 16; 1 Korintin 5:​9, 10.

16, 17. Il-​Kristjani kif għandhom jittrattaw lil dawk li m’humiex familjari mal-​verità tal-​Bibbja?

16 Għalhekk, kif nistgħu aħna nittrattaw lil dawk li ma jafux il-​veritajiet tal-​Bibbja? L-​appostlu Pawlu kiteb lill-​kongregazzjoni taʼ Kolossi: “Ibqgħu mexjin bl-​għerf maʼ dawk li huma barra, u użaw il-​ħin bl-​aħjar mod. Ħa jkun kliemkom dejjem kollu ħlewwa, imħawwar bil-​melħ, sabiex tkunu tafu kif għandkom twieġbu lil kulħadd.” (Kolossin 4:​5, 6) L-​appostlu Pietru kiteb: “Qaddsu lill-​Kristu bħala Mulej fi qlubkom, u kunu dejjem lesti li tiddefendu ruħkom quddiem kulmin ikun irid raġuni għat-​tama li għandkom, imma dan agħmluh bil-​ħlewwa u b’rispett profond.” (1 Pietru 3:15) Pawlu ta parir lill-​Kristjani biex “ma jitkellmu fuq ħadd b’mod inġurjuż, ma jkunux ġellidin, imma jkunu raġunevoli, u kollhom ħlewwa maʼ kulħadd.”​—Titu 3:2.

17 Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, aħna nevitaw li nkunu ħorox jew arroganti m’oħrajn. Ċertament li aħna ma nużawx termini li jweġġgħu biex niddeskrivu nies taʼ reliġjonijiet oħrajn. Minflok, aħna nużaw it-​tattika, saħansitra jekk l-​inkwilin, il-​ġâr, jew il-​kollega fuq ix-​xogħol ma jurix qalb tajba jew juża termini abbużivi.​—Kolossin 4:6; 2 Timotju 2:24.

“Ibqaʼ Żomm il-​Mudell taʼ Kliem Mimli Saħħa”

18. Minn liema kundizzjoni spiritwali tal-​biki jgħaddu dawk li jerġgħu lura lejn il-​qima falza?

18 Kemm ikun traġiku li wara li persuna tkun tgħallmet il-​veritajiet tal-​Bibbja, terġaʼ lura lejn il-​qima falza! Il-​Bibbja tiddeskrivi l-​konsegwenzi koroh taʼ dan, meta tgħid: “Ċertament li jekk, wara li jkunu ħarbu mit-​tinġis tad-​dinja b’għarfien eżatt dwar il-​Mulej u s-​Salvatur Ġesù Kristu, jerġgħu jinvolvu ruħhom f’dawn l-​istess affarijiet u jintrebħu, il-​qagħda finali tagħhom issir agħar minn tal-​bidu. . . . Ġralhom kif jgħid tajjeb il-​proverbju: ‘Il-​kelb reġaʼ lura għall-​vomtu tiegħu, u l-​ħanżira maħsula reġgħet marret titmiegħek fit-​tajn.’”​—2 Pietru 2:​20-22.

19. Għala huwa vitali li nibqgħu għassa għal kwalunkwe ħaġa li tistaʼ tipperikola l-​ispiritwalità tagħna?

19 Aħna għandna nibqgħu għassa għal kwalunkwe ħaġa li tistaʼ tipperikola l-​ispiritwalità tagħna. Il-​perikli hemm qegħdin! L-​appostlu Pawlu jwissi: “Il-​kliem imnebbaħ jgħid fiż-​żgur li f’xi żminijiet iktar tard xi wħud jitbiegħdu mill-​fidi għax jagħtu kas kliem imnebbaħ li jqarraq u tagħlim tad-​demonji.” (1 Timotju 4:1) Aħna ngħixu f’dawk iż-​“żminijiet iktar tard.” Dawk li ma jżommux ’il bogħod mill-​qima falza jistgħu jiġu “mitfugħin ’l hawn u ’l hinn qisu mill-​mewġ u mtajrin minn kull riħ taʼ tagħlim bl-​ingann tan-​nies li bil-​makakkerija jinsġu l-​qerq.”​—Efesin 4:​13, 14.

20. Kif nistgħu aħna nżommu ’l bogħod mill-​influwenza li tagħmel il-​ħsara tar-​reliġjon falza?

20 Kif nistgħu aħna nipproteġu lilna nfusna kontra l-​influwenza li tagħmel il-​ħsara tar-​reliġjon falza? Ikkunsidra dak kollu li pprovda Ġeħova. Għandna l-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. (2 Timotju 3:​16, 17) Ġeħova dejjem ipprovda l-​ikel spiritwali b’abbundanza permezz taʼ “l-​ilsir leali u għaqli.” (Mattew 24:45) Hekk kif nagħmlu progress fil-​verità, m’għandniex aħna nikkultivaw aptit għall-​‘ikel solidu li hu għan-​nies maturi’ u jkollna xewqa biex niltaqgħu flimkien fejn nistgħu nitgħallmu veritajiet spiritwali? (Ebrej 5:​13, 14; Salm 26:8) Ejja nkunu determinati li nieħdu vantaġġ sħiħ mill-​provvedimenti taʼ Ġeħova sabiex inkunu nistgħu ‘nibqgħu nżommu l-​mudell taʼ kliem mimli saħħa’ li nkunu smajna. (2 Timotju 1:13) B’hekk nistgħu nżommu ’l bogħod mill-​qima falza.

X’Tgħallimt?

• X’inhi “Babilonja l-​Kbira”?

• X’għandna nagħmlu sabiex inżommu ’l bogħod mill-​qima falza?

• Minn liema perikli li jagħmlu l-​ħsara lill-​ispiritwalità tagħna għandna naħarbu?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 28]

Taf għala “Babilonja l-​Kbira” hija deskritta bħala mara immorali?

[Stampa f’paġna 29]

“Babilonja l-​Kbira” ċertament li se tinqered

[Stampa f’paġna 31]

Aħna nuru ‘l-​ħlewwa u rispett profond’ maʼ dawk li m’għandhomx l-​istess twemmin tagħna