X’Inhi s-Saltna t’Alla?
X’Inhi s-Saltna t’Alla?
X’DIŻASTRU terribbli laqat lill-bnedmin fil-bidu taʼ l-istorja umana! Anġlu rribella kontra l-awtorità taʼ dak il-Wieħed stess li kien ħalqu. Dan ir-ribell ħajjar lil Eva, l-ewwel mara, biex tiekol mill-frotta projbita. Hekk kif beda jindirizza lilha u lil Adam, ir-raġel tagħha, l-anġlu qal: “Le, żgur ma tmutux. Imma Alla jaf li dak in-nhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin.” (Ġenesi 2:16, 17; 3:1-5) L-anġlu ribelluż beda jissejjaħ Xitan u Satana.—Rivelazzjoni 12:9.
Tat widen Eva għall-kliem taʼ Satana? Il-Bibbja tgħidilna: “Il-mara rat li s-siġra kienet tajba għall-ikel u tiġbdek fil-għajn, u s-siġra tħajjrek biex tikseb id-dehen, u ħadet mill-frott u kielet. Mbagħad tat ukoll lil żewġha, li kien magħha, u kiel.” (Ġenesi 3:6) Iva, Adam u Eva, l-ewwel koppja, ngħaqdu maʼ Satana fir-ribelljoni tiegħu. B’konsegwenza taʼ dan, huma tilfu l-Ġenna taʼ l-art għalihom infushom u għad-dixxendenti tagħhom. L-ulied li kellhom jitwieldu perfetti bil-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem issa kienu se jirtu d-dnub u l-mewt.—Rumani 5:12.
Alla Ġeħova, il-Ħakkiem Sovran taʼ l-univers, kif irreaġixxa għal dan? Hu għamel provvediment sabiex jinħafru d-dnubiet. (Rumani 5:8) Alla Ġeħova stabbilixxa wkoll arranġament governattiv biex jimmaniġġa din il-kriżi. Dan l-arranġament jissejjaħ “is-saltna t’Alla.” (Luqa 21:31) Bħala Saltna sekondarja għall-ħakma universali t’Alla din ġiet imwaqqfa biex twettaq skop speċifiku.
X’inhu l-iskop tas-Saltna t’Alla? X’inhuma xi ftit mill-aspetti tagħha, u kif jitqabblu mat-tmexxija tal-bniedem? Meta kellha tibda taħkem din is-Saltna? Dawn il-mistoqsijiet se jiġu diskussi fl-artiklu li jmiss.