Ara! Id-Dawl hu taʼ l-Għaġeb!
Ara! Id-Dawl hu taʼ l-Għaġeb!
TAF kemm tistaʼ tkun esperjenza tedjanti jekk xi darba kellek itteftef b’idejk biex tara fejn int miexi fi dlam ċappa. Kemm tħossok aħjar meta tara d-dawl! Jistaʼ jkun ukoll li ġieli ġejt f’sitwazzjoni li tistaʼ xxebbahha maʼ dalma. Forsi dan kien meta ma stajtx tara kif se toħroġ minn xi problema. Imbagħad bil-mod il-mod bdejt tara d-dawl—kien hemm soluzzjoni. Hija esperjenza meraviljuża li toħroġ minn dalma bħal din u tiġi fid-dawl.
Fl-ewwel seklu, in-nies in ġenerali kienu fi dlam spiritwali. Meta kien qed jindirizza lil dawk li ħallew warajhom it-twemmin tagħhom taʼ qabel u ħaddnu l-Kristjanità, l-appostlu Pietru kiteb: “[Alla] sejħilkom mid-dlam għal ġod-dawl tiegħu taʼ l-għaġeb.” (1 Pietru 2:9) Għalihom, din kienet bidla minn li jkunu fi dlam ċappa għal li jidħlu f’dawl qawwi. Tistaʼ wkoll titqabbel maʼ li tkun waħdek u mingħajr tama u mbagħad issir membru taʼ familja b’futur fis-sigurtà.—Efesin 2:1, 12.
“Tlaqt l-Imħabba li Kellek fil-Bidu”
Il-Kristjani tal-bidu sabu “l-verità”—il-fidi Kristjana vera. (Ġwanni 18:37) Huma raw id-dawl meraviljuż tal-verità u għamlu l-bidla minn dlam spiritwali għal dawl qawwi. Madankollu, mal-mogħdija taż-żmien, l-entużjażmu u ż-żelu li xi Kristjani kellhom fil-bidu birdu. Per eżempju, lejn l-aħħar taʼ l-ewwel seklu żviluppat problema serja fil-kongregazzjoni t’Efesu. Ġesù Kristu rxoxtat identifika l-problema, meta qal: “Għandi dan kontrik, li int tlaqt l-imħabba li kellek fil-bidu. Għalhekk, ftakar minn xiex waqajt, u indem u agħmel l-għemejjel li kont tagħmel qabel.” (Rivelazzjoni 2:4, 5) Il-Kristjani f’Efesu kellhom bżonn jerġgħu jkebbsu l-imħabba tagħhom għal Alla u għall-verità.
Xi ngħidu għalina? Aħna wkoll esperjenzajna l-hena li jiġi meta tara d-dawl, jiġifieri meta sirna nafu l-verità meraviljuża tal-Kelma t’Alla. Aħna sirna nħobbu l-verità. Imma d-diffikultajiet li normalment jiffaċċjaw il-bnedmin jistgħu jnaqqsu l-imħabba tagħna għall-verità. Barra minn hekk, jistaʼ jkollna l-problemi li jġibu magħhom “l-aħħar jiem.” Aħna qed ngħixu f’dinja karatterizzata minn “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom”—dinja mimlija b’nies li “jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-flus, minfuħin bihom infushom, suppervi, midgħija, diżubbidjenti lejn il-ġenituri, ingrati, żleali.” (2 Timotju 3:1, 2) L-influwenza tagħhom tistaʼ tnaqqas iż-żelu tagħna u ġġiegħel l-imħabba tagħna għal Ġeħova tibred.
Jekk tlifna l-imħabba li kellna fil-bidu, għandna bżonn ‘niftakru minn xiex waqajna u nindmu.’ Għandna bżonn nerġgħu lura għall-istat spiritwali li kellna qabel. Iktar minn hekk, irridu noqogħdu attenti li ma nħallux l-apprezzament tagħna għall-verità jmajna. Kemm hu vitali li lkoll kemm aħna nżommu attitudni pożittiva u ferriħija u nkunu ċerti li l-imħabba tagħna għal Alla u għall-verità tiegħu tibqaʼ ħajja!
‘Il-Verità li Teħlisna’
Id-dawl tal-verità Skritturali huwa taʼ l-għaġeb minħabba li l-Bibbja twieġeb mistoqsijiet
importanti li ilhom iħawdu lill-bnedmin għal millennji sħaħ. Fost dawn il-mistoqsijiet hemm: Għala qegħdin hawn? X’inhu l-iskop tal-ħajja? Għala jeżisti l-ħażen? Hemm ħajja wara l-mewt? Ġeħova tana d-dawl permezz taʼ veritajiet taʼ l-għaġeb dwar tagħlim Bibliku. M’għandniex aħna nkunu tassew grati? Jalla qatt ma nuru nuqqas taʼ gratitudni għal dak li tgħallimna!Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tkunu tafu l-verità, u l-verità teħliskom.” (Ġwanni 8:32) Is-sagrifiċċju tal-fidwa taʼ Ġesù għamilha possibbli li ninħelsu mid-dnub u l-mewt. Imma dawn il-veritajiet prezzjużi ħelsuna wkoll mill-injoranza u l-inċertezzi tad-dinja li tinsab miksija bid-dlam. Jekk nimmeditaw b’apprezzament dwar dak li tgħallimna se nsaħħu l-imħabba tagħna għal Ġeħova u għall-Kelma tiegħu.
L-appostlu Pawlu kiteb lill-Kristjani f’Tessalonika: “Meta rċivejtu l-kelma t’Alla, li smajtu mingħandna, ma lqajtuhiex bħala l-kelma tal-bnedmin, imma bħalma hi tassew, bħala l-kelma t’Alla, li qed taħdem ukoll fikom li temmnu.” (1 Tessalonikin 2:13) It-Tessalonikin semgħu u ‘aċċettaw il-kelma [t’Alla] bil-ferħ.’ Huma ma kinux għadhom “fid-dlam.” Minflok, huma kienu saru “wlied id-dawl.” (1 Tessalonikin 1:4-7; 5:4, 5) Dawn il-Kristjani saru jafu li Ġeħova hu l-Ħallieq u li hu jistaʼ kollox, għaref, kollu mħabba, u ħanin. Bħal segwaċi oħrajn taʼ Kristu, huma wkoll tgħallmu li Ġeħova għamel provvediment biex iħassar għalkollox id-dnubiet tagħhom permezz tas-sagrifiċċju tal-fidwa taʼ Ibnu, Ġesù Kristu.—Atti 3:19-21.
Għalkemm it-Tessalonikin ma kinux jafu kollox dwar il-verità, huma kienu jafu fejn kellhom ifittxu għall-għarfien. L-Iskrittura ispirata tistaʼ tagħmel lil dak li jkun “kapaċi għalkollox, armat bis-sħiħ għal kull għemil tajjeb.” (2 Timotju 3:16, 17) Il-Kristjani f’Tessalonika setgħu jkomplu jistudjaw, u b’hekk jesperjenzaw għal darba wara l-oħra li d-dawl minn Alla hu tassew taʼ l-għaġeb. Huma kellhom għalxiex jifirħu f’kull ħin. (1 Tessalonikin 5:16) U l-istess aħna.
Dawl fil-Mogħdija Tagħna
Meta s-salmista stqarr raġuni waħda għala d-dawl hu meraviljuż, hu għanna: “Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek, u dawl fil-mogħdija tiegħi.” (Salm 119:105) Il-gwida divina li nirċievu mill-Kelma t’Alla tistaʼ tgħinna nippjanaw ħajja tajba u ngawdu ħajja sodisfaċenti. M’għandniex għalfejn inkunu bħal vapur mitluq mal-kurrent. Jekk inkunu nafu l-verità u napplikawha, se niġu protetti milli nkunu “mitfugħin ’l hawn u ’l hinn qisu mill-mewġ u mtajrin minn kull riħ taʼ tagħlim.”—Efesin 4:14.
Il-Bibbja tgħid: “La tittamawx fil-kbarat, għax il-bniedem ma jsalvakomx.” Din tgħid ukoll: “Hieni min f’Alla taʼ Ġakobb isib l-għajnuna tiegħu, min għandu t-tama fil-Mulej Alla tiegħu.” (Salm 146:3, 5) Iktar minn hekk, jekk inpoġġu fiduċja f’Ġeħova se niġu megħjunin negħlbu l-biżaʼ u l-ansjetà. L-appostlu Pawlu kiteb: “Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-qawwa mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Filippin 4:6, 7) Huwa tassew taʼ benefiċċju li niġu gwidati mid-dawl tal-Kelma t’Alla.
Iddu bħal Dawwala fid-Dinja
Jerġaʼ raġuni oħra għala d-dawl tal-Kelma t’Alla hu taʼ l-għaġeb hi li dan jiftaħ it-triq għall-iktar inkarigu importanti disponibbli għall-bnedmin. Ġesù ta l-istruzzjoni lis-segwaċi tiegħu: “Morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, għammduhom fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-ispirtu qaddis, u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom. U, ara, jien magħkom il-jiem kollha sa tmiem is-sistema.” Hu introduċa l-kmand billi qal: “Lili ngħatat kull awtorità fis-sema u fuq l-art.”—Mattew 28:18-20.
Ikkunsidra min qed jgħin lill-Kristjani veri fix-xogħol taʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba u fix-xogħol taʼ li ngħallmu l-veritajiet Bibliċi lin-nies tal-ġnus kollha. Ġesù wiegħed lis-segwaċi tiegħu li kien se jkun magħhom. Hu tabilħaqq qed jgħinhom u jappoġġahom fil-ministeru tagħhom hekk kif iħallu ‘d-dawl tagħhom jiddi’ b’dan il-mod u permezz t’“għemejjel tajbin” oħrajn. (Mattew 5:14-16) L-anġli wkoll huma involuti f’dan ix-xogħol t’evanġelizzar. (Rivelazzjoni 14:6) U xi ngħidu għal Alla Ġeħova? L-appostlu Pawlu kiteb: “Jien ħawwilt, Apollo saqqa, imma Alla baqaʼ jkabbar.” Xi privileġġ għandna li nkunu fost il-“ħaddiema sħab m’Alla”!—1 Korintin 3:6, 9.
Aħseb ukoll dwar kif jiġu mberkin l-isforzi tagħna f’dan ix-xogħol li tana Alla. Xejn ma jistaʼ jitqabbel mal-privileġġ li jagħtina Alla biex ‘niddu bħala dawwala fid-dinja.’ Jekk nirriflettu d-dawl tal-Kelma t’Alla fi kliemna u f’għemilna, aħna nkunu nistgħu ngħinu tassew lil individwi taʼ qalb onesta. (Filippin 2:15) U aħna nistgħu nifirħu hekk kif biż-żelu nippridkaw u ngħallmu, ‘għax Alla mhux inġust biex jinsa għemilna u l-imħabba li wrejna għal ismu.’—Ebrej 6:10.
‘Ixtri Ingwent biex Tidlek Għajnejk’
F’messaġġ lill-kongregazzjoni taʼ l-ewwel seklu taʼ Laodiċija, Ġesù qal: “[Ixtri] mingħandi . . . ingwent taʼ l-għajnejn biex tidlek għajnejk ħalli tara. Lil kulmin għandi affezzjoni lejh inwiddbu u niddixxiplinah.” (Rivelazzjoni 3:18, 19) Il-kura ċerta għall-għama spiritwali hija l-“ingwent”—it-tagħlim u d-dixxiplina taʼ Ġesù. Jekk irridu nżommu ħarsa spiritwali xierqa dwar il-futur u s-sitwazzjoni tagħna, aħna rridu naċċettaw il-pariri tiegħu u nissottomettu ruħna għalihom u għall-gwida li nsibu fil-Bibbja. Irridu wkoll nadottaw attitudni mentali bħal taʼ Kristu u nimitaw l-eżempju tiegħu. (Filippin 2:5; 1 Pietru 2:21) L-ingwent m’huwiex b’xejn. Ġesù qal: ‘Ixtruh mingħandi.’ In-nefqa tinvolvi l-ħin u l-isforz tagħna.
Meta noħorġu minn post mudlam u nidħlu f’kamra mdawla, għajnejna forsi jieħdu ftit tal-ħin qabel ma jidraw. B’mod simili, biex naraw id-dawl tal-verità u nistudjaw il-Kelma t’Alla wkoll nieħdu l-ħin. Hemm bżonn il-ħin biex nimmeditaw dwar dak li nitgħallmu u biex nirriflettu dwar kemm hi prezzjuża l-verità. Però, in-nefqa m’hijiex kbira wisq. Għala? Għaliex id-dawl hu taʼ l-għaġeb!
[Stampa f’paġna 14]
“[Ixtri] mingħandi . . . ingwent taʼ l-għajnejn biex tidlek għajnejk ħalli tara”