Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Ibqgħu Agħmlu Kollox bla Tgergir”

“Ibqgħu Agħmlu Kollox bla Tgergir”

“Ibqgħu Agħmlu Kollox bla Tgergir”

“Ibqgħu agħmlu kollox bla tgergir.”​—FILIPPIN 2:​14.

1, 2. L-​appostlu Pawlu liema parir ta lill-​Kristjani f’Filippi u f’Korintu, u għala?

 FL-​ITTRA tiegħu ispirata minn Alla lill-​kongregazzjoni Kristjana taʼ l-​ewwel seklu f’Filippi, l-​appostlu Pawlu ta ħafna tifħir. Hu faħħar lil sħabu fit-​twemmin f’dik il-​belt għall-​ispirtu ġeneruż u żeluż tagħhom, u esprima l-​ferħ tiegħu minħabba l-​għemejjel tajbin tagħhom. Minkejja dan, Pawlu fakkarhom biex ‘jibqgħu jagħmlu kollox bla tgergir.’ (Filippin 2:​14) L-​appostlu għala ta din it-​twiddiba?

2 Pawlu kien jaf għalxiex jistaʼ jwassal it-​tgergir. Ftit tas-​snin qabel, hu kien fakkar lill-​kongregazzjoni f’Korintu li t-​tgergir jistaʼ jkun perikoluż. Pawlu fakkarhom li meta l-​Iżraelin kienu fix-​xagħri, huma għal darba wara l-​oħra qanqlu r-​rabja taʼ Ġeħova. Kif? Billi xxennqu għal affarijiet li jagħmlu l-​ħsara, billi pprattikaw l-​idolatrija u ż-​żína, billi ġarrbu lil Ġeħova, u billi gergru. Pawlu inkuraġġixxa lill-​Korintin biex jitgħallmu minn dawn l-​eżempji. Hu kiteb: “Lanqas [m’għandna] ingergru, kif gergru xi wħud minnhom, u spiċċaw biex inqerdu mill-​qerried.”​—1 Korintin 10:​6-​11.

3. Is-​suġġett tat-​tgergir għala huwa taʼ interess illum?

3 Bħala l-​qaddejja taʼ Ġeħova llum, aħna nuru spirtu simili għal dak tal-​kongregazzjoni f’Filippi. Aħna żelużi għal għemejjel tajbin, u għandna l-​imħabba bejnietna. (Ġwanni 13:​34, 35) Però, meta nqisu l-​ħsara li t-​tgergir ikkaġuna fost il-​poplu t’Alla fil-​passat, għandna raġuni tajba biex nagħtu kas il-​parir: “Ibqgħu agħmlu kollox bla tgergir.” Ejja l-​ewwelnett nikkunsidraw eżempji taʼ tgergir imsemmijin fl-​Iskrittura. Imbagħad se niddiskutu xi affarijiet li nistgħu nagħmlu biex ma nħallux it-​tgergir jagħmel il-​ħsara llum.

Ġemgħa Ħażina Tgerger Kontra Ġeħova

4. L-​Iżraelin b’liema mod gergru fix-​xagħri?

4 Il-​kelma Ebrajka li tfisser ‘li tgerger, tgemgem, tilmenta, jew tredden’ hija użata fil-​Bibbja b’konnessjoni maʼ ġrajjiet matul l-​40 sena li l-​Iżraelin għamlu fix-​xagħri. Kultant, l-​Iżraelin ma kinux kuntenti bis-​sitwazzjoni tagħhom u esprimew dan billi gergru. Per eżempju, ftit ġimgħat biss wara l-​ħelsien tagħhom mill-​jasar fl-​Eġittu, “il-​ġemgħa kollha taʼ wlied Iżrael bdew igergru kontra Mosè u Aron.” L-​Iżraelin gergru dwar l-​ikel tagħhom, billi qalu: “M’hux li mitna b’id il-​Mulej fl-​art taʼ l-​Eġittu, meta konna ħdejn il-​borom tal-​laħam u konna nieklu ħobż bix-​xabaʼ! Ħriġtuna f’dan id-​deżert biex toqtlu bil-​ġuħ din il-​ġemgħa kollha!”​—Eżodu 16:​1-3.

5. Meta l-​Iżraelin ilmentaw, it-​tgergir tagħhom fir-​realtà lil min kien indirizzat?

5 Fir-​realtà, Ġeħova sostna lill-​Iżraelin b’dak li kellhom bżonn fix-​xagħri, billi bl-​imħabba pprovdielhom ikel u ilma. Qatt ma kien hemm it-​theddida li l-​ġens taʼ Iżrael kien se jmut bil-​ġuħ fix-​xagħri. Però, minħabba li ma kinux kuntenti, huma esaġeraw is-​sitwazzjoni diffiċli tagħhom u bdew igergru. Għalkemm it-​tgergir tagħhom ġie indirizzat lil Mosè u Aron, f’għajnejn Ġeħova huma kienu qed igergru kontra tiegħu stess. Mosè qal lill-​Iżraelin: “Il-​Mulej samaʼ t-​tgergir tagħkom li intom gemgimtu kontra tiegħu . . . Għaliex aħna x’aħna? Mhux kontrina gergirtu, imma kontra l-​Mulej.”​—Eżodu 16:​4-8.

6, 7. Bħalma naraw f’Numri 14:​1-3, l-​attitudni taʼ l-​Iżraelin kif inbidlet?

6 Ftit taż-​żmien wara dan, l-​Iżraelin reġgħu gergru. Mosè bagħat 12-il spija fl-​Art Imwiegħda. Għaxra minnhom irritornaw b’rapport negattiv. X’kien ir-​riżultat? “L-​Iżraelin kollha gemgmu kontra Mosè u Aron, u l-​miġemgħa kollha qaltilhom: ‘M’hux li mitna fl-​art taʼ l-​Eġittu! Jew f’dan id-​deżert! Għalfejn se jdaħħalna l-​Mulej f’dan il-​pajjiż [Kangħan], biex ninqerdu bix-​xabla? In-​nisa tagħna u wliedna se jeħduhomlna bi priża. Ma jkunx aħjar għalina li nerġgħu lura lejn l-​Eġittu?’”​—Numri 14:​1-3.

7 Kemm kienet inbidlet l-​attitudni taʼ l-​Iżraelin! Għall-​ewwel, tant kemm kienu grati għall-​ħruġ tagħhom mill-​Eġittu u għall-​ħelsien tagħhom mill-​Baħar l-​Aħmar li kienu tqanqlu biex ikantaw tifħir lil Ġeħova. (Eżodu 15:​1-​21) Madankollu, hekk kif iffaċċjaw l-​iskumditajiet tax-​xagħri u l-​biżaʼ minħabba l-​Kangħanin, il-​gratitudni tal-​poplu t’Alla nbidlet f’attitudni taʼ skuntentizza. Minflok ma rringrazzjaw lil Alla għal-​libertà tagħhom, huma waħħlu fih għal dak li b’mod żbaljat qisuh bħala ċaħda. It-​tgergir għalhekk kien espressjoni taʼ nuqqas t’apprezzament għall-​provvedimenti taʼ Ġeħova. Mhux taʼ b’xejn li qalilhom: “Kemm se ddum din il-​ġemgħa ħażina tgemgem kontrija?”​—Numri 14:27; 21:5.

It-​Tgergir fl-​Ewwel Seklu

8, 9. Semmi xi eżempji taʼ tgergir rakkontati fl-​Iskrittura Griega Kristjana.

8 L-​eżempji taʼ tgergir li għadna kemm rajna involvew gruppi taʼ nies li milli jidher kienu qed jesprimu l-​iskuntentizza tagħhom fil-​beraħ. Madankollu, meta Ġesù Kristu kien f’Ġerusalemm għall-​Festa taʼ l-​Għerejjex fis-​sena 32 E.K., “fost il-​folol sar ħafna diskors minn taħt l-​ilsien dwaru.” (Ġwanni 7:​12, 13, 32) Kienu qed ifesfsu dwaru; xi wħud bdew jgħidu li kien raġel tajjeb, oħrajn qalu li ma kienx.

9 F’okkażjoni oħra, Ġesù u d-​dixxipli tiegħu kienu mistidnin fid-​dar taʼ Levi, jew Mattew, il-​kollettur tat-​taxxi. “Il-​Fariżej u l-​iskribi tagħhom bdew igergru mad-​dixxipli tiegħu u jgħidulhom: ‘Għala tieklu u tixorbu mal-​kolletturi tat-​taxxi u l-​midinbin?’” (Luqa 5:​27-​30) Fil-​Galilija xi ftit taż-​żmien wara, “il-​Lhud bdew igergru [kontra Ġesù] għax qal: ‘Jien il-​ħobż li niżel mis-​sema.’” Anki wħud mis-​segwaċi taʼ Ġesù ħadu għalihom minħabba dak li qal u bdew igergru.​—Ġwanni 6:​41, 60, 61.

10, 11. Il-​Lhud li kienu jitkellmu bil-​Grieg għala gergru, u l-​anzjani Kristjani kif jistgħu jibbenefikaw mill-​mod taʼ kif l-​ilment ġie trattat?

10 F’każ taʼ tgergir li seħħ ftit wara Pentekoste tas-​sena 33 E.K., kien hemm riżultat iktar pożittiv. Ħafna dixxipli li kienu għadhom kif ikkonvertew minn pajjiżi barra minn Iżrael kienu qed igawdu l-​ospitalità taʼ sħabhom fit-​twemmin fil-​Lhudija, imma qamu xi problemi b’konnessjoni mat-​tqassim taʼ dak li kien disponibbli. Ir-​rakkont jgħid: “Qam tgergir min-​naħa tal-​Lhud li jitkellmu bil-​Grieg kontra l-​Lhud li jitkellmu bl-​Ebrajk, għax ir-​romol tagħhom kienu qed jinqabżu fit-​tqassim taʼ l-​ikel taʼ kuljum.”​—Atti 6:1.

11 Dawk li gergru ma kinux bħall-​Iżraelin fix-​xagħri. Il-​Lhud li kienu jitkellmu bil-​Grieg m’esprimewx l-​iskuntentizza b’mod egoist dwar is-​sitwazzjoni tagħhom fil-​ħajja. Huma ġibdu l-​attenzjoni lejn in-​nuqqas biex jiġu sodisfati l-​bżonnijiet taʼ wħud mir-​romol. Iktar minn hekk, dawk li gergru ma qagħdux jaqilgħu l-​inkwiet u jitkellmu fil-​beraħ kontra Ġeħova. Huma stqarrew l-​ilment tagħhom maʼ l-​appostli, li rranġaw għal azzjoni immedjata għaliex l-​ilment kien ġustifikat. X’eżempju mill-​aħjar ħallew l-​appostli għall-​anzjani Kristjani llum! Dawn ir-​rgħajja spiritwali huma attenti biex ma ‘jsoddux widnejhom għall-​ilment tal-​batut.’​—Proverbji 21:​13, NW; Atti 6:​2-6.

Għasses Kontra l-​Effett Qerriedi tat-​Tgergir

12, 13. (a) Agħti tixbiha dwar l-​effetti tat-​tgergir. (b) X’jistaʼ jqanqal lil individwu biex igerger?

12 Il-​biċċa l-​kbira mill-​eżempji Skritturali li kkunsidrajna juru li t-​tgergir ikkaġuna ħafna ħsara fost il-​poplu t’Alla fil-​passat. Għalhekk, nagħmlu tajjeb jekk naħsbu serjament dwar l-​effett qerriedi li jistaʼ jkollu llum. Tixbiha għandha mnejn tgħinna. Ħafna tipi taʼ metall għandhom tendenza naturali biex jissaddu. Jekk is-​sinjali taʼ sadid ma jiġux trattati mill-​ewwel, il-​metall jistaʼ jissaddad sal-​punt li ma jibqax iservi l-​iskop tiegħu. Numru kbir taʼ karozzi jintremew, mhux minħabba ħsara fil-​magna, imma minħabba li l-​metall tant ikun issaddad li jkun sar perikoluż. Kif nistgħu nqabblu din it-​tixbiha mat-​tgergir?

13 Sewwasew bħalma ċerti metalli għandhom it-​tendenza li jissaddu, bnedmin imperfetti għandhom it-​tendenza li jilmentaw. Għandna noqogħdu għassa biex nagħrfu kwalunkwe sinjal taʼ dan. Bħalma l-​umdità u l-​arja mielħa jġagħlu l-​metall jissaddad iktar malajr, l-​avversità tagħmilna iktar inklinati biex ingergru. L-​istress jistaʼ jbiddel irritazzjoni żgħira fi lment kbir. Hekk kif il-​kundizzjonijiet fl-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema jiddeterjoraw, ir-​raġunijiet biex nilmentaw x’aktarx se jiżdiedu. (2 Timotju 3:​1-5) Għalhekk, wieħed qaddej taʼ Ġeħova forsi jibda jgerger kontra ieħor. Il-​kaġun jistaʼ jkun kwistjoni żgħira, bħal skuntentizza minħabba n-​nuqqasijiet, l-​abbiltajiet, jew il-​privileġġi taʼ servizz taʼ dak li jkun.

14, 15. Għala għandna nwaqqfu t-​tendenza li ngergru?

14 Tkun xi tkun ir-​raġuni għad-​dispjaċir tagħna, jekk ma nwaqqfux it-​tendenza li ngergru, din tistaʼ tqanqal fina spirtu taʼ skuntentizza u tagħmilna wħud li ngergru spiss. Iva, l-​effett qerriedi spiritwalment tat-​tgergir jistaʼ jeqridna kompletament. Meta l-​Iżraelin gergru dwar il-​ħajja tagħhom fix-​xagħri, huma waslu biex waħħlu f’Ġeħova. (Eżodu 16:8) Jalla dan qatt ma jiġri lilna!

15 It-​tendenza li l-​metall jissaddad tistaʼ titnaqqas billi jingħata passata żebgħa kontra s-​sadid u billi jiġu kkurati mill-​ewwel l-​irqajjaʼ tas-​sadid li jkun diġà tfaċċa. Bl-​istess mod, jekk naraw fina t-​tendenza li ngergru, din tistaʼ tiġi kontrollata jekk mill-​ewwel nagħtu attenzjoni lill-​kwistjoni bit-​talb. Kif?

Ara l-​Affarijiet mill-​Ħarsa taʼ Ġeħova

16. Kif nistgħu negħlbu t-​tendenza li nilmentaw?

16 It-​tgergir iġagħalna niffokaw l-​attenzjoni tagħna fuqna nfusna u l-​problemi tagħna u jwarrab il-​barkiet li ngawdu bħala Xhieda taʼ Ġeħova. Biex negħlbu t-​tendenza li nilmentaw, irridu nżommu dawn il-​barkiet fuq quddiem f’moħħna. Per eżempju, ilkoll kemm aħna għandna l-​privileġġ meraviljuż li nġorru l-​isem persunali taʼ Ġeħova. (Isaija 43:​10, NW) Aħna nistgħu nikkultivaw relazzjoni mill-​qrib miegħu, u nistgħu nkellmu lil Dak li ‘jismaʼ talbna’ fi kwalunkwe ħin. (Salm 65:3 [65:​2, NW]; Ġakbu 4:8) Il-​ħajja tagħna għandha tifsir veru għaliex nifhmu l-​kwistjoni tas-​sovranità universali u niftakru li huwa l-​privileġġ tagħna li nżommu l-​integrità lejn Alla. (Proverbji 27:11) Aħna jistaʼ jkollna sehem regulari fl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna. (Mattew 24:14) Fidi fis-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Ġesù Kristu tgħinna biex ikollna kuxjenza nadifa. (Ġwanni 3:16) Dawn huma barkiet li ngawdu minkejja kwalunkwe prova li jkollna nissaportu.

17. Għala għandna nipprovaw inqisu l-​affarijiet bħalma jqishom Ġeħova, anki jekk ikollna raġuni valida biex nilmentaw?

17 Ejja nipprovaw inqisu l-​affarijiet bħalma jqishom Ġeħova, mhux kif inqisuhom aħna. Is-​salmista David kanta: “Triqatek, Mulej, għarrafni, il-​mogħdijiet tiegħek għallimni.” (Salm 25:4) Jekk għandna raġuni valida biex nilmentaw, din żgur ma ħarbitx l-​attenzjoni taʼ Ġeħova. Hu jistaʼ jikkoreġi l-​kwistjoni mill-​ewwel. Allura, kultant għala jħalli l-​prova tkompli għaddejja? Dan jistaʼ jkun biex jgħinna niżviluppaw kwalitajiet mill-​aħjar bħall-​paċenzja, is-​sabar, il-​fidi, u s-​sabar fit-​tul.​—Ġakbu 1:​2-4.

18, 19. Spjega x’jistgħu jkunu l-​effetti jekk inkampaw maʼ l-​inkonvenjenzi mingħajr ma nilmentaw.

18 Il-​fatt li nkampaw maʼ l-​inkonvenjenzi mingħajr ma nilmentaw mhux biss jgħinna ntejbu l-​personalità tagħna, imma jistaʼ wkoll jimpressjona lil dawk li josservaw il-​kondotta tagħna. Fl-​2003, grupp tax-​Xhieda taʼ Ġeħova vvjaġġaw b’karozza tal-​linja mill-​Ġermanja biex jattendu konvenzjoni fl-​Ungerija. Is-​sewwieq ma kienx Xhud, u ma tantx ried ikun max-​Xhieda għal għaxart ijiem. Madankollu, fl-​aħħar tal-​vjaġġ hu kien biddel il-​ħsieb tiegħu kompletament. Għala?

19 Matul il-​vjaġġ, diversi affarijiet ma rnexxewx. Imma x-​Xhieda qatt ma gergru. Is-​sewwieq qal li dan kien l-​aħjar grupp taʼ passiġġieri li qatt kellu! Fil-​fatt, hu wiegħed li meta x-​Xhieda jerġgħu jħabbtulu, hu kien se jistidinhom ġewwa u jismagħhom b’attenzjoni. X’impressjoni mill-​aqwa ħallew il-​passiġġieri billi ‘għamlu kollox bla tgergir’!

Il-​Maħfra Ġġib l-​Unità

20. Għala għandna naħfru lil xulxin?

20 Xi ngħidu jekk għandna xi lment kontra seħibna fit-​twemmin? Jekk il-​kwistjoni hija serja, għandna napplikaw il-​prinċipji li nsibu f’dak li qal Ġesù kif inhu mniżżel f’Mattew 18:​15-​17. Però, dan mhux dejjem hu neċessarju ladarba l-​biċċa l-​kbira mill-​problemi jkunu żgħar. Għala ma tħarisx lejn is-​sitwazzjoni bħala opportunità biex tipprattika l-​maħfra? Pawlu kiteb: “Komplu issaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-​qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor. Bħalma Ġeħova ħafrilkom mill-​qalb, agħmlu hekk intom ukoll. Imma, minbarra dawn l-​affarijiet kollha, ilbsu l-​imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kolossin 3:​13, 14) Lesti aħna biex naħfru? M’għandux Ġeħova għalfejn jilmenta dwarna? Madankollu, hu darba wara l-​oħra juri l-​mogħdrija u l-​maħfra.

21. Dawk li jisimgħu t-​tgergir kif jistgħu jiġu effettwati?

21 Ikunu xi jkunu l-​intoppi, it-​tgergir mhux se jsolvi l-​kwistjoni. It-​terminu Ebrajk li jfisser “li tgerger” jistaʼ jfisser ukoll “li tredden.” X’aktarx li nħossuna skomdi ħdejn xi ħadd li l-​ħin kollu jgerger u nipprovaw inżommu ’l bogħod minnu. Jekk aħna ngergru, jew irreddnu, dawk li jisimgħuna forsi jħossuhom bl-​istess mod. Fil-​fatt, għandhom mnejn li tant iħossuhom skomdi li jżommu ’l bogħod minna! It-​treddin forsi jiġbed l-​attenzjoni taʼ dak li jkun, imma żgur li mhux se jiġbdu lejna.

22. Waħda tfajla x’qalet dwar ix-​Xhieda taʼ Ġeħova?

22 Jekk inkunu lesti li naħfru se jkun hemm l-​unità​—xi ħaġa li l-​poplu taʼ Ġeħova jgħożż. (Salm 133:​1-3) F’pajjiż Ewropew, tfajla taʼ 17-il sena li hija Kattolika kitbet lill-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova biex tesprimi ammirazzjoni lejhom. Hi qalet: “Hija l-​unika organizzazzjoni li naf biha li l-​membri m’humiex mifrudin bil-​mibegħda, ir-​regħba, l-​intolleranza, l-​egoiżmu, jew in-​nuqqas t’unità.”

23. X’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

23 Apprezzament għall-​barkiet spiritwali kollha li nirċievu bħala qaddejja taʼ l-​Alla l-​veru, Ġeħova, se jgħinna nippromwovu l-​unità u nevitaw it-​tgergir kontra oħrajn fi kwistjonijiet persunali. L-​artiklu li jmiss se jurina kif kwalitajiet divini se jwaqqfuna milli nieħdu sehem saħansitra f’tip taʼ tgergir iktar perikoluż​—jiġifieri, tgergir kontra l-​parti taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova fuq l-​art.

Tiftakar Int?

• It-​tgergir x’jinvolvi?

• Kif tistaʼ tagħti tixbiha taʼ l-​effetti tat-​tgergir?

• X’jistaʼ jgħinna negħlbu kwalunkwe tendenza biex ingergru?

• Il-​fatt li nkunu lesti naħfru kif jistaʼ jgħinna ma ngergrux?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 15]

L-​Iżraelin fil-​fatt gergru kontra Ġeħova!

[Stampa f’paġna 17]

Tipprova int tqis l-​affarijiet bħalma jqishom Ġeħova?

[Stampi f’paġna 18]

Il-​maħfra ġġib l-​unità Kristjana