Il-Mewt—Realtà Kiefra!
Il-Mewt—Realtà Kiefra!
“MILL-MUMENT tat-twelid hemm ċans kontinwu li l-bniedem imut fi kwalunkwe ħin,” kiteb l-istorjografu Ingliż Arnold Toynbee. Hu żied: “U huwa fatt li kull bniedem xi darba se jmut.” X’niket iġġib fuqna l-mewt meta tolqot lil membru tal-familja maħbub jew lil xi ħabib tal-qalb!
Il-mewt ilha realtà kiefra għall-bnedmin għal millennji sħaħ. Inħossuna totalment bla ħila meta jmut xi ħadd għażiż għalina. Dan id-dwejjaq jolqot lil kulħadd. Ħadd ma jistaʼ jeħles minnu. “In-niket jagħmilna lkoll tfal għal darb’oħra—ħadd, minkejja l-edukazzjoni tiegħu, m’għandu tweġiba għalih. L-iktar wieħed għaref ma jaf xejn.” Hekk kiteb kittieb tas-seklu 19. Insiru bħal tfal żgħar—bla ħila u bla kapaċità biex inbiddlu s-sitwazzjoni. La l-għana u lanqas il-qawwa ma jistgħu jreġġgħu lura t-telfa. L-għorrief u l-intellettwali m’għandhomx tweġiba. Il-qawwijin jibku, bħalma jagħmlu d-dgħajfin.
Is-Sultan David taʼ Iżrael tal-qedem għadda minn niket bħal dan meta miet ibnu Absalom. Meta semaʼ l-aħbar taʼ mewtu, is-sultan infexx jibki u qal: “Ibni Absalom! Ibni! Ibni Absalom! M’hux li mitt jien minflokok. Absalom ibni! Ibni!” (2 Samwel 19:1 [18:33, NW]) Sultan setgħan li rażżan għedewwa b’saħħithom ma setaʼ jagħmel xejn ħlief bla ħila jixtieq li hu nnifsu kien ċeda għall-“aħħar għadu, il-mewt,” minflok ibnu.—1 Korintin 15:26.
Hemm rimedju għall-mewt? Jekk iva, x’tama hemm għall-mejtin? Qatt se nerġgħu naraw lill-maħbubin tagħna? L-artiklu li jmiss se jipprovdi tweġibiet Skritturali għal dawn il-mistoqsijiet.