Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġeħova Jeħles lill-Imnikket

Ġeħova Jeħles lill-Imnikket

Ġeħova Jeħles lill-​Imnikket

“Kbar huma l-​ħsarat tar-​raġel sewwa, iżda minnhom kollha jeħilsu l-​Mulej.”​—SALM 34:20 (34:​19, NW).

MARA żagħżugħa jisimha Keiko a ilha Xhud taʼ Ġeħova għal iktar minn 20 sena. Għal xi żmien, hi qdiet bħala pijuniera regulari, jew proklamatriċi tas-​Saltna full-time. Hi apprezzat ħafna dan il-​privileġġ. Madankollu, ftit taż-​żmien ilu, Keiko ħassitha dipressa u iżolata. Hi tgħid: “Kulma stajt nagħmel kien li nibki.” Sabiex tiġġieled kontra l-​ħsibijiet negattivi tagħha, Keiko ddedikat iktar ħin għall-​istudju persunali. “Xorta waħda, ma stajtx inbiddel il-​mod taʼ ħsieb tiegħi,” tgħid hi. “Wasalt sal-​punt li ridt immut.”

2 Ġieli kellek tkampa maʼ sentimenti simili taʼ disperazzjoni? Bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, għandek raġuni biżżejjed biex tifraħ għaliex id-​devozzjoni lejn Alla “toffri l-​wegħda tal-​ħajja t’issa u taʼ dik li ġejja.” (1 Timotju 4:8) Issa stess int tgħammar f’ġenna spiritwali! Però, ifisser dan li int protett min-​niket kollu? Dażgur li le! Il-​Bibbja tgħid: “Kbar huma l-​ħsarat tar-​raġel sewwa.” (Salm 34:20 [34:​19, NW]) Dan ma jissorprendiniex, għaliex “id-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin,” Satana x-​Xitan. (1 Ġwanni 5:19) Sa ċertu punt, ilkoll kemm aħna nesperjenzaw l-​effetti taʼ din ir-​realtà.​—Efesin 6:12.

L-​Effetti tan-​Niket

3 Meta nagħmlu perijodu twil dipressi, il-​ħarsa tagħna kollha kemm hi tistaʼ tiġi effettwata. (Proverbji 15:15) Ikkunsidra lir-​raġel rett Ġob. Meta kien għaddej minn sitwazzjoni diffiċli ħafna, Ġob qal: “Il-​bniedem imwieled minn mara għandu ħajja qasira, imma tbatija għandu biżżejjed.” (Ġob 14:1) Il-​ferħ taʼ Ġob kien sparixxa. Għal xi żmien, hu saħansitra ħaseb li Ġeħova kien abbandunah. (Ġob 29:​1-5) Ġob ma kienx l-​uniku qaddej t’Alla li esperjenza hemm kbir. Il-​Bibbja tgħidilna li Anna kellha “qalbha kollha mrar” minħabba li ma kellhiex tfal. (1 Samwel 1:​9-11) Turmentata minħabba sitwazzjoni fil-​familja, Rebekka qalet: “Iddejjaqt minn ħajti.” (Ġenesi 27:46) Meta rrifletta fuq in-​nuqqasijiet tiegħu, David qal: “Il-​jum kollu ngħaddih fid-​dwejjaq.” (Salm 38:7 [38:​6, NW]) Dawn il-​ftit eżempji juruna biċ-​ċar li nisa u rġiel li kellhom il-​biżaʼ t’Alla fl-​era taʼ qabel il-​Kristjanità għaddew minn perijodi taʼ niket kbir.

4 Xi ngħidu dwar il-​Kristjani? L-​appostlu Pawlu ħass il-​bżonn li jgħid lit-​Tessalonikin biex ‘jikkonslaw lid-​dipressi.’ (1 Tessalonikin 5:14) Xogħol taʼ referenza wieħed jgħid li l-​kelma Griega tradotta “dipressi” tistaʼ tirreferi għal dawk “li temporanjament iħossuhom maħkumin mill-​istress tal-​ħajja.” Il-​kliem taʼ Pawlu jindika li xi wħud li kienu midlukin bl-​ispirtu f’dik il-​kongregazzjoni taʼ Tessalonika kienu qalbhom maqtugħa. Illum ukoll hemm uħud dipressi fost il-​Kristjani. Imma għala huma dipressi? Ejja nikkunsidraw tliet raġunijiet komuni għal dan.

L-​Imperfezzjonijiet Tagħna Jistgħu Jnikktuna

5 Għall-kuntrarju taʼ individwi li “tilfu kull sens morali,” il-​Kristjani veri jħossuhom imweġġgħin minħabba l-​istat midneb tagħhom. (Efesin 4:19) Forsi jħossuhom bħalma ħassu Pawlu, li kiteb: “Jien tassew nitgħaxxaq bil-​liġi t’Alla skond il-​bniedem li jien minn ġewwa, imma fil-​membri tiegħi nara liġi oħra tiġġieled kontra l-​liġi taʼ moħħi u tjassarni għal-​liġi tad-​dnub li hemm fil-​membri tiegħi.” Imbagħad Pawlu stqarr: “Bniedem miżerabbli li jien!”​—Rumani 7:​22-24.

6 Ġieli ħassejtek bħalma ħassu Pawlu? M’huwiex ħażin li tkun konxju taʼ l-​imperfezzjonijiet tiegħek, għaliex dan jistaʼ jenfasizzalek is-​serjetà tad-​dnub u jistaʼ jsaħħaħ id-​determinazzjoni tiegħek biex twarrab il-​ħażen. Imma m’hemmx għalfejn tkun dejjem imnikket minħabba n-​nuqqasijiet tiegħek. Mal-​kliem taʼ niket taʼ Pawlu li għadna kif ikkwotajna, hu żied: “Ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu, il-​Mulej tagħna!” (Rumani 7:25) Iva, Pawlu kellu fiduċja li d-​demm imxerred taʼ Ġesù setaʼ jifdih mid-​dnub li wiret.​—Rumani 5:18.

7 Jekk tħossok maħkum mill-​imperfezzjonijiet tiegħek, tistaʼ ssib faraġ fil-​kliem taʼ l-​appostlu Ġwanni, li kiteb: “Jekk xi ħadd jidneb, għandna ajjutant mal-​Missier, lil Ġesù Kristu, li hu ġust. Hu wkoll sagrifiċċju propizjatorju għal dnubietna, iżda mhux għal dnubietna biss imma wkoll għad-​dnubiet tad-​dinja kollha.” (1 Ġwanni 2:​1, 2) Jekk int imnikket minħabba t-​tendenzi midinba tiegħek, dejjem ftakar li Ġesù miet għall-​midinbin, mhux għal bnedmin perfetti. Fil-​fatt, “kollha dinbu u jonqsu milli jilħqu l-​glorja t’Alla.”​—Rumani 3:23.

8 Madankollu, ejja ngħidu li dnibt serjament fil-​passat. Bla dubju, int mort għand Ġeħova bit-​talb dwar il-​kwistjoni, forsi iktar minn darba. Int irċivejt għajnuna spiritwali mill-​anzjani Kristjani. (Ġakbu 5:​14, 15) Int tassew iddispjaċiek, u għalhekk bqajt parti mill-​kongregazzjoni. Jew forsi tlaqt l-​organizzazzjoni t’Alla għal xi żmien, imma iktar tard indimt u rġajt ksibt qagħda nadifa. Fi kwalunkwe sitwazzjoni, id-​dnub li kkommettejt forsi taħseb dwaru u anki tħossok imnikket minħabba fih. Jekk dan jiġri, ftakar li Ġeħova jaħfer “ħafna” lil dawk li tassew jindmu. (Isaija 55:7) Barra minn hekk, ma jridx li tħossok kundannat u bla tama. Huwa Satana li jridek tħossok hekk. (2 Korintin 2:​7, 10, 11) Ix-​Xitan se jinqered għaliex hekk jistħoqqlu, imma jixtieq li int tħoss li jistħoqqlok l-​istess ġudizzju. (Rivelazzjoni 20:10) Tħallix lil Satana jirnexxi f’dan il-​pjan biex jeqred il-​fidi tiegħek. (Efesin 6:11) Minflok, ‘iqaflu’ f’dan ir-​rigward, bħalma tagħmel b’modi oħra.​—1 Pietru 5:9.

9 F’Rivelazzjoni 12:​10, Satana jissejjaħ “l-​akkużatur taʼ ħutna”​—il-​Kristjani midlukin. Hu “lejl u nhar jakkużahom” quddiem Alla. Jekk tirrifletti fuq dan il-​vers tistaʼ tiġi megħjun tara li Satana, l-​akkużatur falz, ikun ferħan jekk int toqgħod takkuża u tikkundanna lilek innifsek, għalkemm Ġeħova ma jħossux b’dan il-​mod. (1 Ġwanni 3:​19-22) Għala toqgħod tinkwieta dwar in-​nuqqasijiet tiegħek sal-​punt li tħossok qed taqtaʼ qalbek? Tħallix lil Satana jeqred ir-​relazzjoni tiegħek m’Alla. Qatt tħalli lix-​Xitan jagħmik għall-​fatt li Ġeħova “jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-​tjieba u l-​fedeltà.”​—Eżodu 34:6.

Il-​Limitazzjonijiet Tagħna Jistgħu Jiskuraġġuna

10 Xi Kristjani jħossuhom skuraġġiti minħabba l-​mod li l-​limitazzjonijiet tagħhom jeffettwaw is-​servizz tagħhom lejn Alla. Huwa dan minnu fil-​każ tiegħek? Jistaʼ jkun li marda serja, età avanzata, jew ċirkustanzi oħrajn iwaqqfuk milli tiddedika l-​istess ammont taʼ ħin fil-​ministeru daqskemm kont tiddedika fil-​passat. Huwa minnu li l-​Kristjani huma inkuraġġiti biex jużaw il-​ħin bl-​aħjar mod fis-​servizz t’Alla. (Efesin 5:​15, 16) Imma xi ngħidu jekk limitazzjonijiet ġenwini jwaqqfuk milli tagħmel iktar fil-​ministeru u dan hu sors taʼ skuraġġiment għalik?

11 Il-Bibbja tħeġġiġna biex ma nkunux għażżenin imma biex inkunu wħud li ‘jimitaw lil dawk li bil-​fidi u l-​paċenzja jirtu l-​wegħdi.’ (Ebrej 6:12) Nistgħu nagħmlu dan biss jekk neżaminaw l-​eżempju mill-​aqwa tagħhom u nipprovaw nimitaw il-​fidi tagħhom. Madankollu, m’aħniex se nibbenefikaw jekk inqabblu lilna nfusna b’mod kritiku m’oħrajn u nikkonkludu li xejn minn dak li nagħmlu m’hu tajjeb biżżejjed. Għalhekk, nagħmlu tajjeb jekk napplikaw il-​parir taʼ Pawlu: “Kull wieħed ħa jagħti prova taʼ x’inhu għemilu, u mbagħad ikollu għalxiex jifraħ b’dak li jagħmel hu stess, u ma jqabbilx ruħu maʼ ħaddieħor.”​—Galatin 6:4.

12 Il-Kristjani għandhom raġuni tajba biex jifirħu, anki meta huma limitati minħabba problemi serji taʼ saħħa. Il-​Bibbja tassigurana: “Alla mhux inġust biex jinsa għemilkom u l-​imħabba li wrejtu għal ismu.” (Ebrej 6:10) Jistaʼ jkun li minħabba ċirkustanzi li m’għandekx kontroll fuqhom huwa diffiċli għalik biex tibqaʼ attiv daqskemm kont qabel. Però, bl-​għajnuna taʼ Ġeħova tistaʼ tieħu sehem iktar bis-​sħiħ f’ċerti aspetti tal-​ministeru Kristjan, bħall-​għoti taʼ xiehda bit-​telefon u bl-​ittri. Int tistaʼ tkun ċert li Alla Ġeħova se jbierkek għas-​servizz li tagħmel b’ruħek kollha u għall-​imħabba li turi għalih u għal sħabek il-​bnedmin.​—Mattew 22:​36-40.

“Żminijiet Kritiċi” Jistgħu Jgħejjuna

13 Għalkemm inħarsu ’l quddiem għall-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida mimlija ġustizzja t’Alla, issa qed ngħixu fi “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1) Aħna niksbu l-​faraġ għaliex nafu li ġrajjiet taʼ niket jippontaw lejn il-​fatt li l-​ħelsien tagħna hu fil-​qrib. Madankollu, aħna niġu effettwati mill-​kundizzjonijiet taʼ madwarna. Per eżempju, xi ngħidu jekk m’għandekx impjieg? Ix-​xogħlijiet forsi huma skarsi, u hekk kif jgħaddu x-​xhur, tistaʼ toqgħod taħseb jekk Ġeħova jarax is-​sitwazzjoni diffiċli tiegħek jew jekk jismax it-​talb tiegħek. Jew forsi sirt vittma taʼ xi diskriminazzjoni jew xi tip ieħor taʼ inġustizzja. Anki jekk tħares lejn it-​titli fil-​gazzetta tistaʼ tħossok bħalma ħassu r-​raġel rett Lot, li kien “imnikket ferm” (“mifni,” Għaqda Biblika Maltija) minħabba l-​kondotta laxka taʼ dawk taʼ madwaru.​—2 Pietru 2:7.

14 Hemm aspett partikulari taʼ l-​aħħar jiem li ma nistgħux inħalluh barra. Il-​Bibbja bassret li ħafna kienu se jkunu “mingħajr imħabba naturali.” (2 Timotju 3:3) L-​affezzjoni fil-​familja hija nieqsa ħafna f’diversi familji. Tabilħaqq, “l-​evidenza turi li huwa iktar probabbli li n-​nies se jinqatlu, jiġu attakkati fiżikament, jew abbużati emozzjonalment jew sesswalment minn membri oħrajn tal-​familja milli minn kwalunkwe persuna oħra,” jgħid il-​ktieb Family Violence. “Il-​post fejn in-​nies għandhom iħossuhom maħbubin u protetti huwa, għal xi adulti u tfal, l-​iktar post perikoluż.” Dawk li ffaċċjaw ambjent taʼ ħsara fid-​dar jistgħu fil-​futur jesperjenzaw attakki t’ansjetà u niket. Xi ngħidu jekk dan huwa minnu dwarek?

15 Is-salmista David kanta: “Għalkemm telquni missieri u ommi, il-​Mulej jilqagħni għandu.” (Salm 27:10) Kemm hu inkuraġġanti li nkunu nafu li l-​imħabba taʼ Ġeħova tisboq dik taʼ kwalunkwe ġenitur uman! Għalkemm jistaʼ jkun taʼ wġigħ li tiġi mwarrab, maltrattat, jew abbandunat minn ġenitur, dan ma jinfluwenzax kemm Ġeħova jimpurtah minnek. (Rumani 8:​38, 39) Ftakar li Alla jiġbed lejh lil dawk li jħobb. (Ġwanni 3:16; 6:44) Minkejja l-​mod kif ittrattawk il-​bnedmin, Missierek tas-​sema jħobbok!

Passi Prattiċi biex Ittaffi d-​Dipressjoni

16 Int tistaʼ tieħu passi prattiċi biex tkampa mad-​dipressjoni. Per eżempju, segwi programm inkuraġġanti t’attività Kristjana. Immedita fuq il-​Kelma t’Alla, speċjalment meta l-​iskuraġġiment jidher kbir wisq biex jingħeleb. Is-​salmista kanta: “Biżżejjed ngħid: ‘Qiegħed jiżloq riġli,’ biex tjubitek, Mulej, tweżinni. Meta joktor l-​hemm ġo qalbi, il-​faraġ tiegħek hennieli ruħi.” (Salm 94:​18, 19) Qari regulari tal-​Bibbja se jgħinek timla moħħok bi kliem li jikkonslak u ħsibijiet li jsostnuk.

17 It-talb ukoll hu vitali. Anki jekk ma tkunx tistaʼ tesprimi eżattament kif qed tħossok bil-​kliem, Ġeħova jaf dak li trid tgħid. (Rumani 8:​26, 27) Is-​salmista ta din l-​assiguranza: “[“Ixħet toqlok,” NW] f’idejn il-​Mulej, u hu jgħinek u jwieżnek; hu qatt ma jħalli l-​ġust jitfixkel.”​—Salm 55:23 (55:​22, NW).

18 Xi wħud jesperjenzaw in-​niket minħabba d-​dipressjoni klinika. b Jekk dan huwa minnu fil-​każ tiegħek, ipprova iffoka ftit mill-​attenzjoni tiegħek fuq id-​dinja l-​ġdida t’Alla u ż-​żmien meta “ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24) Jekk is-​sentimenti negattivi tiegħek donnhom huma ħafna iktar minn dipressjoni darba kultant, forsi jkun għaqli li tfittex għajnuna professjonali. (Mattew 9:12) Huwa importanti wkoll li tieħu ħsieb tiegħek innifsek b’mod fiżiku. Dieta tajba u ftit eżerċizzju jistgħu jkunu t’għajnuna. Kun ċert li qed tistrieħ biżżejjed. Tibqax imqajjem tard bil-​lejl tara t-​televixin, u evita rikreazzjoni li tħallik eżawrit fiżikament u emozzjonalment. Fuq kollox, kompli ħu sehem f’għemejjel li jogħġbu lil Alla! Għalkemm għadu mhux iż-​żmien biex Ġeħova ‘jixxotta kull demgħa,’ hu se jgħinek tissaporti.​—Rivelazzjoni 21:4; 1 Korintin 10:13.

Ngħixu “taħt l-​Id Setgħana t’Alla”

19 Il-Bibbja tassigurana li għalkemm il-​ħsarat taʼ raġel sewwa huma ħafna, “minnhom kollha jeħilsu l-​Mulej.” (Salm 34:20 [34:​19, NW]) Alla kif jagħmlu dan? Meta l-​appostlu Pawlu talab darba wara l-​oħra għall-​ħelsien mix-​“xewka fil-​laħam” li kellu, Ġeħova qallu: “Il-​qawwa tiegħi tintgħamel perfetta fid-​dgħjufija.” (2 Korintin 12:​7-9) Ġeħova x’wiegħed lil Pawlu, u xi jwiegħed lilek? Mhux kura immedjata, imma l-​qawwa biex tissaporti.

20 L-appostlu Pietru kiteb: “Umiljaw ruħkom taħt l-​id setgħana t’Alla, sabiex jeżaltakom fiż-​żmien xieraq; waqt li titfgħu l-​ansjetà kollha tagħkom fuqu, għax hu jimpurtah minnkom.” (1 Pietru 5:​6, 7) Minħabba li Ġeħova jimpurtah minnek, hu mhux se jabbandunak. Hu se jappoġġak minkejja l-​provi li tesperjenza. Żomm f’moħħok li l-​Kristjani leali huma “taħt l-​id setgħana t’Alla.” Hekk kif naqdu lil Ġeħova, hu jagħtina s-​saħħa biex nissaportu. Jekk aħna nibqgħu leali lejh, xejn ma jistaʼ jagħmlilna ħsara spiritwali permanenti. Għalhekk, jalla nżommu l-​integrità lejn Ġeħova sabiex inkunu nistgħu ngawdu ħajja taʼ dejjem fid-​dinja l-​ġdida mwiegħda tiegħu u naraw il-​jum meta hu tabilħaqq ikun ħeles lill-​imnikket għal dejjem!

[Noti taʼ taħt]

a L-isem ġie mibdul.

b Iktar milli skuraġġiment, id-​dipressjoni klinika hija kundizzjoni medika li fiha d-​dipressjoni hija qawwija u kontinwa. Għal iktar informazzjoni, ara The Watchtower tal-​15 t’Ottubru, 1988, paġni 25-9; tal-​15 taʼ Novembru, 1988, paġni 21-4; u taʼ l-​1 taʼ Settembru, 1996, paġni 30-1.

Tiftakar Int?

• In-​niket għala jeffettwa anki lill-​qaddejja taʼ Ġeħova?

• Liema huma xi fatturi li jistgħu jġagħlu lil xi wħud mill-​poplu t’Alla jħossuhom dipressi?

• Ġeħova kif jgħinna nkampaw maʼ l-​ansjetajiet tagħna?

• B’liema mod aħna “taħt l-​id setgħana t’Alla”?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

1, 2.Oħt Kristjana leali xi problema ffaċċjat, u għala nistgħu nħossuna bħalha?

3. Agħti eżempji Bibliċi taʼ qaddejja t’Alla li esperjenzaw niket kbir.

4. Għala ma jissorprendiniex il-​fatt li hemm uħud “dipressi” fost il-​Kristjani llum?

5, 6. Liema faraġ nistgħu niksbu minn Rumani 7:​22-25?

7. X’jistaʼ jgħin biex individwu ma jħossux imnikket minħabba t-​tendenzi midinbin tiegħu?

8, 9. Għala għandna niċħdu ħsibijiet fejn nikkundannaw lilna nfusna?

10. B’liema modi jistgħu l-​limitazzjonijiet tagħna jiskuraġġuna?

11. Il-​parir taʼ Pawlu li nsibu f’Galatin 6:​4, kif jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għalina?

12. Għala nistgħu nifirħu bis-​servizz li nagħtu lil Ġeħova?

13, 14. (a) Iż-“żminijiet kritiċi” b’liema modi jistgħu jikkaġunawlna n-​niket? (b) In-​nuqqas t’affezzjoni naturali kif inhu evidenti llum?

15. L-​imħabba taʼ Ġeħova kif inhi superjuri għal dik taʼ kwalunkwe bniedem?

16, 17. Meta jiffaċċja d-​dipressjoni, individwu x’jistaʼ jagħmel biex jibqaʼ f’saħħtu spiritwalment?

18. Liema passi prattiċi jistaʼ jieħu xi ħadd li hu dipress?

19. Ġeħova xi jwiegħed lil dawk li huma mnikktin?

20. Minkejja l-​provi tagħna, l-​1 Pietru 5:​6, 7 x’assiguranza jagħtina?

[Stampi f’paġna 25]

Minkejja l-​provi, il-​poplu taʼ Ġeħova għandu għalxiex jifraħ

[Stampa f’paġna 28]

Mod wieħed kif tistaʼ tagħti lil Ġeħova l-​aħjar tiegħek huwa bl-​għoti taʼ xiehda bit-​telefon