Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Punti Prinċipali mit-Tielet u r-Rabaʼ Ktieb tas-Salmi

Punti Prinċipali mit-Tielet u r-Rabaʼ Ktieb tas-Salmi

Il-​Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja

Punti Prinċipali mit-​Tielet u r-​Rabaʼ Ktieb tas-​Salmi

F’TALBA lil Alla, is-​salmista staqsa: “Tixxandar fil-​qabar it-​tjieba tiegħek, jew f’post it-​telfien il-​fedeltà tiegħek?” (Salm 88:12 [88:​11, NW]) M’għandniex xi ngħidu, it-​tweġiba hija le. Mingħajr il-​ħajja, ma nistgħux infaħħru lil Ġeħova. It-​tifħir lil Ġeħova huwa raġuni tajba biex inkomplu ngħixu, u l-​fatt li għandna l-​ħajja għandu jqanqalna biex infaħħruh.

It-Tielet u r-​Rabaʼ Ktieb tas-​Salmi, li jikkonsistu minn Salm 73 sa 106, jagħtuna ħafna raġunijiet għaliex għandna nfaħħru lill-​Ħallieq u nbierku lil ismu. Jekk nirriflettu fuq dawn is-​Salmi nistgħu nżidu l-​apprezzament tagħna għall-​“kelma t’Alla” u niġu mqanqlin biex inkabbru u ntejbu l-​espressjonijiet tagħna taʼ tifħir lejh. (Ebrej 4:​12) Ejja l-​ewwel nagħtu attenzjoni bir-​reqqa għat-​Tielet Ktieb tas-​Salmi.

“JIENA L-​HENA TIEGĦI LI NKUN QRIB ALLA”

(Salm 73:1–​89:53 [73:1–​89:​52, NW ])

L-​ewwel 11-il salm tat-​tielet ġabra huma kompożizzjonijiet t’Asaf jew tal-​membri tad-​dar t’Asaf. L-​għanja tal-​ftuħ tispjega dwar x’ħeles lil Asaf milli jispiċċa barra mit-​triq minħabba mod taʼ ħsieb żbaljat. Hu wasal għall-​konklużjoni t-​tajba. “Iżda jiena,” ikanta hu, “l-​hena tiegħi li nkun qrib Alla.” (Salm 73:28) Wara dan insibu lment dwar il-​ħerba taʼ Ġerusalemm f’Salm 74. Salmi 75, 76, u 77 jiddeskrivu lil Ġeħova bħala l-​Imħallef ġust, is-​Salvatur tal-​ġwejdin, u Semmiegħ it-​talb. Salm 78 jirrivedi l-​imgħoddi taʼ Iżrael minn żmien Mosè sa żmien David. Id-​79 Salm huwa lment dwar il-​ħerba tat-​tempju. Salm 80 huwa talba għar-​restawrazzjoni tal-​poplu t’Alla. Salm 81 huwa twissija biex jobdu lil Ġeħova. Salmi 82 u 83 huma talb biex isir ġudizzju divin fuq l-​imħallfin korrotti u l-​għedewwa t’Alla rispettivament.

“Tixxennaq u tinfena ruħi għat-​tempju tal-​Mulej,” tgħid għanja taʼ wlied Koraħ. (Salm 84:3 [84:​2, NW]) Salm 85 huwa talba għall-​barka t’Alla fuq dawk li rritornaw mill-​eżilju. Dan is-​salm jenfasizza l-​fatt li l-​barkiet spiritwali huma ħafna iktar taʼ valur mill-​barkiet fiżiċi. F’Salm 86, David jitlob lil Alla biex jgħasses fuqu u jgħallmu. F’Salm 87 insibu għanja dwar Sijon u dawk li twieldu hemm, segwita minn talba lil Ġeħova f’Salm 88. Il-​qalb tajba bl-​imħabba taʼ Ġeħova kif espressa fil-​patt taʼ David, hija enfasizzata f’Salm 89, komponut minn Etan, li x’aktarx kien wieħed mill-​erbat irġiel għorrief fi żmien Salamun.​—1 Slaten 4:​31.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

73:9—Il-​ħżiena b’liema mod ‘iqassu kontra s-​sema u lsienhom ilaħħaq maʼ l-​art kollha’? Peress li l-​ħżiena m’għandhom rispett lejn ħadd fis-​sema jew fuq l-​art, huma ma jaħsbuhiex darbtejn biex b’fommhom iżebilħu ’l Alla. Ukoll huma jimmalafamaw lin-​nies bi lsienhom.

74:​13, 14—Ġeħova meta ‘saħaq irjus id-​draguni taʼ l-​ilma u farrak l-​irjus tal-​Levjatan’? “Fargħun, sultan taʼ l-​Eġittu,” jissejjaħ “il-​kukkudrill il-​kbir imxaħxaħ f’nofs in-​Nil.” (Eżekjel 29:3) Il-​Levjatan jistaʼ jirrappreżenta lill-​“uħud b’saħħithom tal-​Fargħun.” (Salm 74:​14, NW, nota taʼ taħt) It-​tisħiq taʼ l-​irjus tagħhom x’aktarx jirreferi għat-​telfa tal-​Fargħun u l-​armata tiegħu meta Ġeħova ħeles lill-​Iżraelin mill-​jasar Eġizzjan.

75:​4, 5, 10 (Karm Żammit )​—Xi jfisser it-​terminu “qarn”? Il-​qrun t’annimal huma arma qawwija. Għalhekk, it-​terminu “qarn” b’mod figurattiv jirrappreżenta l-​qawwa, jew is-​saħħa. Ġeħova jerfaʼ ’l fuq il-​qrun tal-​poplu tiegħu, u permezz t’hekk jitgħollew, filwaqt li hu ‘jaqtaʼ l-​qrun kollha tal-​ħżiena.’ Aħna niġu mwissijin biex ma ‘nerfgħux il-​qarn tagħna fl-​għoli,’ jiġifieri, m’għandux ikollna attitudni taʼ kburija u arroganza. Ladarba Ġeħova hu l-​wieħed li jgħolli, l-​inkarigi taʼ responsabbiltà fil-​kongregazzjoni għandhom jitqiesu bħala li ġejjin mingħandu.​—Salm 75:8 (75:​7, NW)

76:10 ()​—Kif jistaʼ “għadab il-​bniedem” ifaħħar lil Ġeħova? Meta Alla jippermetti lill-​bnedmin jesprimu l-​għadab tagħhom kontrina minħabba li aħna l-​qaddejja tiegħu, jistaʼ joħroġ riżultat pożittiv. Kwalunkwe tbatija li nistgħu nġarrbu tistaʼ b’xi mod jew ieħor tħarriġna. Ġeħova jippermetti biss it-​tbatija sal-​punt li tagħtina taħriġ bħal dan. (1 Pietru 5:​10) ‘Il-​fdal taʼ l-​għadab, [Alla] jitħażżem bih.’ Xi ngħidu jekk inbatu sal-​punt tal-​mewt? Dan ukoll jistaʼ jġib tifħir lil Ġeħova għaliex dawk li jarawna nissaportu fedelment jistgħu wkoll jibdew jigglorifikaw lil Alla.

78:​24, 25—Il-​manna għaliex tissejjaħ “il-​qamħ mis-​sema” u l-​“ikel taʼ l-​anġli” ()? L-​ebda espressjoni ma tfisser li l-​manna kienet l-​ikel taʼ l-​anġli. Din kienet “il-​qamħ mis-​sema” fis-​sens li s-​sors kien mis-​sema. (Salm 105:40) Minħabba li l-​anġli, jew l-​uħud “qalbenin,” jgħammru fis-​sema, il-​frażi “l-​ikel taʼ l-​anġli” tistaʼ sempliċement tfisser li din kienet provduta minn Alla, li jgħammar fis-​sema. (Salm 11:4) Ġeħova setaʼ wkoll uża l-​anġli biex jipprovdi l-​manna lill-​Iżraelin.

82:​1, 6—Għal min jirreferu t-​termini “allat” u “wlied l-​Għoli”? Iż-​żewġ espressjonijiet jirreferu għall-​imħallfin umani f’Iżrael. Dan huwa xieraq minħabba li kellhom jaqdu bħala kelliema u rappreżentanti t’Alla.​—Ġwanni 10:​33-​36.

83:3 (83:​2, NW )​—Xi jfisser li wieħed ‘jerfaʼ rasu’? Dan il-​ġest ifisser li wieħed ikun lest li jeżerċita l-​qawwa jew jieħu azzjoni, spiss biex jopponi, jiġġieled, jew jgħakkes.

Lezzjonijiet Għalina:

73:​2-5, 18-​20, 25, 28. Aħna m’għandniex ngħiru għall-​ġid taʼ wħud ħżiena u nadottaw il-​modi tagħhom li jiċħdu ’l Alla. Il-​ħżiena qegħdin fuq art tiżloq. Huma ċertament se ‘jitwaqqgħu fit-​tiġrif.’ Iktar minn hekk, minħabba li l-​ħażen ma jistax jitneħħa dment li hemm ħakma umana, kull sforz biex nipprovaw neqirduh mill-​għeruq ikun fieragħ. Bħal Asaf, inkunu għaqlin jekk inkampaw mal-​ħażen billi nersqu “qrib Alla” u nsibu għaxqa f’li jkollna relazzjoni intima Miegħu.

73:​3, 6, 8, 27. Għandna ngħassu kontra l-​ftaħir, il-​kburija, it-​twaqqigħ għaċ-​ċajt, u l-​qerq. Dan għandna nagħmluh anki meta jidher vantaġġuż li nadottaw karatteristiki bħal dawn.

73:​15-​17. Meta ma nkunux ċerti minn dak li qed naħsbu, m’għandniex nitkellmu m’oħrajn dwar ħsibijiet li jħawduna. Jekk ‘nitkellmu hekk’ nistgħu niskuraġġixxu lil oħrajn. Għandna nimmeditaw fil-​kwiet dwar il-​ħsibijiet tagħna u niċċarawhom billi nassoċjaw maʼ sħabna fit-​twemmin.​—Proverbji 18:1.

73:​21-​24. Il-​fatt li ninkeddu f’qalbna minħabba li l-​ħżiena jidhru li għaddejjin tajjeb huwa mxebbah maʼ li nirreaġixxu bħal annimali li ma jirraġunawx. Din ir-​reazzjoni hija impulsiva, ibbażata biss fuq l-​emozzjonijiet. Minflok, għandna nkunu mmexxijin mill-​pariri taʼ Ġeħova, fiduċjużi li hu se ‘jżommna minn idna l-​leminija’ u jappoġġana. Iktar minn hekk, Ġeħova se ‘jilqagħna fis-​sebħ,’ jiġifieri, f’relazzjoni fil-​qrib miegħu.

77:7 (77:​6, NW ). Biex nuru interess ġenwin għall-​veritajiet spiritwali u nfittxuhom bir-​reqqa rridu niddedikaw ħin għal studju u meditazzjoni. Kemm hu importanti li f’ħajjitna nwarrbu l-​ħin biex inqattgħuh waħedna!

79:9. Ġeħova jismaʼ t-​talb tagħna, speċjalment meta dan għandu x’jaqsam mat-​taqdis taʼ ismu.

81:​14, 17 (81:​13, 16, NW ). Aħna nesperjenzaw barkiet bl-​abbundanza meta nisimgħu minn leħen Ġeħova u nimxu fi triqatu.—Proverbji 10:22.

82:​2, 5. “Is-​sisien kollha taʼ l-​art” jitheżżu kaġun taʼ l-​inġustizzji. Għemejjel mhux ġusti jtellfu l-​istabbilità tas-​soċjetà umana.

84:​2-5, 11-​13 (84:​1-4, 10-​12, NW). L-​apprezzament tas-​salmisti għall-​post taʼ qima taʼ Ġeħova u l-​kuntentizza tagħhom bil-​privileġġi tas-​servizz huma taʼ eżempju għalina.

86:5. Kemm aħna grati li Ġeħova hu lest li ‘jaħfer’! Hu jfittex evidenza li tipprovdi bażi biex juri ħniena mal-​midneb li jkun nidem.

87:​5, 6. Dawk li se jkollhom ħajja taʼ dejjem fil-​Ġenna taʼ l-​art qatt se jkunu jafu l-​ismijiet taʼ dawk li ġew irxoxtati għal ħajja fis-​sema? Dawn il-​versi jindikaw li x’aktarx dan huwa possibbli.

88:​14, 15 (88:​13, 14, NW ). Meta ndumu ma nirċievu tweġiba għat-​talb tagħna fuq xi problema partikulari, x’aktarx ikun ifisser li Ġeħova jridna nuru s-​sinċerità tad-​devozzjoni tagħna lejh.

“RODDULU ĦAJR U BIERKU ISMU”

(Salm 90:1–​106:48)

Ikkunsidra d-​diversi raġunijiet għala għandna nfaħħru lil Ġeħova, li huma msemmijin fir-​rabaʼ ġabra tas-​salmi. F’Salm 90, Mosè jagħmel kuntrast bejn l-​eżistenza tas-​“Sultan taʼ l-​eternità” u l-​ħajja qasira tal-​bniedem. (1 Timotju 1:​17) Skond Salm 91:​2, Mosè jirreferi għal Ġeħova bħala ‘l-​kenn u l-​qawwa tiegħu’​—is-​Sors tiegħu taʼ sigurtà. Il-​ftit salmi taʼ wara jitkellmu dwar il-​kwalitajiet sbieħ, il-​ħsibijiet mill-​aqwa, u l-​għemejjel taʼ l-​għaġeb t’Alla. Tliet salmi jibdew bl-​espressjoni “l-​Mulej isaltan.” (Salm 93:1; 97:1; 99:1) Meta jitkellem dwar Ġeħova bħala l-​Ħallieq tagħna, is-​salmista jistidinna biex ‘irroddulu ħajr u nbierku ismu.’​—Salm 100:4.

Ħakkiem li jibżaʼ minn Ġeħova kif għandu jamministra l-​affarijiet tiegħu? Salm 101, komponut mis-​Sultan David, jipprovdi t-​tweġiba. Is-​salm li jmiss jgħidilna li Ġeħova ‘jismaʼ t-​talb tal-​mitluqin, u ma jistmellx it-​talb tagħhom.’ (Salm 102:18 [102:​17, NW]) Salm 103 jiġbed l-​attenzjoni lejn il-​qalb tajba bl-​imħabba u l-​ħniena taʼ Ġeħova. Meta jirreferi għall-​għadd kbir taʼ ħlejjaq li hawn fuq l-​art, is-​salmista jesklama: “Kemm huma kotrana l-​għemejjel tiegħek, Mulej! Kollha bl-​għerf għamilthom.” (Salm 104:24) L-​aħħar żewġ salmi tar-​Rabaʼ Ktieb ifaħħru lil Ġeħova għax-​xogħlijiet tiegħu taʼ l-​għaġeb.​—Salm 105:​2, 5; 106:​7, 22.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

91:​1, 2—X’inhu “l-​post sigriet taʼ l-​Iktar Għoli,” (NW) u kif nistgħu ‘ngħammru’ fih? Dan huwa post figurattiv taʼ sigurtà​—kundizzjoni jew stat taʼ protezzjoni mill-​ħsara spiritwali. Il-​post huwa sigriet minħabba li m’huwiex magħruf minn dawk li ma jafdawx f’Alla. Aħna nagħmlu lil Ġeħova l-​post fejn ‘ngħammru’ billi nħarsu lejh bħala l-​kenn u l-​fortizza tagħna, billi nfaħħruh bħala l-​Ħakkiem Sovran taʼ l-​univers, u billi nippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Aħna nħossuna fiż-​żgur spiritwalment għax nafu li Ġeħova hu dejjem lest li jgħinna.​—Salm 90:1.

92:13 (92:​12, NW )​—Il-​ġusti b’liema mod ‘iħaddru bħall-​palma’? Il-​palma hija magħrufa għall-​frott li tipproduċi taʼ kull sena. Bniedem ġust hu bħal palma fis-​sens li hu rett f’għajnejn Ġeħova u jibqaʼ jipproduċi “frott tajjeb,” li jinkludi għemejjel tajbin.​—Mattew 7:​17-​20.

Lezzjonijiet Għalina:

90:​7, 8, 13, 14. L-​atti ħżiena tagħna dejjem iħassru r-​relazzjoni tagħna maʼ l-​Alla l-​veru. U d-​dnubiet li nagħmlu minn taħt ma jistgħux jinħbew minnu. Madankollu, jekk aħna verament nindmu u nabbandunaw il-​korsa żbaljata tagħna, Ġeħova jġedded il-​favur tiegħu lejna billi ‘jimliena bit-​tjieba tiegħu.’

90:​10, 12. Peress li l-​ħajja hi qasira, aħna rridu “ngħoddu jiem ħajjitna.” Kif? Billi “nimxu bil-​għaqal,” jew billi nużaw l-​għarfien sabiex il-​jiem li fadlilna ma jkunux moħlijin, iżda jintużaw b’mod li jogħġob lil Ġeħova. Dan jirrikjedi li npoġġu prijoritajiet spiritwali u nużaw il-​ħin tagħna bil-​għaqal.​—Efesin 5:​15, 16; Filippin 1:​10.

90:17. Huwa tajjeb li nitolbu li Ġeħova ‘jwettqilna x-​xogħol taʼ idejna’ u jbierek l-​isforzi tagħna fil-​ministeru.

92:​15, 16 (92:​14, 15, NW ). Meta nkunu studenti ħabrieka tal-​Kelma t’Alla u nassoċjaw regolarment mal-​poplu taʼ Ġeħova, uħud imdaħħlin fiż-​żmien ikomplu jkunu “kollhom saħħa u jħaddru” ( )​—f’saħħithom spiritwalment—u jagħtu prova li huma utli u taʼ valur għall-​kongregazzjoni.

94:19. Ikun xi jkun il-​kaġun taʼ “l-​hemm” tagħna, jekk naqraw u nimmeditaw fuq “il-​faraġ” li jinsab fil-​Bibbja, niksbu s-​serħan.

95:​7, 8. Jekk nagħtu widen u attenzjoni għall-​pariri Skritturali, u nkunu lesti li nobduhom, se nevitaw li nsiru nies taʼ qalb iebsa.​—Ebrej 3:​7, 8.

106:​36, 37. Dawn il-​versi jorbtu l-​qima taʼ l-​idoli mas-​sagrifiċċji lid-​demonji. Dan jindika li persuna li tuża l-​idoli tistaʼ taqaʼ taħt l-​influwenza tad-​demonji. Il-​Bibbja tħeġġiġna: “Ħarsu ruħkom mill-​idoli.”​—1 Ġwanni 5:​21.

“Hallelujah!”

L-​aħħar tliet għanjiet tar-​Rabaʼ Ktieb tas-​Salmi jikkonkludu b’din it-​twissija: “Hallelujah!” L-​aħħar salm ukoll jibda hekk. (Salm 104:35; 105:45; 106:​1, 48) Fil-​fatt, l-​espressjoni “Hallelujah!” tidher spiss fir-​Rabaʼ Ktieb tas-​salmi.

Bla dubju hemm ħafna raġunijiet għaliex għandna nfaħħru lil Ġeħova. Salmi 73 sa 106 jagħtuna ħafna fuqiex naħsbu u jimlewlna qlubna bi gratitudni lejn Missierna tas-​sema. Meta naħsbu dwar dak kollu li diġà għamel għalina u li għad irid jagħmel fil-​futur, ma nitqanqlux aħna biex ‘infaħħru l-​Mulej’ bis-​setgħa kollha tagħna?

[Stampa f’paġna 10]

Bħal Asaf, aħna nistgħu nkampaw mal-​ħażen billi nersqu “qrib Alla”

[Stampa f’paġna 11]

Il-​Fargħun sofra telfa fil-​Baħar l-​Aħmar

[Stampa f’paġna 11]

Taf għaliex il-​manna tissejjaħ “il-​ħobż tal-​qalbenin”?

[Stampa f’paġna 13]

X’jgħinna ntaffu “l-​hemm” tagħna?