Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Membri Ġodda tal-Ġemgħa li Tiggverna

Membri Ġodda tal-Ġemgħa li Tiggverna

Membri Ġodda tal-​Ġemgħa li Tiggverna

NHAR l-​Erbgħa fil-​għodu, l-​24 t’Awissu, 2005, il-​familji taʼ Betel fl-​Istati Uniti u l-​Kanada semgħu avviż eċċitanti permezz taʼ trasmissjoni fuq it-​televixin. B’seħħ mill-​1 taʼ Settembru, 2005, żewġ membri ġodda​—Geoffrey W. Jackson u Anthony Morris III—kellhom jiżdiedu mal-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Ħuna Jackson beda x-​xogħol taʼ pijunier fi Frar taʼ l-​1971 fil-​gżira tat-​Tasmanja, li hi stat taʼ l-​Awstralja. F’Ġunju taʼ l-​1974, hu żżewweġ lil Jeanette (Jenny). Ftit wara, huma nħatru biex jaqdu bħala pijunieri speċjali. Mill-​1979 sa l-​2003, huma qdew bħala missjunarji f’Tuvalu, Samoa, u l-​Fiġi​—gżejjer fin-​nofsinhar tal-​Paċifiku. Meta kienu f’dawn il-​gżejjer, Ħuna u Oħtna Jackson taw sehem kbir fix-​xogħol tat-​traduzzjoni tal-​letteratura Biblika. Mill-​1992, Ħuna Jackson beda jaqdi fil-​Kumitat tal-​Fergħa f’Samoa, u mill-​1996, fil-​Kumitat tal-​Fergħa fil-​Fiġi. F’April taʼ l-​2003, hu u Jenny saru parti mill-​familja Betel taʼ l-​Istati Uniti u bdew jaħdmu fid-​Dipartiment tas-​Servizzi tat-​Traduzzjoni. Ftit wara, Ħuna Jackson inħatar bħala ajjutant għall-​Kumitat tat-​Tagħlim tal-​Ġemgħa li Tiggverna.

Ħuna Morris beda fis-​servizz taʼ pijunier fl-​1971 fl-​Istati Uniti. F’Diċembru taʼ dik is-​sena, hu żżewweġ lil Susan, u huma komplew jaqdu bħala pijunieri għal kważi erbaʼ snin sakemm twieled l-​ewwel iben tagħhom, Jesse. Xi żmien wara kellhom iben ieħor, Paul. Ħuna Morris reġaʼ daħal fis-​servizz full-time fl-​1979 bħala pijunier regulari. Martu ngħaqdet miegħu meta s-​subien tagħhom bdew l-​iskola. Il-​familja qdiet fejn kien hemm bżonn kbir f’Rhode Island u f’North Carolina, l-​Istati Uniti. F’North Carolina, Ħuna Morris qeda bħala sostitut għall-​indokratur tas-​circuit, u s-​subien tiegħu daħlu fis-​servizz bħala pijunieri regulari. Jesse u Paul ġew mistidnin jaqdu fil-​fergħa taʼ l-​Istati Uniti meta kellhom 19-il sena. Sadanittant, Ħuna Morris beda x-​xogħol tas-​circuit. Imbagħad, fl-​2002 hu u Susan ġew mistidnin jaqdu f’Betel, u bdew l-​inkarigu ġdid tagħhom fl-​1 t’Awissu. Ħuna Morris ħadem fid-​Dipartiment tas-​Servizz f’Patterson u iktar tard bħala ajjutant għall-​Kumitat tas-​Servizz tal-​Ġemgħa li Tiggverna.

Flimkien maʼ dawn iż-​żewġ membri ġodda, il-​Ġemgħa li Tiggverna hija magħmula minn C. W. Barber; J. E. Barr; S. F. Herd; T. Jaracz; M. S. Lett; G. Lösch; G. H. Pierce; A. D. Schroeder; D. H. Splane; u D. Sydlik. Il-​membri kollha tal-​Ġemgħa li Tiggverna huma Kristjani midlukin.