Referenza Mhux mill-Bibbja għal Poplu Msejjaħ Iżrael
Referenza Mhux mill-Bibbja għal Poplu Msejjaħ Iżrael
FIL-MUŻEW tal-Kajr fl-Eġittu, hemm ġebla tal-granit li tissejjaħ stela, li tikkommemora r-rebħiet tal-Fargħun Mernepta. Skond il-kalkoli taʼ xi studjużi, dan it-13-il tifel taʼ Ramses II ħakem bejn is-sena 1212 u s-sena 1202 Q.E.K.—lejn l-aħħar parti tal-perijodu taʼ l-Imħallfin f’Iżrael tal-qedem. Fl-aħħar żewġ linji taʼ l-istela taʼ Mernepta hemm miktub: “Kangħan huwa misruq għalkollox. Askalon hu maħtuf, Geżer maqbud, [u] Janogħam miġjub fix-xejn. Iżrael hu deżolat, u nislu ntemm.”
Xi tfisser il-kelma “Iżrael” f’dan il-kuntest? Fil-kitba ġeroglifika, li hi kitba bis-simboli, ġew miżjudin xi simboli oħrajn li ma jitlissnux u li jissejħu determinattivi biex jindikaw il-kategorija li lilha kien jappartjeni l-kliem. Il-pubblikazzjoni The Rise of Ancient Israel tispjega: “Maġenb tlieta mill-erbaʼ termini—Askalon, Geżer u Janogħam—hemm determinattiv li jgħidilna li dawn huma bliet. . . . Id-determinattiv maġenb Iżrael, madankollu, jirreferi għal poplu.”—Korsiv tagħna.
X’inhi t-tifsira taʼ din is-silta? Hershel Shanks, editur u awtur, iwieġeb: “L-Istela taʼ Mernepta turi li fis-sena 1212 Q.E.K. kien jeżisti poplu li jissejjaħ Iżrael u li l-fargħun taʼ l-Eġittu mhux biss kien jaf dwaru, iżda wkoll ħass li kellu jiftaħar dwar il-fatt li kien rebaħlu fit-taqbid.” William G. Dever, professur taʼ l-arkeoloġija tal-Lvant Nofsani, jikkummenta: “L-Istela taʼ Mernepta b’mod ċar tgħidilna: Tassew jeżisti poplu f’Kangħan li jsejjaħ lilu nnifsu ‘Iżrael,’ u għalhekk, jissejjaħ ‘Iżrael’ mill-Eġizzjani—li, wara kollox, dawn ma jinteressahomx mill-awtentiċità tal-Bibbja, u ma setgħux ivvintaw poplu speċifiku u uniku bħalma hu ‘Iżrael’ għal skopijiet taʼ propaganda għalihom infushom.”
Fil-Bibbja, l-ewwel darba li jissemma Iżrael huwa bħala isem mogħti lill-patrijarka Ġakobb. Id-dixxendenti tat-12-il tifel taʼ Ġakobb saru magħrufin bħala “wlied Iżrael.” (Ġenesi 32:23–29, 33 [32:22-28, 32, NW]; 35:9, 10) Snin wara, kemm il-profeta Mosè kif ukoll il-Fargħun taʼ l-Eġittu użaw il-kelma “Iżrael” meta rreferew għal dawn id-dixxendenti taʼ Ġakobb. (Eżodu 5:1, 2) L-istela taʼ Mernepta hi l-eqdem referenza mhix Biblika għal poplu msejjaħ Iżrael.
[Stampi f’paġna 24]
L-istela taʼ Mernepta
L-aħħar tliet simboli flimkien (mil-lemin għax-xellug)—bastun u raġel u mara bil-qiegħda—jidentifikaw lil Iżrael bħala poplu barrani
[Sors]
Egyptian National Museum, Cairo, Egypt/Giraudon/The Bridgeman Art Library