Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Iffoka fuq l-Affarijiet Tajbin taʼ l-Organizzazzjoni taʼ Ġeħova

Iffoka fuq l-Affarijiet Tajbin taʼ l-Organizzazzjoni taʼ Ġeħova

Iffoka fuq l-​Affarijiet Tajbin taʼ l-​Organizzazzjoni taʼ Ġeħova

“Aħna se nimtlew bl-​affarijiet tajbin taʼ darek.”​—SALM 65:4, NW.

1, 2. (a) L-arranġamenti b’konnessjoni mat-​tempju x’effett kien se jkollhom fuq il-​poplu t’Alla? (b) David liema provvedimenti għamel għall-​bini tat-​tempju?

 DAVID taʼ Iżrael tal-​qedem huwa wieħed mill-​iktar individwi impressjonanti diskussi fl-​Iskrittura Ebrajka. Dan ir-​ragħaj, mużiċist, profeta, u sultan kellu fiduċja sħiħa f’Alla Ġeħova. Ir-​relazzjoni mill-​qrib li David kellu maʼ Ġeħova qanqlet fih xewqa li jibni dar għal Alla. Din id-​dar, jew tempju, kellha ssir iċ-​ċentru tal-​qima vera f’Iżrael. David kien jaf li l-​arranġamenti b’konnessjoni mat-​tempju kienu se jġibu ferħ u barkiet għall-​poplu t’Alla. Għalhekk David kanta: “Hieni l-​bniedem li inti [Ġeħova] tagħżel u tqiegħdu jgħammar fit-​tempju tiegħek. [“Aħna se nimtlew bl-​affarijiet tajbin taʼ darek,” NW], fit-​tempju mqaddes tiegħek.”​—Salm 65:5 (65:​4, NW).

2 David ma tħalliex jieħu ħsieb il-​bini tad-​dar taʼ Ġeħova. Minflok, dan il-​privileġġ inżamm għal ibnu Salamun. David ma gergirx għaliex ħaddieħor ngħata l-​privileġġ li hu nnifsu tant xtaq. Dak li interessah l-​iktar kien li t-​tempju jinbena. Hu b’qalbu kollha appoġġa l-​proġett billi ta lil Salamun il-​pjanijiet taʼ l-​arkitettura li kien irċieva mingħand Ġeħova. Iktar minn hekk, David organizza eluf taʼ Leviti f’diviżjonijiet taʼ servizz u ta ammonti kbar taʼ deheb u fidda għall-​bini tat-​tempju.​—1 Kronaki 17:​1, 4, 11, 12; 23:​3-6; 28:​11, 12; 29:​1-5.

3. X’attitudni għandhom il-​qaddejja t’Alla lejn l-​arranġamenti għall-​qima vera?

3 Iżraelin leali appoġġaw l-​arranġamenti li saru għall-​qima vera fid-​dar t’Alla. Bħala l-​qaddejja taʼ Ġeħova llum, aħna b’mod simili nappoġġaw arranġamenti li jkunu saru għall-​qima mill-​parti taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova li tinsab fuq l-​art. Aħna b’hekk nuru li għandna l-​istess attitudni li kellu David. Aħna m’għandniex attitudni taʼ tgergir. Minflok, niffokaw fuq l-​affarijiet tajbin taʼ l-​organizzazzjoni t’Alla. Ħsibt int dwar il-​ħafna affarijiet tajbin li nistgħu nkunu tassew grati għalihom? Ejja nikkunsidraw xi wħud minnhom.

Grati għal Dawk li Qed Jieħdu t-​Tmexxija

4, 5. (a) L-“ilsir leali u għaqli” kif iwettaq l-​inkarigu tiegħu? (b) Xi Xhieda kif ħassewhom dwar l-​ikel spiritwali li rċivew?

4 Hemm raġunijiet tajbin għala għandna nkunu grati għall-​“ilsir leali u għaqli” maħtur minn Ġesù Kristu fuq dak li hu tiegħu fuq l-​art. Il-​klassi taʼ l-​ilsir taʼ Kristjani midlukin bl-​ispirtu tieħu t-​tmexxija fl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba, tipprepara laqgħat għall-​qima, u tippubblika letteratura bbażata fuq il-​Bibbja b’iktar minn 400 lingwa. Miljuni taʼ persuni madwar id-​dinja bi gratitudni jieħdu mill-​ikel spiritwali “fiż-​żmien xieraq.” (Mattew 24:​45-​47) Żgur li m’hemm l-​ebda raġuni biex ingergru kontra dan l-​ikel spiritwali.

5 Għal ħafna snin, Xhud taʼ Ġeħova mdaħħla fiż-​żmien jisimha Elfi esperjenzat faraġ u appoġġ billi applikat il-​parir Skritturali li nsibu f’pubblikazzjonijiet tal-​klassi taʼ l-​ilsir. Apprezzament profond qanqal lil Elfi biex tikteb: “Kieku x’nagħmel mingħajr l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova?” Peter u Irmgard ukoll ilhom qaddejja taʼ Ġeħova għal għaxriet taʼ snin. Irmgard tesprimi l-​gratitudni tagħha għall-​provvedimenti kollha li tagħti “l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova li hi kollha mħabba u li tieħu interess.” Dawn il-​pubblikazzjonijiet jinkludu dawk disinjati għal nies bi bżonnijiet speċjali, bħal individwi li huma neqsin mid-​dawl jew mis-​smigħ.

6, 7. (a) L-attivitajiet tal-​kongregazzjonijiet madwar id-​dinja kif jiġu mħarsin? (b) Xi ntqal dwar il-​parti taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova li tinsab fuq l-​art?

6 L-​“ilsir leali” hu rappreżentat mill-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, grupp żgħir taʼ rġiel midlukin bl-​ispirtu li jaqdu fil-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fi Brooklyn, New York. Il-​Ġemgħa li Tiggverna taħtar qaddejja taʼ Ġeħova li għandhom l-​esperjenza biex jaqdu f’uffiċċji tal-​fergħa li jieħdu ħsieb l-​attivitajiet taʼ iktar minn 98,000 kongregazzjoni madwar id-​dinja. Irġiel li jilħqu l-​ħtiġijiet Bibliċi huma maħturin bħala anzjani u qaddejja ministerjali f’dawn il-​kongregazzjonijiet. (1 Timotju 3:​1-9, 12, 13) L-​anzjani jieħdu t-​tmexxija u bl-​imħabba jirgħu l-​merħla t’Alla li hija fil-​ħarsien tagħhom. X’barka għandna li nagħmlu parti minn din il-​merħla u nesperjenzaw l-​imħabba u l-​għaqda li jeżistu fost “il-​fratellanza kollha”!​—1 Pietru 2:​17; 5:​2, 3.

7 Minflok ma jilmentaw, individwi spiss jesprimu l-​apprezzament tagħhom għall-​gwida spiritwali kollha mħabba li jirċievu mingħand l-​anzjani. Per eżempju, ikkunsidra lil Birgit, mara miżżewġa Kristjana li għandha fuq it-​30 sena. Meta kienet adoloxxenti involviet ruħha f’kumpanija ħażina u kważi waqgħet fil-​ħażen. Imma l-​parir ċar li l-​anzjani tawha minn fuq il-​Bibbja u l-​appoġġ taʼ sħabha fit-​twemmin għenuha toħroġ minn dik li setgħet kienet sitwazzjoni taʼ ħsara. Issa kif tħossha Birgit? Hi tgħid: “Jien grata ħafna li għadni nagħmel parti mill-​organizzazzjoni meraviljuża taʼ Ġeħova.” Andreas, li għandu 17-il sena, jgħid: “Din tassew hija l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, l-​aħjar organizzazzjoni fid-​dinja.” M’għandniex aħna nkunu grati għall-​affarijiet tajbin tal-​parti taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova li tinsab fuq l-​art?

Dawk li Jmexxu Huma Imperfetti

8, 9. Xi wħud li kienu jgħixu fi żmien David kif aġixxew, u David kif irreaġixxa għall-​aġir tagħhom?

8 M’għandniex xi ngħidu, dawk li huma maħturin biex jieħdu t-​tmexxija fil-​qima pura huma imperfetti. Ilkoll kemm huma jiżbaljaw, u xi wħud għandhom nuqqasijiet persistenti li huma qed jaħdmu iebes biex jikkontrollawhom. Għandna għalfejn inħossuna mdejqin minħabba f’dan? Le. Anki individwi li ngħataw responsabbiltà kbira f’Iżrael tal-​qedem għamlu żbalji kbar. Per eżempju, meta David kien għadu żgħir hu ġie msejjaħ biex jaqdi bħala mużiċist biex jikkalma lis-​Sultan Sawl li kien inkwetat. Iktar tard, Sawl ipprova joqtol lil David, li spiċċa biex kellu jaħrab ħalli jsalva ħajtu.​—1 Samwel 16:​14-​23; 18:​10-​12; 19:18; 20:​32, 33; 22:​1-5.

9 Iżraelin oħra kienu tradituri. Per eżempju, Ġowab, il-​kmandant militari taʼ David, qatel lil Abner, qarib taʼ Sawl. Absalom ikkonfoffa kontra David, missieru, għall-​kariga taʼ sultan. U Aħitofel, il-​konsulent fdat taʼ David, ittradieh. (2 Samwel 3:​22-30; 15:​1-17, 31; 16:​15, 21) Madankollu, David ma qagħadx jilmenta bl-​imrar; lanqas ma ta dahru għall-​qima pura. Fil-​fatt, ġara eżatt l-​oppost. L-​għawġ qanqal lil David biex iżomm sod maʼ Ġeħova u jżomm l-​attitudni mill-​aħjar li kellu meta ħarab minħabba Sawl. F’dak iż-​żmien, David kanta: “Ħenn għalija, o Alla, ħenn għalija, għax fik jiena nsib il-​kenn tiegħi; għad-​dell taʼ ġwenħajk nistkenn, sakemm jgħaddi l-​hemm minn fuqi.”​—Salm 57:2 (57:​1, NW).

10, 11. Mara Kristjana jisimha Gertrud x’esperjenzat bħala żagħżugħa, u x’qalet dwar in-​nuqqasijiet taʼ sħabha fit-​twemmin?

10 Aħna żgur li m’għandna l-​ebda raġuni biex nilmentaw dwar it-​tradiment fl-​organizzazzjoni t’Alla llum. La Ġeħova, la l-​anġli tiegħu, u lanqas ir-​rgħajja spiritwali ma jittolleraw il-​preżenza taʼ wħud mill-​agħar li huma tradituri fil-​kongregazzjoni Kristjana. Minkejja dan, ilkoll kemm aħna niffaċċjaw l-​imperfezzjoni umana​—tagħna stess u dik taʼ qaddejja oħrajn t’Alla.

11 Meta Gertrud, oħt li ilha żmien twil taqdi lil Ġeħova, kienet għadha żagħżugħa, ġiet akkużata b’mod żbaljat li kienet qed tqarraq u li ma kinitx predikatriċi tas-​Saltna full-time. Hi kif irreaġixxiet? Gergret Gertrud minħabba dan it-​trattament? Le. Ftit qabel ma mietet fl-​2003 fl-​età taʼ 91 sena, hi rriflettiet fuq ħajjitha u spjegat: “Matul ħajti dawn l-​esperjenzi u oħrajn għallmuni li minkejja l-​iżbalji li jagħmlu l-​bnedmin, Ġeħova jidderieġi x-​xogħol kbir tiegħu li fih juża lilna, bnedmin imperfetti.” Meta ffaċċjat l-​imperfezzjonijiet taʼ qaddejja oħra t’Alla, Gertrud daret lejn Ġeħova b’talb ħerqan.

12. (a) Xi Kristjani taʼ l-​ewwel seklu x’eżempju ħażin ħallew? (b) Fuq xiex għandna niffokaw?

12 Ladarba anki l-​iktar Kristjani leali u devoti huma imperfetti, meta qaddej maħtur jagħmel żball, ejja nkomplu nagħmlu “kollox bla tgergir.” (Filippin 2:​14) Kemm ikun taʼ ħasra li kieku nsegwu l-​eżempju ħażin taʼ xi wħud fil-​kongregazzjoni Kristjana taʼ l-​ewwel seklu! Skond id-​dixxiplu Ġuda, għalliema foloz taʼ dakinhar kienu qed “jinjoraw lil min hu fuqhom u jmaqdru lill-​glorjużi.” Iktar minn hekk, dawk li kienu qed jagħmlu l-​ħażen kienu “dejjem igergru, [u] jilmentaw dwar xortihom.” (Ġuda 8, 16) Jalla niċħdu t-​triq li segwew dawk li gergru u lmentaw u niffokaw fuq l-​affarijiet mill-​aħjar li nirċievu mingħand l-​“ilsir leali.” Ejja napprezzaw l-​affarijiet tajbin taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova u ‘nibqgħu nagħmlu kollox bla tgergir.’

“Dan id-​Diskors Ikexkxek”

13. Xi wħud kif irreaġixxew għal ċertu tagħlim taʼ Ġesù Kristu?

13 Filwaqt li xi wħud fl-​ewwel seklu gergru kontra l-​qaddejja maħturin, oħrajn gergru kontra t-​tagħlim taʼ Ġesù. Kif inhu mniżżel fi Ġwanni 6:​48-​69, Ġesù qal: “Min jiekol laħmi u jixrob demmi għandu l-​ħajja taʼ dejjem.” X’ħin semgħu dan il-​kliem, “ħafna mid-​dixxipli tiegħu qalu: ‘Dan id-​diskors ikexkxek; min jiflaħ jisimgħu?’” Ġesù kien konxju li “d-​dixxipli tiegħu kienu qed igergru dwar dan.” Iktar minn hekk, “minħabba dan, ħafna [minnhom] marru lura lejn dak li ħallew warajhom u ma baqgħux mexjin warajh.” Imma mhux kull dixxiplu gerger. Innota x’ġara meta Ġesù staqsa lit-​12-il appostlu: “Ma tridux tmorru intom ukoll, hux?” L-​appostlu Pietru wieġeb: “Mulej, għand min tridna mmorru? Int għandek il-​kliem tal-​ħajja taʼ dejjem; u aħna emminna u sirna nafu li int il-​Qaddis t’Alla.”

14, 15. (a) Xi wħud għala ma jaqblux maʼ xi aspett tat-​tagħlim Kristjan? (b) X’nistgħu nitgħallmu mill-​każ taʼ raġel li jismu Emanuel?

14 Fi żmienna, numru żgħir ħafna fost il-​poplu t’Alla ma kienx kuntent b’xi aspett tat-​tagħlim Kristjan u gerger kontra l-​parti taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova li tinsab fuq l-​art. Dan għala jiġri? Tgergir bħal dan spiss iseħħ minħabba nuqqas taʼ fehma dwar il-​mod kif Alla jagħmel l-​affarijiet. Il-​Ħallieq b’mod progressiv jikxef il-​verità lill-​poplu tiegħu. Għalhekk, il-​fehma tagħna taʼ l-​Iskrittura żgur li se tiġi rfinata minn żmien għal żmien. Il-​maġġuranza mill-​poplu taʼ Ġeħova tifraħ b’dan l-​irfinar. Ftit huma li jsiru ‘ġusti żżejjed’ u ma jaċċettawx il-​bidliet. (Koħèlet 7:16) Il-​kburija tistaʼ tkun fattur, u xi wħud jaqgħu fin-​nassa li jaħsbu b’mod indipendenti. Tkun xi tkun ir-​raġuni, tgergir bħal dan huwa perikoluż, ladarba jistaʼ jiġbidna lura fid-​dinja u l-​modi tagħha.

15 Per eżempju, Emanuel kien Xhud li kkritika xi affarijiet li qara f’pubblikazzjonijiet taʼ “l-​ilsir leali u għaqli.” (Mattew 24:45) Hu waqaf jaqra l-​letteratura Kristjana tagħna u eventwalment qal lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni lokali tiegħu li ma riedx jibqaʼ Xhud taʼ Ġeħova. Madankollu, f’perijodu qasir taʼ żmien, Emanuel irrealizza li t-​tagħlim taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova kien tabilħaqq korrett. Hu kkuntattja lix-​Xhieda, ammetta l-​iżball tiegħu, u reġaʼ sar Xhud taʼ Ġeħova. B’riżultat taʼ dan, hu reġaʼ sar raġel hieni.

16. X’jistaʼ jgħinna negħlbu dubji dwar ċertu tagħlim Kristjan?

16 Xi ngħidu jekk niġu ttantati biex ingergru minħabba li għandna dubji dwar ċertu tagħlim tal-​poplu taʼ Ġeħova? F’dan il-​każ ejja ma nkunux bla sabar. L-​“ilsir leali” jistaʼ eventwalment jippubblika xi ħaġa li twieġeb il-​mistoqsijiet tagħna, u b’hekk inneħħu d-​dubji tagħna. Ikun għaqli li nfittxu l-​għajnuna taʼ l-​anzjani Kristjani. (Ġuda 22, 23) It-​talb, l-​istudju persunali, u s-​sħubija maʼ sħabna fit-​twemmin li huma spiritwali jistgħu wkoll jgħinuna nneħħu dubji u nkabbru l-​apprezzament tagħna għall-​veritajiet Bibliċi li jsaħħu l-​fidi tagħna u li tgħallimniehom permezz tal-​mezzi tal-​komunikazzjoni li juża Ġeħova.

Żomm Attitudni Pożittiva

17, 18. Minflok ma ngergru, liema attitudni għandu jkollna, u għala?

17 Irridu nammettu li l-​bnedmin imperfetti għandhom it-​tendenza li jidinbu, u xi wħud għandhom inklinazzjoni qawwija biex igergru bla bżonn. (Ġenesi 8:21; Rumani 5:12) Imma li kieku kellna nsiru wħud li jgergru l-​ħin kollu, inkunu qed nirriskjaw li nitilfu r-​relazzjoni tagħna m’Alla Ġeħova. Għalhekk, irridu nikkontrollaw kwalunkwe inklinazzjoni biex ingergru.

18 Minflok ma ngergru dwar affarijiet fil-​kongregazzjoni, nagħmlu tajjeb jekk inżommu attitudni pożittiva u nsegwu skeda li żżommna beżlin, ferħanin, devoti, bilanċjati, u f’saħħitna fil-​fidi. (1 Korintin 15:58; Titu 2:​1-5) Ġeħova jikkontrolla kollox fl-​organizzazzjoni tiegħu, u Ġesù hu konxju taʼ l-​iżviluppi li jkun hemm f’kull kongregazzjoni, bħalma kien fl-​ewwel seklu. (Rivelazzjoni 1:​10, 11) Stenna bil-​paċenzja lil Alla u lil Kristu, il-​Kap tal-​kongregazzjoni. Rgħajja responsabbli jistgħu jintużaw biex jikkoreġu kwistjonijiet li forsi jeħtieġu li jiġu aġġustati.​—Salm 43:5; Kolossin 1:18; Titu 1:5.

19. Sakemm is-​Saltna jkollha kontroll sħiħ fuq l-​umanità, fuq xiex għandna niffokaw l-​attenzjoni tagħna?

19 Dalwaqt din is-​sistema mill-​agħar se tintemm, u s-​Saltna Messjanika se tikseb kontroll sħiħ fuq l-​umanità. Sadanittant, kemm hu importanti li kull wieħed u waħda minna jżomm attitudni pożittiva! Dan se jgħinna nirrikonoxxu l-​virtujiet taʼ sħabna fit-​twemmin, minflok ma niffokaw fuq in-​nuqqasijiet tagħhom. Jekk niffokaw fuq l-​aspetti tajbin tal-​personalità tagħhom se nħossuna ferħanin. Minflok ma nħossuna eżawriti emozzjonalment minħabba t-​tgergir, aħna se nħossuna inkuraġġiti u mibnijin spiritwalment.

20. Attitudni pożittiva se tgħinna ngawdu liema barkiet?

20 Attitudni pożittiva se tgħinna wkoll biex inżommu f’moħħna l-​ħafna barkiet li ngawdu minħabba li aħna assoċjati mal-​parti taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova li tinsab fuq l-​art. Din hi l-​unika organizzazzjoni fid-​dinja li hija leali lejn is-​Sovran taʼ l-​univers. Kif tħossok dwar il-​fatt u l-​privileġġ taʼ li tieħu sehem fil-​qima taʼ l-​uniku Alla veru, Ġeħova? Jalla l-​attitudni tiegħek tkun bħal dik taʼ David, li kanta: “Int, li tismaʼ talbna. Quddiemek jersaq kull bniedem. . . . Hieni l-​bniedem li inti tagħżel u tqiegħdu jgħammar fit-​tempju tiegħek. [“Aħna se nimtlew bl-​affarijiet tajbin taʼ darek,” NW].”​—Salm 65:​3-5 (65:​2, 4, NW ).

Tiftakar Int?

• Għala għandna nħossuna grati lejn dawk li jieħdu t-​tmexxija fil-​kongregazzjoni?

• X’għandha tkun ir-​reazzjoni tagħna meta aħwa responsabbli jagħmlu xi żball?

• Kif għandna nħarsu lejn l-​irfinar li jsir fuq il-​fehma taʼ l-​Iskrittura?

• X’jistaʼ jgħin lil Kristjan biex jegħleb xi dubji?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 20]

David ta lil Salamun il-​pjanijiet tat-​tempju u appoġġa l-​qima vera b’qalbu kollha

[Stampa f’paġna 23]

Anzjani Kristjani jipprovdu għajnuna spiritwali bil-​ferħ