Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Is-Sistema Solari Unika Tagħna—Kif Bdiet Teżisti

Is-Sistema Solari Unika Tagħna—Kif Bdiet Teżisti

Is-​Sistema Solari Unika TagħnaKif Bdiet Teżisti

HEMM ħafna fatturi li flimkien jagħmlu lis-​sistema solari tagħna unika. Is-​sistema solari tagħna tinsab bejn tnejn mid-​dirgħajn b’forma spirali tat-​Triq tal-​Ħalib f’reġjun li tistaʼ tgħid għandu ftit stilel. Kważi l-​istilel kollha li nistgħu naraw bil-​lejl huma tant ’il bogħod minna li jibqgħu jidhru bħala sempliċi tikek taʼ dawl meta jiġu osservati mill-​akbar teleskopji. Huwa dan kif għandu jkun?

Kieku s-​sistema solari tagħna kienet qrib iċ-​ċentru tat-​Triq tal-​Ħalib, aħna konna nsofru l-​effetti taʼ ħsara minħabba li nkunu fost ammont kbir taʼ stilel. Per eżempju, l-​orbita taʼ l-​Art x’aktarx li tiġi mfixkla, u dan kieku jeffettwa l-​ħajja umana b’mod drammatiku. Tabilħaqq, is-​sistema solari tidher li għandha l-​pożizzjoni preċiża fil-​galassja biex tevita dan u perikli oħrajn, bħal per eżempju li tisħon iżżejjed meta tgħaddi minn sħab taʼ gass u tkun esposta għal stilel li qed jisplodu u sorsi oħrajn taʼ radjazzjoni qattiela.

Ix-xemx hija tip taʼ stilla ideali għall-​bżonnijiet tagħna. Din tikwi l-​ħin kollu, għandha ħajja twila, u la hi kbira żżejjed u lanqas taħraq iżżejjed. Il-​biċċa l-​kbira mill-​istilel fil-​galassja tagħna huma ħafna iżgħar mix-​xemx tagħna u la jipprovdu t-​tip tajjeb taʼ dawl u lanqas l-​ammont tajjeb taʼ sħana biex isostnu l-​ħajja fuq xi pjaneta li tkun bħall-​art. Iktar minn hekk, permezz tal-​gravità ħafna mill-​istilel huma magħqudin maʼ stilla oħra jew iktar u jduru madwar xulxin. B’kuntrast maʼ dan, ix-​xemx tagħna hija indipendenti. X’aktarx li s-​sistema solari tagħna ma tibqax stabbli kieku kellha tiġi effettwata mill-​forza tal-​gravità taʼ żewġt ixmux jew iktar.

Fattur ieħor li jagħmel lis-​sistema solari tagħna unika huwa l-​post fejn jinsabu l-​pjaneti ġganteski fuq in-​naħa taʼ barra li għandhom orbiti kważi fit-​tond u ma joħolqux tfixkil fuq il-​forza tal-​gravità li tappartjeni lill-​pjaneti li huma bħall-​art. * Minflok, il-​pjaneti li huma fuq in-​naħa taʼ barra jwettqu l-​funzjoni protettiva li jassorbu u jimbottaw lura oġġetti perikolużi. “L-​asterojdi u l-​kometi jolqtuna iżda mhux f’ammont eċċessiv, grazzi għall-​preżenza taʼ pjaneti ġganteski komposti primarjament mill-​gass bħalma hi Ġove taʼ fuqna,” jispjegaw ix-​xjenzati Peter D. Ward u Donald Brownlee fil-​ktieb tagħhom Rare Earth​—Why Complex Life Is Uncommon in the Universe. Ġew skoperti sistemi solari oħrajn bħal tagħna li għandhom pjaneti ġganteski. Iżda ħafna minn dawn il-​pjaneti għandhom orbiti li jistgħu jipperikolaw xi pjaneta iżgħar li tkun bħall-​art.

L-​Irwol tal-​Qamar

Sa minn żmien il-​qedem, il-​qamar tagħna ħalla effett taʼ stagħġib fuq il-​bnedmin. Il-​qamar ispira poeti u mużiċisti. Per eżempju, poeta Ebrew tal-​qedem jiddeskrivi l-​qamar bħala li “jibqaʼ għal dejjem; it-​tron tiegħu aktar sod mis-​sema.”​—Salm 89:38 (89:​37, NW).

Mod importanti wieħed li bih il-​qamar jeffettwa l-​ħajja fuq l-​art hu li l-​ġibda tal-​gravità tiegħu tikkaġuna l-​frugħ u l-​mili tal-​baħar. Huwa maħsub li l-​movimenti tal-​marea huma fundamentali għall-​kurrenti taʼ l-​oċeani li, min-​naħa tagħhom, huma vitali għat-​temp tagħna.

Skop fundamentali ieħor li għandu l-​qamar hu li l-​forza tal-​gravità tiegħu tistabbilixxi l-​assi taʼ l-​art b’konnessjoni maʼ l-​orbita taʼ wiċċ l-​art madwar ix-​xemx. Skond ir-​rivista xjentifika Nature, mingħajr il-​qamar, l-​inklinazzjoni taʼ l-​assi taʼ l-​art tinbidel matul perijodi twal taʼ żmien minn “kważi 0 [gradi] għal 85 [grad].” Immaġina kieku l-​assi taʼ l-​art ma kienx immejjel! Kieku aħna ma nesperjenzawx il-​bidla mill-​isbaħ taʼ l-​istaġuni u nbatu minn nuqqas taʼ xita. Il-​mod kif l-​art hi mmejla jżomm it-​temperaturi milli jsiru estremi żżejjed għalina biex ngħixu fihom. “Aħna għandna klima stabbli llum grazzi għal ġrajja eċċezzjonali: il-​preżenza tal-​Qamar,” jikkonkludi l-​astronomu Jacques Laskar. Sabiex iwettaq l-​irwol tiegħu li jistabbilixxi l-​assi taʼ l-​art, il-​qamar tagħna huwa kbir​—relattivament akbar mill-​qmura tal-​pjaneti ġganteski.

Jerġaʼ funzjoni oħra li għandha s-​satellita naturali taʼ l-​art, kif qal il-​kittieb tal-​Ġenesi, il-​ktieb Bibliku tal-​qedem, hija li l-​qamar iservi bħala mnara bil-​lejl.​—Ġenesi 1:​16.

B’Kumbinazzjoni jew bi Skop?

Wieħed kif jistaʼ jispjega d-​diversi fatturi li meta jseħħu flimkien jagħmlu l-​ħajja fuq l-​art mhux biss possibbli iżda anki pjaċevoli? Jidher li jistaʼ jkun hemm biss żewġ alternattivi. L-​ewwel waħda hi li dawn il-​fatturi kollha huma l-​prodott aċċidentali taʼ kumbinazzjoni bla skop. It-​tieni hi li hemm xi skop intelliġenti warajhom.

Eluf taʼ snin ilu, l-​Iskrittura Mqaddsa qalet li l-​univers tagħna ġie msawwar u msejjes minn Ħallieq​—Alla li Jistaʼ Kollox. Jekk dan hu minnu, ifisser li l-​kundizzjonijiet li jeżistu fis-​sistema solari tagħna huma l-​prodott, mhux taʼ xi kumbinazzjoni, iżda taʼ disinn intenzjonat. Il-​Ħallieq tana rakkont bil-​miktub, biex ngħidu hekk, tal-​passi li hu ħa biex jagħmel il-​ħajja fuq l-​art possibbli. Għandek mnejn tibqaʼ mistagħġeb meta ssir taf li avolja dan ir-​rakkont għandu madwar 3,500 sena, il-​ġrajjiet fl-​istorja taʼ l-​univers deskritti fih bażikament jikkorrispondu maʼ dak li x-​xjenzati jemmnu li setaʼ ġara. Dan ir-​rakkont jinsab fil-​ktieb Bibliku tal-​Ġenesi. Ikkunsidra dak li jgħid.

Ir-​Rakkont tal-​Ġenesi dwar il-​Ħolqien

“Fil-​bidu Alla ħalaq is-​sema u l-​art.” (Ġenesi 1:1) Il-​kliem tal-​ftuħ fil-​Bibbja jirreferi għall-​ħolqien tas-​sistema solari tagħna, inkluż il-​pjaneta tagħna, kif ukoll il-​ħolqien taʼ l-​istilel fil-​biljuni taʼ galassji li minnhom hu magħmul l-​univers tagħna. Skond il-​Bibbja, xi darba l-​wiċċ taʼ l-​art kien ‘għeri u fieragħ’ (Saydon). Ma kienx hemm kontinenti u ebda art produttiva. Iżda l-​kliem li jmiss jenfasizza dak li x-​xjenzati jgħidu li hija l-​iktar ħtieġa importanti għal pjaneta li ssostni l-​ħajja​—abbundanza taʼ ilma. L-​ispirtu t’Alla kien jittajjar “fuq wiċċ l-​abbissi u fuq wiċċ l-​ibħra.”​—Ġenesi 1:2.

Sabiex l-​ilma tal-​wiċċ jibqaʼ likwidu, pjaneta trid tkun ċertu distanza ’l bogħod mix-​xemx tagħha. “Marte hija wisq kiesħa, Venere taħraq wisq, l-​Art hija eżatt kif għandha tkun,” jispjega x-​xjenzat planetarju Andrew Ingersoll. B’mod simili, sabiex jikber il-​ħaxix, irid ikun hemm biżżejjed dawl. U b’mod sinifikanti, ir-​rakkont fil-​Bibbja jirrapporta li matul perijodu bikri tal-​ħolqien, Alla ġiegħel id-​dawl tax-​xemx jippenetra s-​sħab sewdieni taʼ fwar taʼ l-​ilma li kien jiksi l-​oċean bħal ‘fisqija’ madwar tarbija.​—Ġob 38:​4, 9, Saydon; Ġenesi 1:​3-5.

Fil-versi li jmiss tal-​Ġenesi, naqraw li lĦallieq ipproduċa dik li l-​Bibbja ssejħilha “medda.” (Ġenesi 1:​6-8) Din il-​medda hija mimlija b’gassijiet li jifformaw l-​atmosfera tad-​dinja.

Il-Bibbja mbagħad tispjega li Alla bidel il-​wiċċ bla forma taʼ l-​art biex jagħmel art niexfa. (Ġenesi 1:​9, 10) Milli jidher hu ġiegħel il-​qoxra taʼ l-​art titgħawweġ u tiċċaqlaq. B’riżultat taʼ dan, setgħu fformaw gandotti fondi u l-​kontinenti għolew ’il fuq mill-​oċean.​—Salm 104:​6-8.

F’xi żmien mhux speċifikat fl-​istorja taʼ l-​art, Alla ħalaq l-​alki mikroskopiċi fl-​oċeani. Billi uża l-​enerġija mix-​xemx, dawn l-​organiżmi b’ċellula waħda li jirriproduċu lilhom infushom bdew jikkonvertu d-​dijossidu karboniku f’ikel waqt li jitilqu l-​ossiġnu fl-​atmosfera. Dan il-​proċess meraviljuż ġie mgħaġġel waqt it-​tielet perijodu tal-​ħolqien permezz tal-​ħolqien tal-​ħxejjex li maż-​żmien ksew l-​art. Għalhekk, l-​ammont t’ossiġnu fl-​atmosfera żdied, u dan għamilha possibbli għall-​bnedmin u l-​annimali biex jgħixu billi jieħdu n-​nifs.​—Ġenesi 1:​11, 12.

Sabiex jagħmel l-​art produttiva, il-​Ħallieq ħoloq varjetà taʼ mikro-organiżmi biex jgħixu fil-​ħamrija. (Ġeremija 51:15) Dawn il-​ħlejjaq ċkejknin ifarrku l-​materjal mejjet f’biċċiet żgħar, u b’hekk jirriċiklaw l-​elementi li jużaw il-​pjanti biex jikbru. Tipi speċjali taʼ batterji tal-​ħamrija jiksbu n-​nitroġenu mill-​arja u jagħmlu dan l-​element vitali disponibbli lill-​pjanti sabiex ikunu jistgħu jikbru. B’mod taʼ l-​għaġeb, ponn medju taʼ ħamrija fertili jistaʼ jkun fih sitt biljun mikro-organiżmu!

Ġenesi 1:​14-​19 jiddeskrivi l-​formazzjoni tax-​xemx, il-​qamar, u l-​istilel fir-​rabaʼ perijodu tal-​ħolqien. Għall-​ewwel jistaʼ jidher li dan jikkontradixxi l-​ispjegazzjoni Skritturali. Iżda żomm f’moħħok li Mosè, il-​kittieb tal-​Ġenesi, kiteb ir-​rakkont tal-​ħolqien bħallikieku mill-​ħarsa taʼ xi ħadd li qed josserva minn fuq l-​art. Milli jidher, ix-​xemx, il-​qamar, u l-​istilel saru viżibbli permezz taʼ l-​atmosfera taʼ l-​art f’dak iż-​żmien.

Ir-rakkont tal-​Ġenesi jgħid li l-​ħlejjaq tal-​baħar dehru fil-​ħames perijodu taʼ ħolqien u dak taʼ l-​annimali terrestri u tal-​bniedem fis-​sitt perijodu.​—Ġenesi 1:​20-​31.

L-​Art Kienet Magħmula biex Titgawda

Ma taħsibx int li l-​ħajja fuq l-​art, li bdiet teżisti bil-​mod kif ġie deskritt fir-​rakkont tal-​Ġenesi, kienet magħmula biex titgawda? Qatt qomt xi darba f’xi ġurnata xemxija, ħadt in-​nifs fl-​arja friska, u ħassejtek kuntent li qed tgħix? Forsi ħadt xi mixja f’xi ġnien u gawdejt is-​sbuħija u r-​riħa tal-​fjuri. Jew forsi mort timxi f’xi ġnien tas-​siġar u ġbart xi frott delizzjuż. Affarijiet sbieħ bħal dawn ikunu impossibbli kieku ma kienx għal dan li ġej: (1) l-​abbundanza taʼ ilma fuq l-​art, (2) l-​ammont tajjeb taʼ sħana u dawl mix-​xemx, (3) l-​atmosfera tagħna bit-​taħlita tajba taʼ gassijiet, u (4) l-​art fertili.

Dawn il-fatturi kollha — li ma jinstabux fuq Marte, Venere, u pjaneti oħrajn fis-​sistema solari tagħna​—ma ġewx b’kumbinazzjoni. Dawn inħolqu perfetti biex jagħmlu l-​ħajja fuq l-​art pjaċevoli. Bħalma se juri l-​artiklu li jmiss, il-​Bibbja tgħid ukoll li l-​Ħallieq iddisinja l-​pjaneta sabiħa tagħna biex tibqaʼ għal dejjem.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 5 L-erbaʼ pjaneti fuq in-​naħa taʼ ġewwa fis-​sistema solari tagħna​—Merkurju, Venere, Art, u Marte​—jissejħu terrestri għaliex għandhom l-​uċuħ kollhom blat. Il-​pjaneti ġganteski li huma fuq in-​naħa taʼ barra​—Ġove, Saturnu, Uranu, u Nettunu​—huma komposti prinċipalment mill-​gass.

[Kaxxa f’paġna 6]

“Kieku jien, bħala ġeologu, kelli niġi mitlub biex nispjega fil-​qosor l-​ideat moderni taʼ kif oriġinat l-​art u żviluppat il-​ħajja fuqha lil nies taʼ ħajja sempliċi u li jgħixu fil-​kampanja, bħat-​tribujiet li lilhom kien indirizzat il-​Ktieb tal-​Ġenesi, l-​aħjar li nistaʼ nagħmel hu li nimxi fil-​qrib maʼ dak li hemm imniżżel fl-​ewwel kapitlu tal-​Ġenesi.”—Il-​ġeologu Wallace Pratt.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 7]

Il-​Post Ideali għall-​Astronomija Wkoll

Kieku x-​xemx kienet tinsab xi mkien ieħor fil-​galassja tagħna, ma kienx ikollna veduta daqshekk ċara taʼ l-​istilel. “Is-​Sistema Solari tagħna,” jispjega l-​ktieb The Privileged Planet, “tinsab . . . ’il bogħod minn reġjuni fejn hemm ħafna trab u ammont eċċessiv taʼ dawl, u dan jippermetti ħarsa ġenerali mhux biss taʼ l-​istilel fil-​viċin iżda anki taʼ partijiet imbegħdin fl-​univers.”

Iktar minn hekk, minħabba d-​distanza tal-​qamar mill-​art, il-​qjies tiegħu jippermetti li l-​qamar jgħatti x-​xemx b’mod perfett matul eklissi tax-​xemx. Dawn il-​ġrajjiet rari u taʼ l-​għaġeb jippermettu lill-​astronomi biex jistudjaw ix-​xemx. Dawn l-​istudji taw il-​possibbiltà li jiġu rivelati ħafna fatturi li qabel ma kinux magħrufin dwar għaliex l-​istilel ileqqu.

[Stampa f’paġna 5]

Il-​kobor tal-​qamar huwa kbir biżżejjed biex jistabbilixxi x-​xaqliba taʼ l-​assi taʼ l-​art

[Stampi f’paġna 7]

X’inhu dak li jagħmel il-​ħajja fuq l-​art possibbli? Huwa l-​ilma bl-​abbundanza li għandha, l-​ammont tajjeb taʼ dawl u sħana, l-​atmosfera, u l-​art fertili

[Sorsi]

Globu: Based on NASA Photo; qamħ: Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.