Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Naqdu maʼ Kongregazzjoni taʼ Lingwa Barranija

Naqdu maʼ Kongregazzjoni taʼ Lingwa Barranija

Naqdu maʼ Kongregazzjoni taʼ Lingwa Barranija

“RAJT anġlu ieħor itir f’nofs is-​sema,” kiteb l-​appostlu Ġwanni, “u kellu aħbar tajba taʼ dejjem biex ixandarha bħala bxara taʼ ferħ lil dawk li jgħammru fuq l-​art, u lil kull ġens u tribù u lsien u poplu.” (Rivelazzjoni 14:6) Bħala twettiq taʼ din il-​viżjoni profetika, l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla qed tiġi pridkata madwar id-​dinja b’diversi ilsna, jew lingwi. Ħafna minn dawn il-​lingwi huma mitkellma minn immigranti li jgħixu ’l bogħod ħafna minn pajjiżhom. Dawn l-​individwi wkoll qed jisimgħu l-​aħbar tajba mingħand Xhieda taʼ Ġeħova żelużi li tgħallmu lingwa oħra.

Tinsab int fost dawn ix-​Xhieda li qed jaqdu maʼ kongregazzjoni taʼ lingwa barranija? Jew forsi qed taħsibha biex tagħmel hekk? Jekk trid tirnexxi fl-​isforz tiegħek, irid ikollok motivazzjoni mhix egoista u attitudni mentali xierqa. Ladarba l-​objettiv tiegħek hu li tgħin lill-​oħrajn jitgħallmu l-​verità mill-​Kelma t’Alla, int għandek l-​aqwa motivazzjoni possibbli​—l-​imħabba għal Alla u għall-​proxxmu. (Mattew 22:​37-39; 1 Korintin 13:1) Ix-​xewqa biex tgħin lil oħrajn isiru jafu lil Alla tipprovdi motivazzjoni ħafna iktar qawwija milli sempliċement biex tgawdi l-​kumpanija, l-​ikel, u l-​kultura taʼ nies minn nazzjonalità jew grupp ieħor. Tħossu diffiċli wisq il-​prospett li titgħallem lingwa oħra? Jekk inhu hekk, se jkun t’għajnuna li jkollok perspettiva xierqa. “Tħallix il-​lingwa tintimidak,” jgħid James, li tgħallem il-​Ġappuniż. Meta tirrealizza li ħafna oħrajn qablek irnexxielhom jagħmlu dan se tiġi megħjun tippersevera u żżomm attitudni pożittiva. Allura, kif tistaʼ titgħallem lingwa ġdida? X’se jgħinek taġġusta ruħek għall-​kongregazzjoni fejn tintuża dik il-​lingwa? U x’għandek tagħmel biex tibqaʼ b’saħħtek spiritwalment?

Tgħallem il-​Lingwa Kif Suppost

Hemm ħafna modi kif tistaʼ titgħallem lingwa. L-​istudenti u l-​għalliema għandhom preferenzi li jvarjaw. Però, ħafna studenti jitgħallmu iktar malajr u iktar faċilment meta jattendu ftit lezzjonijiet mogħtijin minn għalliem kwalifikat. Jekk taqra l-​Bibbja u pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja bil-​lingwa l-​ġdida u tismaʼ kwalunkwe rikording li hu disponibbli se tiġi megħjun biex tibni l-​vokabolarju tiegħek u se ssir iktar familjari maʼ l-​espressjonijiet teokratiċi. Programmi fuq ir-​radju, it-​televixin, u l-​vidjos b’kontenut adattat jistgħu wkoll jgħinuk tifhem aħjar il-​lingwa u l-​kultura. U dwar it-​tul tas-​sessjonijiet taʼ l-​istudju, jekk tistudja ftit kuljum ġeneralment se jkun iktar effettiv minn perijodi twal taʼ studju imma inqas spissi, li jistgħu jkunu tedjanti.

Meta titgħallem lingwa tkun qisek qed titgħallem tgħum. Ma tistax titgħallem tgħum billi sempliċement taqra ktieb. Trid tintefaʼ fl-​ilma u ċċafċaf ’l hemm u ’l hawn fih. Huwa l-​istess meta titgħallem lingwa. Huwa diffiċli titgħallimha sempliċement bl-​istudju. Trid iżżomm kuntatt man-​nies kulmeta tistaʼ—tismagħhom jitkellmu, tagħmilha magħhom, u m’għandniex xi ngħidu, tkellimhom! L-​attivitajiet Kristjani jipprovdu ambjent ideali għal dan. Spiss, tistaʼ tuża dak li titgħallem mill-​ewwel fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. “Tistaʼ tħossok beżgħan,” tinnota Midori, li qed titgħallem iċ-​Ċiniż, “imma l-​inkwilini jistgħu jaraw li aħna x-​Xhieda qed nagħmlu sforz kbir. Dan jistaʼ jqanqlilhom qalbhom. Biżżejjed jekk ngħidulhom, ‘Għandi pjaċir’ bil-​lingwa tagħhom, u tara għajnejhom jixegħlu!”

Il-laqgħat Kristjani wkoll huma t’għajnuna kbira. F’kull laqgħa, ipprova kkummenta minn taʼ l-​inqas darba. Minkejja kemm dan jistaʼ jidher tal-​biżaʼ fil-​bidu, tinkwetax. Il-​kongregazzjoni tridek tirnexxi! Monifa, li qed titgħallem il-​Korean, tgħid: “Kemm jien grata lejn l-​oħt li toqgħod bil-​qiegħda ħdejja waqt il-​laqgħat, tiktibli t-​tifsir taʼ ċertu kliem. Minħabba li tappoġġani bl-​imħabba u l-​paċenzja hi tgħinni ħafna.” Hekk kif il-​vokabolarju tiegħek jikber, int se tkun tistaʼ tibda taħseb bil-​lingwa l-​ġdida—tqabbel il-​kliem direttament maʼ dak li jirrappreżenta minflok maʼ tittraduċi kull kelma f’moħħok.

L-ewwel mira lingwistika tiegħek għandha tkun li ‘tlissen kliem li jinftiehem faċilment.’ (1 Korintin 14:​8-11) Għalkemm in-​nies għandhom mnejn ikunu tolleranti, l-​iżbalji jew aċċent qawwi jistaʼ jtellifhom milli jisimgħu l-​messaġġ tiegħek. Jekk mill-​bidu tagħti kas sew il-​pronunzja u l-​grammatika tajba se tiġi megħjun biex ma tiżviluppax drawwiet ħżiena li huma diffiċli biex taqtagħhom. Mark, li tgħallem is-​Swaħili, jissuġġerixxi: “Staqsi lil xi kelliema tajbin biex jikkoreġu l-​agħar żbalji tiegħek, imbagħad irringrazzjahom talli jagħmlu dan!” M’għandniex xi ngħidu, uri konsiderazzjoni għall-​ħin u l-​enerġija taʼ dawk li jgħinuk b’dan il-​mod. Għalkemm tistaʼ tistaqsi lil xi ħadd biex jiċċekkjalek xogħlok, ipprova ħejji t-​taħditiet u l-​kummenti tiegħek billi tuża l-​kliem li diġà taf jew li fittixt. Dan se jgħinek titgħallem iktar malajr u se jgħinek titkellem b’mod kunfidenti.

Ibqaʼ Agħmel Progress

“Qatt ma kelli biċċa xogħol iktar iebsa milli nitgħallem lingwa ġdida,” tgħid Monifa. “Ġieli nħoss li rrid nieqaf. Imma mbagħad niftakar f’kemm l-​istudenta tal-​Bibbja tħobb tismaʼ l-​veritajiet profondi mill-​Bibbja bil-​Korean sempliċi tiegħi u fil-​ferħ li juru l-​aħwa meta nagħmel saħansitra progress ċkejken.” Il-​punt hu, taqtax qalbek malajr. Il-​mira tiegħek hi li tkun tistaʼ tgħallem lill-​oħrajn il-​veritajiet Skritturali li jsalvaw il-​ħajjiet. (1 Korintin 2:10) Għalhekk, biex titgħallem kif għandek tgħallem il-​Bibbja b’lingwa oħra jeħtieġ li tagħmel sforz biex tibqaʼ konċentrat għal żmien twil. Hekk kif tagħmel progress, toqgħodx tqabbel b’mod negattiv il-​progress tiegħek maʼ dak li jagħmel ħaddieħor. Dawk li jitgħallmu lingwa ġdida jagħmlu progress b’pass differenti u b’modi differenti. Madankollu, huwa utli li toqgħod attent għall-​progress li tagħmel int stess. (Galatin 6:4) “Meta tiġi biex titgħallem lingwa, il-​progress hu bħal meta titlaʼ t-​taraġ,” jinnota Joon, li qed jitgħallem iċ-​Ċiniż. “Meta tħoss li m’intix tagħmel progress, f’daqqa waħda tirrealizza li tkun għamilt progress.”

Il-proċess biex titgħallem lingwa ġdida jdum sejjer tul ħajtek. Għalhekk, gawdi dan il-​vjaġġ, u tistenniex il-​perfezzjoni. (Salm 100:2) Ma tistax tevita l-​iżbalji. Huma parti mill-​proċess tat-​tagħlim. Meta beda jippriedka bit-​Taljan, ħu Kristjan staqsa lill-​inkwilin, “Taf x’inhi l-​ixkupa tal-​ħajja?” Hu ried jgħid “l-​iskop tal-​ħajja.” Xhud li kien għadu kif beda jitgħallem il-​Pollakk stieden lill-​kongregazzjoni biex tkanta l-​kelb minflok l-​għanja. U permezz taʼ bidla ċkejkna fl-​intonazzjoni, individwu li kien qed jitgħallem iċ-​Ċiniż ħeġġeġ lill-​udjenza tiegħu biex ikollha fidi fil-​librerija taʼ Ġesù minflok fil-​fidwa. Il-​benefiċċju taʼ l-​iżbalji hu li ħafna drabi t-​termini t-​tajbin ma tinsihomx malajr.

Aħdem mal-​Kongregazzjoni

M’humiex biss id-​differenzi fil-​lingwa li jifirdu n-​nies. Id-​differenzi fil-​kultura, ir-​razza, u n-​nazzjonalità spiss joħolqu firda akbar fost il-​bnedmin. Però, dawn l-​ostakli jistgħu jiġu megħlubin. Wieħed studjuż li studja l-​gruppi reliġjużi tal-​lingwa Ċiniża fl-​Ewropa osserva li x-​Xhieda taʼ Ġeħova huma “sopranazzjonali.” Hu nnota li fost ix-​Xhieda “m’hemmx differenza etnika, u l-​lingwa m’hi xejn iktar ħlief mezz li jgħinhom jifhmu l-​kelma t’Alla.” Tabilħaqq, il-​fatt li japplikaw il-​prinċipji Bibliċi jgħin lill-​Kristjani veri biex jegħlbu d-​differenzi nazzjonali. Għal dawk li jilbsu l-​personalità l-​ġdida, ‘la hemm Grieg u lanqas Lhudi, [u lanqas] barrani.’—Kolossin 3:​10, 11.

Għalhekk, kulħadd fil-​kongregazzjoni għandu jaħdem biex iżomm l-​għaqda. Dan jirrikjedi li dak li jkun jaċċetta mod ġdid taʼ kif ħaddieħor jaħseb, iħossu, u jagħmel l-​affarijiet. Tistaʼ tevita li d-​differenzi jsiru firdiet billi ma tiffokax iżżejjed fuq il-​preferenzi persunali. (1 Korintin 1:10; 9:​19-23) Tgħallem gawdi l-​aqwa elementi tal-​kulturi kollha. Ftakar li l-​imħabba mhix egoista hija fundamentali għal relazzjonijiet tajbin u għal għaqda vera.

Ħafna kongregazzjonijiet taʼ lingwa barranija jibdew bħala gruppi żgħar, li spiss jikkonsistu l-​iktar f’dawk li jkunu qed jitgħallmu l-​lingwa l-​ġdida, flimkien maʼ ftit uħud li jkunu għadhom kif bdew jitgħallmu l-​prinċipji Bibliċi. Għalhekk, hemm ċans akbar li jinqalaʼ nuqqas taʼ ftehim fi gruppi żgħar bħal dawn milli f’kongregazzjonijiet kbar u stabbiliti. Għalhekk, il-​Kristjani maturi għandhom iħabirku biex iġibu iktar stabbiltà fil-​kongregazzjoni. Jekk nuru l-​imħabba u l-​qalb tajba bil-​kliem u bl-​għemil nistgħu ngħinu biex jinħoloq ambjent li fih il-​ġodda jkunu jistgħu jikbru spiritwalment.

Dawk li joffru ruħhom biex jgħinu f’kongregazzjoni taʼ lingwa barranija jridu wkoll ikunu bilanċjati f’dak li jistennew minn oħrajn. Rick, anzjan li jaqdi f’kongregazzjoni bħal din, jispjega: “Xi Xhieda li huma iktar ġodda għandhom mnejn ma jkunux imħarrġin daqshekk tajjeb fil-​mod kif jimxu l-​affarijiet fl-​organizzazzjoni daqs dawk fil-​kongregazzjonijiet tal-​lingwa lokali. Imma dak li jonqoshom fejn tidħol l-​abbiltà, spiss ipattu għalih bl-​imħabba u l-​entużjażmu tagħhom. U ħafna wħud interessati ġodda qed jiġu fil-​verità.” Jekk tkun disponibbli regolarment u tagħti minnek innifsek bi kwalunkwe mod li tistaʼ, int se tkun taʼ benefiċċju kbir għall-​kongregazzjoni, anki waqt li għadek qed titgħallem il-​lingwa. Jekk kulħadd jaħdem flimkien, kulħadd jistaʼ jikkontribwixxi biex il-​kongregazzjoni tikber spiritwalment.

Ibqaʼ b’Saħħtek Spiritwalment

Ħu li kien relattivament ġdid f’kongregazzjoni taʼ lingwa barranija semaʼ lil waħda omm li kienet qed tgħin lil binha biex jipprepara kumment. “Imma ma, ma nistgħux inqassruh ftit?” qalilha t-​tifel. “Le, ħanini,” wiġbitu ommu. “Irridu nħallu l-​kummenti qosra għal dawk li qed jitgħallmu l-​lingwa.”

Xi ħadd adult jistaʼ jsibha tassew diffiċli mentalment, emozzjonalment, u spiritwalment li jqattaʼ xhur jew snin sħaħ mingħajr ma jistaʼ jikkomunika sew. “Malajr kienu jaqbduni dwejjaq kbar minħabba l-​limitazzjonijiet tiegħi,” tiftakar Janet, li issa hi fluwenti fl-​Ispanjol. Hiroko, li tgħallmet l-​Ingliż, tiftakar li kienet taħseb: ‘Anki l-​klieb u l-​qtates fit-​territorju jifhmu l-​Ingliż iktar minni.’ U Kathie tgħid: “Meta mort ngħin lil kongregazzjoni taʼ l-​Ispanjol, filli kelli diversi studji tal-​Bibbja u ktieb mimli żjajjar lura, u filli sibt ruħi b’xejn. Ħassejtni qisni ma kont qed nagħmel xejn.”

Dan hu l-​mument fejn ikun essenzjali li żżomm attitudni pożittiva. Meta kienet tħossha skuraġġita, Hiroko kienet tirraġuna: “Jekk oħrajn jirnexxilhom, mela anki jien.” Kathie qalet: “Jien naħseb f’żewġi, li tassew qed jagħmel progress tajjeb u qed jagħmel ħafna sforzi fil-​kongregazzjoni. Dan kien jgħinni nibqaʼ għaddejja. Xorta jinvolvi ħafna xogħol, imma bil-​mod il-​mod qed intejjeb l-​abbiltà tiegħi biex nippriedka u ngħallem, u dan iferraħni.” Żewġha, Jeff, iżid: “Tistaʼ tħossok frustrat meta ma tifhimx kulma qed jingħad fl-​avviżi u fil-​laqgħat taʼ l-​anzjani. Irrid inkun sinċier u umli u nitlob id-​dettalji, imma l-​aħwa huma kuntenti li jgħinuni.”

Biex tevita li tħossok eżawrit spiritwalment waqt li taħdem maʼ kongregazzjoni taʼ lingwa barranija, ma tridx tinsa tagħti prijorità lis-​saħħa spiritwali tiegħek. (Mattew 5:3) Kazuyuki, li għal ħafna snin qeda fil-​qasam tal-​Portugiż, qal: “Huwa importanti li nieħdu biżżejjed nutriment spiritwali. Dan hu għala bħala familja nistudjaw u nippreparaw għal-​laqgħat kemm bil-​lingwa tagħna u kemm bil-​Portugiż.” Xi wħud kultant jattendu laqgħat bil-​lingwa tagħhom stess. Iktar minn hekk, huwa vitali li tieħu biżżejjed mistrieħ.—Marku 6:31.

Ikkalkula l-​Ispejjeż

Jekk qed taħseb biex tmur taqdi f’kongregazzjoni fejn tintuża lingwa oħra, trid tikkalkula l-​ispejjeż involuti biex tagħmel dan. (Luqa 14:28) F’dan ir-​rigward, l-​iktar aspetti importanti li għandek tikkunsidra huma l-​ispiritwalità tiegħek u r-​relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova. Eżamina s-​sitwazzjoni tiegħek bit-​talb. Ikkunsidra lill-​parti l-​oħra fiż-​żwieġ u lil uliedek. Staqsi lilek innifsek, ‘Għandi jien iċ-​ċirkustanzi u s-​saħħa spiritwali u emozzjonali meħtieġa biex nidħol għal proġett fit-​tul bħal dan?’ Ikun għaqli li tagħmel dak li hu l-​aħjar spiritwalment għalik u għall-​familja tiegħek. Hemm ħafna x’tistaʼ tagħmel u tistaʼ ssib ħafna ferħ kulfejn taqdi bħala proklamatur tas-​Saltna.

Għal dawk li jistgħu jaqdu f’kongregazzjoni taʼ lingwa barranija, hemm barkiet kbar. “Din hi waħda mill-​iktar esperjenzi hienja taʼ ħajti,” tgħid Barbara, li marret tgħin f’kongregazzjoni taʼ l-​Ispanjol maʼ żewġha. “Qisek terġaʼ tibda fil-​verità mill-​bidu. Inħossni tassew grata għal din l-​opportunità, speċjalment minħabba li ma nistgħux naqdu bħala missjunarji f’pajjiż ieħor.”

Madwar id-​dinja, eluf taʼ nies ordinarji t’etajiet differenti qed jaċċettaw l-​isfida biex jitgħallmu lingwa oħra ħalli jmexxu ’l quddiem l-​aħbar tajba. Jekk int tinsab fosthom, żomm il-​motivazzjoni tiegħek pura u l-​attitudni tiegħek pożittiva. Iktar minn hekk, afda f’Ġeħova biex iberiklek l-​isforzi tiegħek.—2 Korintin 4:7.

[Stampa f’paġna 18]

Ftit lezzjonijiet mogħtijin minn għalliem kwalifikat jgħinuk titgħallem iktar faċilment u iktar malajr

[Stampa f’paġna 20]

M’għandekx tipperikola s-​saħħa spiritwali tiegħek waqt li tkun qed titgħallem lingwa barranija