Eżempju t’Onestà
Eżempju t’Onestà
NELMA, li taħdem bħala parrukkiera fi Cruzeiro do Sul, il-Brażil, reċentement iffaċċjat prova taʼ l-integrità Kristjana tagħha. Meta għargħar laqat l-inħawi tagħha, Nelma rċiviet xi ħwejjeġ mingħand waħda mill-klijenti tagħha. Waqt li kienet qed tara l-ħwejjeġ, hi sabet ammont taʼ flus ekwivalenti għal Lm312 fil-bwiet taʼ xi qliezet.
Il-flus li sabet Nelma kienu jammontaw daqs xi sebaʼ xhur paga għaliha, u tassew kellha bżonnhom. Darha stess ġarrbet ħsara minħabba l-għargħar, u missierha u ħutha kienu tilfu ħafna minn dak li kellhom. B’dawn il-flus, hi setgħet tlesti t-tiswijiet fid-dar tagħha u xorta kien jifdal xi flus biex tgħin lil qrabatha. Madankollu, il-kuxjenza mħarrġa fuq il-Bibbja taʼ Nelma ma ħallithiex iżżomm il-flus għaliha.—Ebrej 13:18.
Kmieni l-għada fil-għodu, hi marret għax-xogħol qabel ma fetaħ il-ħanut u kkuntattjat lin-negozjanta li kienet tatha l-ħwejjeġ bħala donazzjoni. Nelma rringrazzjatha tal-ħwejjeġ, però qaltilha li hi ma setgħetx iżżomm dak li sabet fihom. Il-mara tgħidx kemm ferħet li rċiviet il-flus lura! Hi kienet warrbet il-flus biex tħallas lill-impjegati tagħha. “L-onestà hija xi ħaġa rari,” qalet in-negozjanta.
Tabilħaqq, xi wħud għandhom mnejn iħossu li l-onestà m’għandhiex xi mertu speċjali. Madankollu, l-onestà hija kwalità taʼ valur kbir għal dawk li qed jirsistu biex jogħġbu lill-Alla l-veru, Ġeħova. (Efesin 4:25, 28) “Li kieku aġixxejt mod ieħor ma kontx inkun nistaʼ norqod bil-lejl,” qalet Nelma.