Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Uniku Rimedju!

L-Uniku Rimedju!

L-​Uniku Rimedju!

RAĠEL li jismu Lazzru u ħutu l-​bniet, Marta u Marija, jgħixu f’Betanja, raħal li jinsab xi tliet kilometri ’l barra minn Ġerusalemm. Darba minnhom, meta seħibhom Ġesù jkun qed jivvjaġġa, Lazzru jimrad serjament. Ħutu l-​bniet huma inkwetati ħafna għalih. Huma jibagħtu messaġġ lil Ġesù. Ftit żmien wara li jismaʼ l-​aħbar, Ġesù jmur jara lil Lazzru. Hu u sejjer, Ġesù jinforma lid-​dixxipli li hu sejjer hemm biex iqajjem lil Lazzru mill-​irqad. Għall-​ewwel id-​dixxipli jifhmuh ħażin, imma mbagħad Ġesù jgħidilhom ċar u tond: “Lazzru miet.”​—Ġwanni 11:​1-14.

Meta Ġesù jasal ħdejn il-​qabar taʼ Lazzru, hu l-​ewwel jagħti l-​istruzzjoni biex titneħħa l-​ġebla li kienet qed tagħlaq id-​daħla tal-​qabar. Wara li jitlob b’leħen għoli, hu jikkmanda: “Lazzru, oħroġ!” U Lazzru joħroġ. Ir-​raġel li kien ilu mejjet erbat ijiem ġie rxoxtat.—Ġwanni 11:​38-44.

Ir-rakkont li jinvolvi lil Lazzru juri li l-​irxoxt żgur li hu rimedju għall-​mewt. Imma seħħ verament il-​miraklu taʼ l-​irxoxt taʼ Lazzru? Il-​Bibbja tippreżentah bħala fatt. Aqra r-​rakkont fi Ġwanni 11:​1-44, u tara kemm huma reali d-​dettalji. Tistaʼ tiċħad li dan seħħ verament? Jekk tagħmel hekk jistaʼ jkollok għalxiex tiddubita jekk il-​mirakli kollha tal-​Bibbja seħħewx verament, inkluż l-​irxoxt taʼ Ġesù Kristu nnifsu. U “jekk Kristu ma ġiex imqajjem,” tgħid il-​Bibbja, “il-​fidi [tiegħek] ma tiswa xejn.” (1 Korintin 15:17) L-​irxoxt hu tagħlim Skritturali fundamentali. (Ebrej 6:​1, 2) Però, xi jfisser it-​terminu “rxoxt”?

Xi Jfisser l-​“Irxoxt”?

Fl-​Iskrittura Griega Kristjana, il-​kelma “rxoxt” tidher iktar minn 40 darba. Hija tradotta mill-​kelma Griega li letteralment tfisser “terġaʼ tqum bil-​wieqfa.” L-​espressjoni Ebrajka għall-​istess kelma hi “ħajja mill-​ġdid tal-​mejtin.” Però, wara li individwu jmut, x’jiġi rxoxtat? Ma jistax ikun ġismu, li jidbiel u jerġaʼ lura lejn it-​trab taʼ l-​art. Dak li jiġi rxoxtat m’huwiex l-​istess ġisem imma l-​istess persuna li mietet. Għalhekk, l-​irxoxt jinvolvi li jiġi restawrat il-​mod taʼ ħajja taʼ l-​individwu—il-​karatteristiki persunali tiegħu, l-​istorja persunali tiegħu, u d-​dettalji kollha taʼ l-​identità tiegħu.

Alla Ġeħova, li għandu memorja perfetta, ma jsib ebda problema biex jiftakar il-​mod taʼ ħajja taʼ dawk li mietu. (Isaija 40:26) Ladarba hu l-​Oriġinatur tal-​ħajja, Ġeħova jistaʼ faċilment jirxoxta lill-​istess persuna b’ġisem ifformat mill-​ġdid. (Salm 36:10 [36:​9, NW]) Iktar minn hekk, il-​Bibbja tgħid li Alla Ġeħova ‘jixxennaq’—għandu xewqa qawwija—li jirxoxta lill-​mejtin. (Ġob 14:​14, 15, Saydon) Kemm nistgħu nkunu grati li Ġeħova mhux biss jistaʼ jġib lill-​individwu lura għall-​ħajja imma wkoll hu jrid jagħmel dan!

Ġesù Kristu wkoll għandu rwol fundamentali fl-​irxoxt tal-​mejtin. Ftit iktar minn sena wara li beda l-​ministeru tiegħu, Ġesù qal: “Bħalma l-​Missier iqajjem il-​mejtin u jagħtihom il-​ħajja, hekk ukoll l-​Iben jagħti l-​ħajja lil min irid.” (Ġwanni 5:21) Ma turix l-​esperjenza taʼ Lazzru li Ġesù Kristu għandu l-​qawwa kif ukoll ix-​xewqa li jirxoxta lill-​mejtin?

Xi ngħidu għall-​idea li xi ħaġa ġo fina tibqaʼ ħajja wara l-​mewt? It-​tagħlim taʼ l-​irxoxt u l-​idea taʼ l-​immortalità tar-​ruħ jew taʼ l-​ispirtu tal-​bniedem, fil-​fatt, ma jaqblux bejniethom. Jekk xi ħaġa ġo fina tibqaʼ ħajja wara l-​mewt, mela xi bżonn hemm li niġu rxoxtati? Oħt Lazzru, Marta, ma kinitx temmen li meta ħuha miet, hu kompla jeżisti fil-​qasam taʼ l-​ispirti. Hi kellha fidi fl-​irxoxt. Meta Ġesù żguraha: “Ħuk iqum,” Marta qaltlu: “Naf li jqum fl-​irxoxt fl-​aħħar jum.” (Ġwanni 11:​23, 24) U meta ġie rxoxtat, Lazzru ma semmiex li esperjenza xi ħajja wara l-​mewt. Hu kien mejjet. “Il-​mejtin ma jafu xejn,” tgħid il-​Bibbja. “Ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf, f’Art l-​Imwiet [il-qabar komuni tal-​bniedem] fejn inti sejjer.”—Koħèlet 9:​5, 10.

Allura, skond il-​Bibbja, l-​uniku rimedju għall-​mewt hu l-​irxoxt. Imma mill-​għadd kbir taʼ dawk kollha li mietu, min minnhom se jiġi rxoxtat, u fejn?

Min Se Jiġi Rxoxtat?

“Ġejja s-​siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-​oqbra tat-​tifkira jisimgħu leħnu [leħen Ġesù] u joħorġu.” (Ġwanni 5:​28, 29) Skond din il-​wegħda, dawk li jinsabu fl-​oqbra tat-​tifkira—dawk li jinsabu fil-​memorja taʼ Ġeħova—se jiġu rxoxtati. Allura, tqum il-​mistoqsija, Minn dawk kollha li mietu, min tassew jinsab fil-​memorja t’Alla jistenna li jiġi rxoxtat?

Fil-ktieb Bibliku t’Ebrej kapitlu 11 insibu lista taʼ rġiel u nisa li qdew lil Alla lealment. Dawn l-​uħud flimkien maʼ qaddejja leali t’Alla li mietu fi snin reċenti se jkunu fost dawk li jiġu rxoxtati. Xi ngħidu għan-​nies li ma żammewx mal-​livelli sewwa t’Alla, forsi minħabba nuqqas t’għarfien? Jinsabu dawn ukoll fil-​memorja t’Alla? Iva, ħafna minnhom huma, għaliex il-​Bibbja twiegħed: “Se jkun hemm irxoxt kemm tan-​nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.”—Atti 24:15.

Madankollu, mhux kulmin għex s’issa se jiġi rxoxtat. “Jekk wara li nkunu rċivejna l-​għarfien eżatt dwar il-​verità nipprattikaw id-​dnub għax irridu,” tgħid il-​Bibbja, “ma jibqaʼ ebda sagrifiċċju għad-​dnubiet, imma stennija tal-​biżaʼ tal-​ġudizzju.” (Ebrej 10:​26, 27) Xi wħud għamlu dnubiet li m’hemmx maħfra għalihom. Huma ma jinsabux f’Ħades (il-qabar komuni tal-​bniedem) imma f’Geħenna, post li jissimbolizza qerda dejjiema. (Mattew 23:33) Però, irridu noqogħdu attenti li ma nispekulawx dwar jekk ċertu individwu huwiex se jiġi rxoxtat jew le. Dan il-​ġudizzju jappartjeni lil Alla. Hu jaf min jinsab f’Ħades u min f’Geħenna. Fejn nidħlu aħna, ikun tajjeb li ngħixu ħajjitna skond ir-​rieda t’Alla.

Irxoxt għal Ħajja fis-​Sema —Għal Min?

L-​iktar irxoxt straordinarju kien dak taʼ Ġesù Kristu. Hu “ngħata l-​mewt fil-​laħam, imma ngħata l-​ħajja fl-​ispirtu.” (1 Pietru 3:18) Qabel dan, qatt ma kien hemm bniedem ieħor li esperjenza rxoxt bħal tiegħu. Ġesù nnifsu qal: “Ebda bniedem ma telaʼ fis-​sema ħlief dak li niżel mis-​sema, Bin il-​bniedem.” (Ġwanni 3:13) Tabilħaqq, Bin il-​bniedem kien l-​ewwel wieħed li ġie rxoxtat bħala persuna spirtu. (Atti 26:23) U kellu jkun hemm oħrajn. L-​Iskrittura tgħid: “Kull wieħed skond kif imissu: Kristu l-​ewwel frott; wara, dawk li huma tal-​Kristu matul il-​preżenza tiegħu.”—1 Korintin 15:23.

Grupp żgħir taʼ nies—“dawk li huma tal-​Kristu”—għandhom jiġu rxoxtati għal ħajja fis-​sema għal skop speċjali. (Rumani 6:5) Huma se jaħkmu maʼ Kristu bħala ‘slaten fuq l-​art.’ (Rivelazzjoni 5:​9, 10) Iktar minn hekk, huma se jaqdu bħala qassisin għaliex se jkollhom sehem biex ineħħu l-​effetti tad-​dnub li l-​umanità wirtet mill-​ewwel bniedem, Adam. (Rumani 5:12) Dawk li jaħkmu maʼ Kristu bħala slaten u qassisin jammontaw għal 144,000. (Rivelazzjoni 14:​1, 3) X’ġisem jirċievu meta jiġu rxoxtati? “Ġisem spiritwali,” tgħid il-​Bibbja. Dan se jagħmilhielhom possibbli li jgħixu fis-​sema.—1 Korintin 15:​35, 38, 42-45.

Meta jseħħ l-​irxoxt fis-​smewwiet? It-​tweġiba fl-​1 Korintin 15:23 tgħid: “Matul il-​preżenza [taʼ Kristu].” Il-​ġrajjiet dinjin mill-​1914 ’l hawn juru b’mod ċar li kemm il-​preżenza taʼ Kristu kif ukoll “tmiem is-​sistema” bdew f’din is-​sena. (Mattew 24:​3-7) Għalhekk, għandna għalxiex nikkonkludu li l-​irxoxt fis-​sema tal-​Kristjani leali diġà beda, għalkemm, m’għandniex xi ngħidu, il-​bnedmin ma jistgħux jarawh. Dan ifisser li l-​appostli u l-​Kristjani tal-​bidu ġew irxoxtati għal ħajja fis-​sema. Xi ngħidu għall-​Kristjani ħajjin illum li għandhom it-​tama ċerta mogħtija minn Alla li jaħkmu maʼ Kristu fis-​sema? Huma jiġu rxoxtati “f’ħakka t’għajn,” jew mill-​ewwel x’ħin imutu. (1 Korintin 15:52) Ladarba dawn il-​144,000 bħala grupp żgħir se jiġu rxoxtati qabel l-​għadd akbar li se jiġu rxoxtati għall-​ħajja fuq l-​art, huma jissejħu bħala “dawk li se jiġu rxoxtati minn taʼ l-​ewwel” u “mill-​ewwel irxoxt.”—Filippin 3:11; Rivelazzjoni 20:6.

Min Se Jiġi Rxoxtat għall-​Ħajja fuq l-​Art?

Skond l-​Iskrittura, il-​maġġuranza taʼ dawk li mietu se jiġu rxoxtati lura għall-​ħajja fuq l-​art. (Salm 37:29; Mattew 6:10) Waqt li kien qed jiddeskrivi l-​viżjoni taʼ l-​għaġeb taʼ l-​uħud irxoxtati, l-​appostlu Ġwanni kiteb: “Il-​baħar radd il-​mejtin li kienu fih, u l-​mewt u Ħades raddew il-​mejtin li kienu fihom, u ġew ġudikati individwalment skond l-​għemejjel tagħhom. U l-​mewt u Ħades ġew mixħutin fl-​għadira tan-​nar. Din tfisser it-​tieni mewt, l-​għadira tan-​nar.” (Rivelazzjoni 20:​11-14) Dawk f’Ħades, jew Xeol—il-​qabar komuni tal-​bniedem—jinsabu fil-​memorja t’Alla. Kull wieħed minnhom se jinħeles mill-​qabda tal-​mewt. (Salm 16:10; Atti 2:31) U kull wieħed minnhom se jiġi ġudikat skond l-​għemejjel li jwettaq wara li jiġi rxoxtat. Imbagħad x’se jiġrilhom il-​mewt u Ħades? Se jintefgħu fl-​“għadira tan-​nar.” Dan ifisser li l-​mewt li l-​bnedmin wirtu minn Adam m’hijiex se tibqaʼ teffettwahom.

Immaġina ftit xi prospett ferrieħi tagħti l-​wegħda taʼ l-​irxoxt lil dawk li tilfu lil xi ħadd maħbub fil-​mewt! Meta Ġesù rxoxta lill-​uniku iben taʼ l-​armla taʼ Najn, min jaf x’ferħ ħasset! (Luqa 7:​11-17) U dwar il-​ġenituri taʼ tifla taʼ 12-il sena li Ġesù rxoxta, il-​Bibbja tgħid: “Mill-​ewwel intilfu f’estasi kbira taʼ ferħ.” (Marku 5:​21-24, 35-42; Luqa 8:​40-42, 49-56) Tabilħaqq, fid-​dinja l-​ġdida mwiegħda minn Alla se nitgħaxxqu meta nilqgħu lura lill-​maħbubin.

Illum, x’effett jistaʼ jkollu fuqna l-​fatt li nafu l-​verità dwar l-​irxoxt? “Ħafna nies jibżgħu mill-​mewt u jipprovaw ma jaħsbux dwarha,” tgħid The World Book Encyclopedia. Għala? Għaliex għal ħafna nies il-​mewt hija misteru—xi ħaġa mhix magħrufa u li tbeżżgħek. Jekk inkunu nafu l-​verità dwar il-​kundizzjoni tal-​mejtin u jkollna t-​tama taʼ l-​irxoxt, se jkollna l-​kuraġġ jekk niġu biex niffaċċjaw “l-​aħħar għadu, il-​mewt.” (1 Korintin 15:26) Ukoll, dan l-​għarfien jagħmilhielna iktar faċli biex nissaportu l-​uġigħ li nħossu meta jmutilna xi ħabib tal-​qalb jew xi qarib.

Meta se jibda l-​irxoxt fuq l-​art? Id-​dinja llum hija mimlija bil-​vjolenza, bil-​ġlied, bit-​tixrid tad-​demm, u bit-​tinġis. Kieku l-​mejtin kellhom jiġu lura għall-​ħajja fuq art bħal din, żgur li kwalunkwe ferħ ma jkunx dejjiemi. Però, il-​Ħallieq wiegħed li dalwaqt se jtemm id-​dinja preżenti kontrollata minn Satana. (Proverbji 2:​21, 22; Danjel 2:44; 1 Ġwanni 5:19) L-​iskop t’Alla għall-​art dalwaqt se jitwettaq. Imbagħad, fid-​dinja l-​ġdida taʼ paċi li se jġib Alla, biljuni li bħalissa jinsabu reqdin fil-​mewt se jerġgħu jiftħu għajnejhom.

Stampa f’paġna 7]

Ħafna mill-​mejtin se jiġu rxoxtati għall-​ħajja fuq l-​art