“Ġagħlitna Noqogħdu Għandha”
“Ġagħlitna Noqogħdu Għandha”
L-OSPITALITÀ hija magħrufa sew f’pajjiżi tal-Lvant. Per eżempju, fl-Indja familja tistaʼ saħansitra toqgħod bil-ġuħ sabiex titmaʼ mistieden li ma jkunx mistenni. Ġeneralment, l-ommijiet fl-Iran jieħdu ħsieb li jimlew il-friġġ bl-ikel sabiex ikunu jistgħu juru l-ospitalità maʼ viżitaturi mhux mistennijin.
L-ispirtu t’għoti ġeneruż bħal dan kien evidenti fost ħafna nies imsemmijin fil-Bibbja. Eżempju li jispikka hu dak taʼ Lidja, li probabbilment kienet proselita Lhudija li kienet tgħix f’Filippi, il-belt prinċipali tad-distrett tal-Maċedonja. Darba minnhom f’jum is-sabat, l-appostlu Pawlu u dawk li kienu qed jivvjaġġaw miegħu ltaqgħu maʼ Lidja u maʼ xi nisa oħrajn li kienu miġburin ħdejn xmara barra Filippi. Ġeħova messilha qalbha hekk kif Pawlu kien qed jitkellem f’dik l-okkażjoni. B’riżultat taʼ dan, hi tgħammdet flimkien maʼ xi membri tal-familja tagħha. Imbagħad bil-ħrara hi talbet lil dawk li kienu qed jivvjaġġaw: “Jekk tqisuni leali lejn Ġeħova, idħlu u oqogħdu f’dari.” Luqa, li kien qed jakkumpanja lil Pawlu, stqarr: “Ġagħlitna noqogħdu għandha.”—Atti 16:11-15.
Bħal Lidja, il-Kristjani llum juru l-ospitalità maʼ sħabhom fit-twemmin, bħall-indokraturi li jivvjaġġaw u n-nisa tagħhom. Dawk li jistidnuhom ‘iġagħluhom joqogħdu għandhom.’ Min-naħa l-oħra, dawk li juru l-ospitalità jiġu mberkin b’konversazzjoni li tibni u sħubija spiritwali. Għalkemm ħafna mix-Xhieda taʼ Ġeħova m’humiex sinjuri, huma ‘dejjem juru l-ospitalità.’ (Rumani 12:13; Ebrej 13:2) L-ispirtu tagħhom taʼ li jagħtu jagħmilhom henjin. Ċertament li Ġesù kien qed jgħid is-sewwa meta qal: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—Atti 20:35.