‘Alla Tagħna Jistaʼ Jeħlisna’
“Jeħtieġ li Aħna Nobdu lil Alla bħala Ħakkiem Iktar Milli lill-Bnedmin”
‘Alla Tagħna Jistaʼ Jeħlisna’
L-AVVENIMENT sar bl-għan li jqanqal stagħġib kbir. Xbieha enormi tad-deheb kienet inbniet fuq il-wita taʼ Dura, milli jidher qrib il-belt taʼ Babilonja. Ix-xbieha kellha tiġi inawgurata waqt ċerimonja speċjali li fiha l-uffiċjali għoljin li kienu se jattendu kienu mistennijin imilu quddiem ix-xbieha mad-daqq taʼ diversi strumenti mużikali. Nabukodonosor, is-Sultan Babiloniż, kien ħareġ digriet li jekk xi ħadd ma jqimx ix-xbieha kien se jmut ġo forn taʼ nar jaħraq iktar min-normal. Min kien se jażżarda jonqos milli jobdi d-digriet?
B’sorpriża għal dawk preżenti, tliet aduraturi taʼ Ġeħova li kellhom il-biżaʼ t’Alla—Sidrak, Mesak, u Għabednegu—ma milux. Huma kienu jafu li jekk jagħmlu hekk kienu se jiksru d-devozzjoni esklużiva tagħhom lejn Alla Ġeħova. (Dewteronomju 5:8-10) Meta ġew mitlubin jispjegaw il-pożizzjoni soda tagħhom, huma bla biżaʼ wieġbu lil Nabukodonosor: “Jekk inhu tassew hekk, Alla tagħna, li aħna nqimu, jistaʼ jeħlisna minn idejk, O Sultan! U mqar jekk le, kun af, sultan, li allatek m’aħniex se naqduhom, u l-istatwa tad-deheb li int waqqaft m’aħniex se nqimuha.”—Danjel 3:17, 18.
Meta t-tliet Ebrej ġew mitfugħin fil-forn taʼ nar iħeġġeġ, miraklu biss setaʼ jsalvalhom ħajjithom. Alla bagħat anġlu biex jipproteġi lill-qaddejja leali Tiegħu. Iżda huma kienu diġà għażlu li jirriskjaw ħajjithom minflok ma jonqsu li jobdu lil Ġeħova. a Il-pożizzjoni tagħhom kienet tixbah lil dik taʼ l-appostli taʼ Ġesù Kristu li, madwar sitt sekli wara, iddikjaraw quddiem il-qorti għolja Lhudija: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-bnedmin.”—Atti 5:29.
Lezzjonijiet Importanti Għalina
Sidrak, Mesak, u Għabednegu huma eżempji mill-aqwa taʼ fidi, ubbidjenza, u lealtà. It-tliet Ebrej poġġew fidi f’Ġeħova. Il-kuxjenza tagħhom, imħarrġa minn fuq l-Iskrittura, ma ħallithomx jipparteċipaw f’ebda att taʼ qima falza jew devozzjoni nazzjonalistika. Bl-istess mod, il-Kristjani taʼ żmienna jpoġġu fiduċja sħiħa fl-Alla l-veru. Huma jiġu gwidati mill-kuxjenza tagħhom imħarrġa mill-Bibbja u jirrifjutaw li jipparteċipaw f’atti taʼ qima falza jew ċerimonji li jiksru l-liġijiet u l-prinċipji t’Alla.
It-tliet Ebrej leali fdaw f’Ġeħova u rrifjutaw li jikkompromettu l-ubbidjenza tagħhom lejh għal xi ħaġa li l-Imperu Babiloniż offra, bħal rikonoxximent, pożizzjoni soċjali, jew glorja. Dawn l-irġiel żgħażagħ kienu lesti jsofru u jmutu pjuttost milli jiksru r-relazzjoni tagħhom m’Alla. Bħal Mosè, li għex qabilhom, huma ‘baqgħu sodi bħallikieku qed jaraw lil Dak li hu inviżibbli.’ (Ebrej 11:27) Kemm jekk Ġeħova jsalvahomx mill-mewt jew le, it-tlieta li huma kienu determinati li jżommu l-integrità tagħhom lejh minflok ma jagħmlu kompromess biex isalvaw ħajjithom. B’mod evidenti, l-appostlu Pawlu jirreferi għall-eżempju tagħhom meta jsemmi l-uħud leali li “rreżistew il-forza tan-nar.” (Ebrej 11:34) Fidi u ubbidjenza bħal dawn jintwerew mill-qaddejja taʼ Ġeħova hekk kif jiffaċċjaw provi taʼ integrità fi żmienna.
Mill-esperjenza taʼ Sidrak, Mesak, u Għabednegu, aħna nitgħallmu wkoll li Alla jippremja lil dawk leali lejh. Is-salmista kanta: “Ġeħova . . . lill-leali tiegħu ma jitlaqhomx.” (Salm 37:28, NW) Illum ma nistgħux nistennew li Alla jsalvana b’mod mirakoluż, kif għamel mat-tliet Ebrej. Madankollu, aħna nistgħu nibqgħu ċerti li Missierna tas-sema se jgħinna fi kwalunkwe għawġ li nistgħu niffaċċjaw. Alla jistaʼ jneħħi l-problema, jagħtina s-saħħa biex inkampaw magħha, jew jirxoxtana jekk aħna nżommu l-integrità tagħna sal-mewt. (Salm 37:10, 11, 29; Ġwanni 5:28, 29) Il-fidi, l-ubbidjenza, u l-lealtà jittrijonfaw kull darba li l-integrità tagħna tiġi mġarrba u nagħżlu li nobdu lil Alla iktar milli lill-bnedmin.
[Nota taʼ taħt]
a Ara t-2006 Calendar of Jehovah’s Witnesses, Lulju/Awissu.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 9]
KONT TAF?
• It-tliet Ebrej kellhom qrib it-tletin sena meta ffaċċjaw din il-prova taʼ integrità.
• Milli jidher, il-forn intgħamel jaħraq kemm jistaʼ jkun.—Danjel 3:19.