Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Ġob
Il-Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja
Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Ġob
IL-PATRIJARKA Ġob kien jgħix fil-belt t’Għus, li issa qiegħda fl-Għarabja. Dak iż-żmien, numru kbir taʼ Iżraelin kienu qed jgħixu fl-Eġittu. Għalkemm ma kienx Iżraeli, Ġob kien aduratur t’Alla Ġeħova. Dwaru, il-Bibbja tgħid: “Ma hawnx ieħor bħalu fid-dinja, raġel perfett u tajjeb, jibżaʼ minn Alla u mbiegħed mill-ħażen.” (Ġob 1:8) Wisq probabbli dan kien il-perijodu taʼ żmien bejn il-ħajja taʼ żewġ qaddejja taʼ Ġeħova li tant spikkaw—Ġużeppi, bin Ġakobb, u l-profeta Mosè.
Mosè, li huwa maħsub li kien il-kittieb tal-ktieb taʼ Ġob, probabbli sar jaf dwar Ġob meta għex f’Midjan għal 40 sena, post qrib Għus. Mosè setaʼ semaʼ dwar l-aħħar ftit snin taʼ ħajjet Ġob meta l-Iżraelin kienu qrib Għus lejn l-aħħar taʼ l-40 sena li għamlu fid-deżert. * L-esperjenza taʼ Ġob tant hi miktuba b’mod sabiħ li dan ir-rakkont huwa meqjus bħala kapulavur letterarju. Iktar minn hekk, iwieġeb mistoqsijiet bħal: In-nies tajbin għala jsofru? Ġeħova għala jippermetti l-ħażen? Jistgħu n-nies imperfetti jżommu l-integrità tagħhom lejn Alla? Peress li huwa parti mill-Kelma ispirata t’Alla, il-messaġġ tal-ktieb taʼ Ġob huwa ħaj u qawwi saħansitra llum.—Ebrej 4:12.
“QERDA GĦAL JUM TWELIDI”
Darba minnhom, Satana sfida l-integrità taʼ Ġob quddiem Alla. Ġeħova aċċetta l-isfida u ħalla lil Satana jġib gwaj wara l-ieħor fuq Ġob. Imma Ġob irrifjuta li ‘jisħet ’l Alla.’—Ġob 2:9.
It-tlett iħbieb taʼ Ġob waslu biex “juruh is-sogħba tagħhom,” jew biex jissimpatizzaw miegħu. (Ġob 2:11) Huma poġġew bil-qiegħda miegħu mingħajr ma qalu xejn sakemm Ġob kiser is-silenzju billi qal: “Qerda għal jum twelidi.” (Ġob 3:3) Hu xtaq li jkun “bħat-trabi li qatt ma raw id-dawl,” jew bħal dawk li twieldu mejtin.—Ġob 3:11, 16.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
1:4—Kienu wlied Ġob jiċċelebraw jum it-twelid? Le, ma kinux. Il-kliem fl-oriġinal għal “jum” u “jum it-twelid” huwa differenti, u kull waħda minnhom għandha t-tifsira tagħha. (Ġenesi 40:20) F’Ġob 1:4, tiġi użata l-kelma “jum,” li tfisser il-perijodu tal-ħin bejn tlugħ u nżul ix-xemx. Darba f’sena, is-sebaʼ wlied subien taʼ Ġob milli jidher kienu jagħmlu ikla li kienet iddum sejra sebat ijiem u fiha kienu jlaqqgħu l-familja kollha. Hekk kif kienu jagħmlu dawra sħiħa taʼ festi, kull iben kien jagħmel l-ikla f’daru “fil-jum li jmissu.”
1:6; 2:1—Min setaʼ jidher quddiem Ġeħova? Fost dawk li kienu jersqu quddiem Ġeħova kien hemm l-Iben uniġenitu t’Alla, il-Kelma; l-anġli leali; u l-ulied anġeliċi diżubbidjenti t’Alla, inkluż Satana x-Xitan. (Ġwanni 1:1, 18) Satana u d-demonji tiegħu tkeċċew mis-sema biss ftit wara li ġiet stabbilita s-Saltna t’Alla fl-1914. (Rivelazzjoni 12:1-12) Billi ħalliehom jersqu quddiemu, Ġeħova ppreżenta l-isfida li qajjem Satana u l-kwistjonijiet kollha relatati magħha quddiem il-ħlejjaq spirti kollha.
1:7; 2:2—Kien Ġeħova tkellem direttament maʼ Satana? Il-Bibbja ma tantx tagħti dettalji dwar kif Ġeħova jikkomunika mal-ħlejjaq spirti. Madankollu, il-profeta Mikajja kellu viżjoni li fiha ra anġlu li kien qed jikkomunika direttament maʼ Ġeħova. (1 Slaten 22:14, 19-23) Mela, milli jidher Ġeħova tkellem maʼ Satana mingħajr m’uża xi medjatur.
1:21—Ġob b’liema mod setaʼ jmur lura ‘f’ġuf ommu’? Ladarba Alla Ġeħova fforma lill-bniedem “mit-trab taʼ l-art,” it-terminu ‘omm’ hawnhekk huwa użat b’mod figurattiv biex jirreferi għall-art.—Ġenesi 2:7.
2:9—Mart Ġob f’liema stat mentali x’aktarx li kienet meta qalet lil żewġha biex jisħet lil Alla u jmut? Il-mara taʼ Ġob kienet sofriet l-istess telfiet li kien sofra żewġha. Żgur li kien taʼ wġigħ għaliha li tara lil żewġha li darba kien attiv milqut minn marda moqżieża. Hi kienet tilfet lill-għeżież uliedha. Probabbli tant kienet imnikkta minħabba dan kollu, li hi ma baqgħetx tirrifletti fuq dak li kien verament importanti—ir-relazzjoni tagħhom m’Alla.
Lezzjonijiet Għalina:
1:8-11; 2:3-5. Bħalma juri l-każ taʼ Ġob, minbarra li għandu jkollna azzjonijiet u kliem xierqa, l-integrità teħtieġ li naqdu lil Ġeħova b’motiv tajjeb.
1:21, 22. Jekk nibqgħu leali lejn Ġeħova kemm f’ċirkustanzi favorevoli u kemm f’ċirkustanzi mhux favorevoli, aħna nistgħu nuru li Satana huwa giddieb.—Proverbji 27:11.
2:9, 10. Bħal Ġob, aħna għandna nżommu sod fil-fidi anki jekk xi membri tal-familja ma jqisux l-attivitajiet spiritwali tagħna bħala taʼ valur jew jekk jagħmlulna pressjoni biex nagħmlu kompromess jew niċħdu l-fidi tagħna.
2:13. Sħab Ġob ma kellhom xejn taʼ faraġ x’jgħidu dwar Alla u l-wegħdi tiegħu, għax dawn ma kinux jaraw l-affarijiet mill-ħarsa t’Alla.
“MA NWARRABX MINNI L-INTEGRITÀ TIEGĦI”
Il-punt bażiku li għamlu t-tlett iħbieb taʼ Ġob fid-diskors tagħhom kien li Ġob bilfors għamel xi ħaġa ħażina ħafna biex Alla kien qed jikkastigah b’mod tant aħrax. Elifaż beda d-diskors. Bildad kompla wara Elifaż, billi uża kliem iniggeż iktar. Sofar kien saħansitra iktar aħrax.
Ġob m’aċċettax l-irraġunar falz tal-viżitaturi tiegħu. Billi ma setax jifhem għala Alla kien qed jippermetti s-sofferenza tiegħu, hu sar konċernat iżżejjed dwar li jiġġustifika lilu nnifsu. Madankollu, Ġob kien iħobbu lil Alla u qal: “Sa ma mmut ma nwarrabx minni l-integrità tiegħi.”—Ġob 27:5, Karm Żammit.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
7:1; 14:14, NW—Xi tfisser il-frażi “xogħol bilfors” jew “servizz obbligatorju”? In-niket taʼ Ġob tant kien kbir li hu kien iqis il-ħajja bħala xogħol taʼ bilfors, iebes u diffiċli. (Ġob 10:17, nota taʼ taħt, NW) Ladarba ż-żmien li dak li jkun iqattaʼ f’Xeol—mill-mewt sa l-irxoxt—huwa perijodu li jrid jgħaddi minnu bilfors, Ġob qabbel dan iż-żmien maʼ servizz obbligatorju.
7:9, 10; 10:21; 16:22—Jindikaw dawn l-istqarrijiet li Ġob ma kienx jemmen fl-irxoxt? Dawn il-kummenti saru dwar il-futur immedjat taʼ Ġob. Mela, x’ried ifisser? Waħda mill-possibbiltajiet hi li kieku miet, ħadd minn dawk taʼ madwaru ma kien se jarah. Mill-ħarsa tagħhom, hu la kien se jmur lura d-dar u lanqas kien se jiġi rikonoxxut sakemm jiġi ż-żmien stabbilit t’Alla. Ġob setaʼ ried ifisser ukoll li ħadd ma setaʼ jġib lilu nnifsu lura minn Xeol. Il-fatt li Ġob kien jittama fi rxoxt fil-futur jidher ċar minn Ġob 14:13-15.
10:10—Ġeħova kif ‘sawwab [lil Ġob] bħall-ħalib u għaqqdu bħall-baqta’? Din hija deskrizzjoni poetika taʼ kif Ġob kien ġie fformat f’ġuf ommu.
19:20, NW—Ġob x’ried ifisser bl-espressjoni “naħrab bil-ġilda taʼ snieni”? Meta qal li ħarab bil-ġilda taʼ xi ħaġa li mid-dehra m’għandhiex ġilda, Ġob forsi kien qed jgħid li hu ma kien fadallu xejn.
Lezzjonijiet Għalina:
4:7, 8; 8:5, 6; 11:13-15. M’għandna qatt nassumu li jekk individwu jkun għaddej minn xi niket ikun qed jaħsad dak li jkun żeraʼ u li m’għandux l-approvazzjoni t’Alla.
4:18, 19; 22:2, 3. Il-pariri tagħna għandhom ikunu bbażati fuq il-Kelma t’Alla, u mhux fuq l-opinjoni persunali tagħna.—2 Timotju 3:16.
10:1. L-imrar tant għema lil Ġob li ma baqax jikkunsidra x’setgħu kienu r-raġunijiet għala kien qed isofri. M’għandniex nimtlew bl-imrar meta nkunu għaddejjin minn xi sofferenza, speċjalment ladarba għandna fehma iktar ċara tal-kwistjonijiet involuti.
14:7, 13-15; 19:25; 33:24. Waqt kwalunkwe prova li Satana jġib fuqna, it-tama taʼ l-irxoxt tistaʼ ssaħħaħna.
16:5; 19:2. Kliemna għandu jinkuraġġixxi u jsaħħaħ lil oħrajn u mhux jirritahom.—Proverbji 18:21.
22:5-7. Pariri li jingħataw fuq akkużi li m’għandhomx evidenza soda huma bla valur u jagħmlu l-ħsara.
27:2; 30:20, 21. Il-fatt li nżommu l-integrità ma jfissirx li rridu nkunu perfetti. Ġob b’mod żbaljat ikkritika lil Alla.
27:5, KŻ. Ġob biss setaʼ jneħħi l-integrità tiegħu għax l-integrità tiddependi mill-imħabba li dak li jkun ikollu għal Alla. Għalhekk, irridu nikkultivaw imħabba qawwija għal Ġeħova.
28:1-28. Il-bniedem jaf fejnhom it-teżori taʼ l-art. Hekk kif ifittex għalihom, l-abbiltà tiegħu twasslu għal passaġġi taħt l-art li l-ebda għasfur tal-priża li jara fil-bogħod ma jistaʼ jara. Madankollu, l-għerf divin jiġi mill-biżaʼ taʼ Ġeħova.
29:12-15. Għandna nuru qalb tajba bl-imħabba minn jeddna lejn dawk kollha li huma fil-bżonn.
31:1, 9-28. Ġob tana eżempju għax hu ma kienx jitkessaħ maʼ dawk tas-sess oppost, kien jaħrab mill-adulterju, ma kienx inġust jew aħrax m’oħrajn, u kien jaħrab il-materjaliżmu u l-idolatrija.
NINDEM FIT-TRAB U L-IRMIED
Eliħu, żagħżugħ li kien fil-viċin, qagħad jismaʼ bil-paċenzja dak kollu li kien qed jingħad. Imbagħad, hu bil-qlubija jesprimi ruħu. Hu kkoreġa lil Ġob u lit-tlieta li kienu qed jitturmentawh.
Hekk kif Eliħu waqaf jitkellem, Ġeħova wieġbu minn tempesta. Hu ma tax spjegazzjoni dwar għala Ġob kien qed isofri. Madankollu, billi staqsa xi mistoqsijiet, Dak li jistaʼ kollox jagħmel lil Ġob konxju tal-qawwa taʼ l-għaġeb u l-għerf kbir Tiegħu. Ġob ammetta li kien tkellem mingħajr fehma: “Għalhekk inċedi u nindem fit-trab u [l-i]rmied.” (Ġob 42:6) Hekk kif il-provi taʼ Ġob spiċċaw, l-integrità tiegħu ġiet premjata.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
32:1-3—Eliħu x’ħin wasal? Ladarba Eliħu semaʼ d-diskors kollu, mid-dehra kien bil-qiegħda xi mkien fil-viċin ħalli jkun jistaʼ jismaʼ l-konversazzjoni qabel ma tkellem Ġob u temm is-silenzju taʼ sebat ijiem tat-tlett iħbieb tiegħu.—Ġob 3:1, 2.
34:7—Ġob kif kien bħal raġel li “jixrob bħall-ilma ż-żebliħ”? Fl-istat imnikket tiegħu, Ġob kellu t-tendenza li jqis iż-żebliħ tat-tliet viżitaturi tiegħu bħala li kien immirat lejh, meta fil-fatt huma kienu qed jitkellmu kontra Alla. (Ġob 42:7) Għalhekk, hu kien qed jieħu ż-żebliħ bħal xi ħadd li jieħu gost jixrob l-ilma.
Lezzjonijiet Għalina:
32:8, 9. L-għerf ma jiġix biss bl-età. Jirrikjedi li dak li jkun jifhem il-Kelma t’Alla u jiġi gwidat mill-ispirtu tiegħu.
34:36. L-integrità tkun provata meta b’xi mod jew ieħor niġu ‘mġarrbin sa l-aħħar.’
35:2. Eliħu qagħad jismaʼ b’attenzjoni u ra x’kienet eżatt il-kwistjoni qabel ma tkellem. (Ġob 10:7; 16:7; 34:5) Qabel ma jagħtu xi parir, l-anzjani Kristjani għandhom jisimgħu b’attenzjoni, jiġbru l-fatti, u jifhmu ċar il-kwistjonijiet kollha involuti.—Proverbji 18:13.
37:14; 38:1–39:30. Jekk nirriflettu fuq ix-xogħlijiet meraviljużi taʼ Ġeħova—l-espressjonijiet tiegħu taʼ qawwa u għerf—se niġu umiljati u megħjunin naraw li l-vindikazzjoni tas-sovranità tiegħu hija iktar importanti minn kwalunkwe wieħed mill-interessi persunali tagħna.—Mattew 6:9, 10.
40:1-4. Meta nħossu li se ngergru kontra Dak li jistaʼ kollox għandna ‘nqiegħdu idna fuq ħalqna.’
40:15–41:26 (40:15–41:34, NW). Kemm huma b’saħħithom l-ippopotamu u l-kukkudrill! Sabiex inkunu nistgħu nissaportu fis-servizz t’Alla, aħna wkoll għandna bżonn is-saħħa mingħand il-Wieħed li għamel dawn l-annimali b’saħħithom, dak li jagħtina l-qawwa.—Filippin 4:13.
42:1-6. Meta semaʼ l-kelma taʼ Ġeħova u ġie mfakkar fil-qawwa tiegħu, Ġob ġie megħjun ‘jara lil Alla,’ jew jara l-verità dwaru. (Ġob 19:26) Dan għenu jaġġusta l-irraġunar tiegħu. Meta niġu koreġuti mill-Iskrittura għandna nkunu ħerqanin biex nammettu l-iżball tagħna u nagħmlu aġġustamenti.
Ikkultiva s-“Sabar taʼ Ġob”
Il-ktieb taʼ Ġob juri biċ-ċar li Alla m’huwiex responsabbli għas-sofferenza tal-bniedem. Satana hu l-wieħed responsabbli. Il-fatt li Alla ppermetta l-ħażen fuq l-art jagħtina l-opportunità biex nagħtu tweġiba persunali dwar fejn aħna fil-kwistjonijiet tas-sovranità taʼ Ġeħova u l-integrità tagħna.
Bħal Ġob, dawk kollha li jħobbu lil Ġeħova se jiġu mġarrbin. Ir-rakkont taʼ Ġob jagħtina l-kuraġġ biex nissaportu. Ifakkarna li l-problemi mhux se jibqgħu għal dejjem. Ġakbu 5:11 jgħid: “Smajtu bis-sabar taʼ Ġob u rajtu t-tmiem li tah Ġeħova.” Ġeħova ppremja lil Ġob talli żamm l-integrità tiegħu. (Ġob 42:10-17) X’tama sabiħa għandna quddiemna—ħajja taʼ dejjem f’Ġenna fuq l-art! Bħal Ġob, ejja nkunu determinati li nżommu l-integrità tagħna.—Ebrej 11:6.
[Nota taʼ taħt]
^ par. 2 Il-ktieb taʼ Ġob ikopri perijodu taʼ iktar minn 140 sena, bejn is-sena 1657 u s-sena 1473 Q.E.K.
[Stampi f’paġna 16]
X’nistgħu nitgħallmu mis-“sabar taʼ Ġob”?