Id-Demonji—Kif Nistgħu Nirreżistuhom?
Id-Demonji—Kif Nistgħu Nirreżistuhom?
“Lill-anġli li ma żammewx il-pożizzjoni oriġinali tagħhom imma abbandunaw il-post xieraq fejn kellhom jgħammru, [Alla] żammhom marbutin għal dejjem fi dlam ċappa għall-ġudizzju tal-jum il-kbir.”—ĠUDA 6.
1, 2. Liema mistoqsijiet iqumu dwar Satana x-Xitan u d-demonji?
“IBQGĦU f’sensikom, oqogħdu għassa,” iwissi l-appostlu Pietru. “L-avversarju tagħkom, ix-Xitan, iħuf bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.” (1 Pietru 5:8) Rigward id-demonji, l-appostlu Pawlu jgħid: “Ma rridkomx tieħdu sehem mad-demonji. Ma tistgħux tixorbu l-kies taʼ Ġeħova u l-kies tad-demonji; ma tistgħux tieħdu sehem mill-‘mejda taʼ Ġeħova’ u mill-mejda tad-demonji.”—1 Korintin 10:20, 21.
2 Iżda, min huma Satana x-Xitan u d-demonji? Kif u meta bdew jeżistu? Kien Alla li ħalaqhom? Kemm hi qawwija l-influwenza tagħhom fuq il-bnedmin? Liema difiża, jekk hemm, għandna kontrihom?
Satana u d-Demonji Minfejn Ġew?
3. Anġlu t’Alla kif sar Satana x-Xitan?
3 Kmieni fl-istorja umana, fil-bidu taʼ lumanità fil-ġnien taʼ l-Għeden, anġlu t’Alla sar ribelluż. Għala? Għax hu ma kienx sodisfatt bl-irwol tiegħu fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova fis-sema. Bil-ħolqien taʼ Adam u Eva, hu ra opportunità biex ibiegħed l-ubbidjenza u l-qima tagħhom mill-Alla l-veru u jdawwarhom lejh innifsu. Billi rribella kontra Alla u billi ħajjar lill-ewwel koppja umana biex jaqbdu t-triq tad-dnub, dan l-anġlu għamel lilu nnifsu Satana x-Xitan. Maż-żmien, anġli oħrajn involvew ruħhom f’dan l-irvell. Kif?—Ġenesi 3:1-6; Rumani 5:12; Rivelazzjoni 12:9.
4. Xi anġli ribellużi x’għamlu qabel id-Dilluvju taʼ żmien Noè?
4 L-Iskrittura mnebbħa tgħidilna li f’xi żmien qabel id-Dilluvju l-kbir taʼ żmien Noè, xi anġli bdew jieħdu interess mhux f’loku fin-nisa fuq l-art. Bi skop ħażin, “raw ulied Alla [tas-sema] li l-bniet tal-bnedmin kienu ħelwin,” tgħid il-Bibbja, “u ’l dawk li għoġbuhom ħaduhom b’nisa tagħhom.” Dawn ir-relazzjonijiet ma kinux naturali, u huma pproduċew nisel imħallat magħruf bħala n-Nefilim. (Ġenesi 6:2-4) Għalhekk, il-ħlejjaq spirti li m’obdewx lil Alla ngħaqdu fl-irvell taʼ Satana kontra Ġeħova.
5. Xi ġralhom ir-ribelli meta Ġeħova ġab qerda permezz tad-Dilluvju l-kbir?
5 Meta Ġeħova ġab id-Dilluvju fuq l-umanità, in-Nefilim u l-ommijiet umani tagħhom inqerdu. L-anġli ribellużi kienu mġagħlin iħallu l-iġsma umani tagħhom u jmorru lura lejn il-qasam taʼ l-ispirti. Madankollu, ma setgħux iżommu “l-pożizzjoni oriġinali tagħhom” m’Alla. Minflok, huma kienu mibgħutin fi “dlam ċappa” spiritwalment, magħruf bħala Tartaru.—Ġuda 6; 2 Pietru 2:4.
6. Id-demonji kif iqarrqu bin-nies?
6 Mindu l-anġli mill-agħar tilfu “l-pożizzjoni oriġinali tagħhom,” huma saru l-imseħbin demoniċi taʼ Satana u qdew l-interessi mill-agħar tiegħu. Minn dak iż-żmien ’l hawn, id-demonji qatt iktar ma kellhom il-qawwa li jimmaterjalizzaw ruħhom f’iġsma umani. Madankollu, huma jistgħu jħajru lill-irġiel u lin-nisa biex jieħdu sehem f’diversi forom taʼ perverżjoni sesswali. Id-demonji b’mod attiv iqarrqu wkoll bil-bnedmin permezz taʼ l-ispiritiżmu, li jistaʼ jinvolvi affarijiet bħalma huma s-sħarijiet, il-vudu, u n-nies li jikkuntattjaw l-ispirti. (Dewteronomju 18:10-13; 2 Kronaki 33:6) It-tmiem taʼ l-anġli mill-agħar se jkun l-istess tmiem tax-Xitan—qerda eterna. (Mattew 25:41; Rivelazzjoni 20:10) Però, sadanittant irridu nieħdu waqfa soda u nirreżistuhom. Inkunu għaqlin jekk nikkunsidraw kemm hu qawwi Satana u kif jistaʼ jirnexxilna nirreżistu lilu u lid-demonji tiegħu.
Kemm Hu Qawwi Satana?
7. X’qawwa għandu Satana fuq id-dinja?
7 Satana mmalafama lil Ġeħova matul l-istorja. (Proverbji 27:11) U hu influwenza parti kbira mill-umanità. L-1 Ġwanni 5:19 jgħid: “Id-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin.” Huwa għalhekk li x-Xitan setaʼ jittanta lil Ġesù billi offrielu l-awtorità u l-glorja tas-“saltniet kollha taʼ l-art abitata.” (Luqa 4:5-7) Rigward Satana, l-appostlu Pawlu qal: “Issa, jekk l-aħbar tajba li nxandru hi tassew moħbija b’velu, hi moħbija għal dawk li qed jinqerdu, li fosthom l-alla taʼ din is-sistema għema l-imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux, biex ma jarawx jiddi d-dawl taʼ l-aħbar tajba glorjuża dwar il-Kristu, li hu x-xbieha t’Alla.” (2 Korintin 4:3, 4) Satana huwa “giddieb u missier il-gidba,” iżda jpinġi lilu nnifsu bħala “anġlu tad-dawl.” (Ġwanni 8:44; 2 Korintin 11:14) Hu għandu l-qawwa u l-metodi neċessarji biex jagħmi l-imħuħ tal-mexxejja dinjin u tas-sudditi tagħhom. Permezz taʼ l-informazzjoni ħażina u tal-ħrejjef u l-gideb reliġjuż, hu qarraq bl-umanità.
8. Il-Bibbja x’tindika dwar l-influwenza taʼ Satana?
8 Il-qawwa u l-influwenza taʼ Satana kienu evidenti fi żmien il-profeta Danjel, madwar ħames sekli qabel l-Era Komuni tagħna. Meta Ġeħova bagħat anġlu biex iwassal messaġġ inkuraġġanti lil Danjel, l-anġlu ltaqaʼ maʼ reżistenza mill-“prinċep [spirtu] tas-saltna tal-Persja.” L-anġlu leali nżamm għal 21 jum sakemm “Mikiel, wieħed mill-prinċpijiet ewlenin,” ġie biex jgħinu. L-istess rakkont jitkellem ukoll dwar “il-prinċep [demonju] tal-Greċja.” (Danjel 10:12, 13, 20) U f’Rivelazzjoni 13:1, 2, Satana huwa mpinġi bħala “d-dragun” li jagħti lill-bhima salvaġġa politika “l-qawwa u t-tron tagħha u awtorità kbira.”
9. Kontra min qed jiġġieldu l-Kristjani?
9 Mhux taʼ b’xejn li l-appostlu Pawlu kiteb: “Aħna ma nissarawx kontra d-demm u l-laħam, imma kontra l-gvernijiet, kontra l-awtoritajiet, kontra l-ħakkiema dinjin taʼ dan id-dlam, kontra l-forzi taʼ l-ispirti mill-agħar fil-postijiet tas-sema.” (Efesin 6:12) Anki llum, il-forzi demoniċi fil-kontroll taʼ Satana x-Xitan jinsabu wara l-kwinti, għandhom influwenza fuq il-mexxejja umani u fuq l-umanità in ġenerali, u jġagħluhom jikkommettu atti tal-waħx taʼ ġenoċidju, terroriżmu, u qtil. Issa ejja neżaminaw kif aħna jistaʼ jirnexxilna nirreżistu dawn il-forzi taʼ l-ispirti qawwijin.
Liema Difiża Għandna?
10, 11. Kif nistgħu aħna nirreżistu lil Satana u lill-anġli mill-agħar tiegħu?
10 Aħna ma nistgħux nirreżistu lil Satana u lill-anġli mill-agħar tiegħu permezz tas-saħħa fiżika jew mentali tagħna stess. Pawlu jagħtina l-parir: “Komplu iksbu l-qawwa fil-Mulej u fis-setgħa tas-saħħa tiegħu.” Għandna bżonn induru lejn Alla għall-protezzjoni. Pawlu jżid jgħid: “Ilbsu l-armatura sħiħa mingħand Alla biex tkunu tistgħu żżommu sod kontra t-tnassis tax-Xitan . . . Ħudu l-armatura sħiħa mingħand Alla, sabiex tkunu tistgħu tirreżistu fil-jum il-ħażin u, wara li tkunu għamiltu kollox bis-sħiħ, iżżommu sod.”—Efesin 6:10, 11, 13.
11 Pawlu darbtejn iħeġġeġ lill-Kristjani sħabu biex jilbsu “l-armatura sħiħa mingħand Alla.” Il-kelma “sħiħa” tindika li m’huwiex biżżejjed li wieħed ikollu attitudni indifferenti biex jirreżisti l-attakki demoniċi. Għalhekk, x’inhuma l-biċċiet vitali taʼ l-armatura spiritwali li l-Kristjani llum jeħtieġu b’mod urġenti sabiex jirreżistu lid-demonji?
“Żommu Sod”—Kif?
12. Il-Kristjani kif jistgħu jħażżmu ġenbejhom bil-verità?
12 Pawlu jispjega: “Żommu sod, b’ġenbejkom imħażżmin bil-verità, u lebsin il-kurazza tas-sewwa.” (Efesin 6:14) Iż-żewġ biċċiet t’armatura li jirreferi għalihom hawnhekk huma l-ħżiem, jew ċinturin, u l-kurazza. Suldat kellu jżomm iċ-ċinturin tiegħu ssikkat miegħu sabiex jipproteġi lil ġismu, minn żaqqu sa ġenbejh, u biex ikun jiflaħ iġorr il-piż tas-sejf tiegħu. B’mod simili, jeħtieġ li l-verità tal-Bibbja tkun issikkata sew madwarna, bħallikieku kienet dan iċ-ċinturin letterali, sabiex aħna ngħixu fi qbil magħha. Għandna aħna skeda għall-qari tal-Bibbja kuljum? Hija involuta l-familja kollha kemm hi? Għandna rutina biex nikkunsidraw l-iskrittura tal-jum bħala familja? Iktar minn hekk, inżommu ruħna aġġornati maʼ l-ispjegazzjonijiet li nsibu fil-pubblikazzjonijiet provduti mill-“ilsir leali u għaqli”? (Mattew 24:45) Jekk iva, qegħdin inħabirku biex napplikaw il-parir taʼ Pawlu. Ukoll, għandna vidjos u DVDs li jistgħu jipprovdu gwida Skritturali. Qabda soda mal-verità tistaʼ tgħinna nagħmlu deċiżjonijiet għaqlin u tipproteġina milli naqbdu triq ħażina.
13. Kif nistgħu nipproteġu l-qalb figurattiva tagħna?
13 Il-kurazza letterali kienet isservi biex tipproteġi s-sider, il-qalb, u organi vitali oħrajn tas-suldat. Il-Kristjani jistgħu jipproteġu l-qalb figurattiva tagħhom—il-persuna taʼ ġewwa—billi jikkultivaw imħabba għas-sewwa t’Alla u billi jżommu qrib mal-livelli ġusti taʼ Ġeħova. Il-kurazza figurattiva tipproteġina milli nnaqqsu l-importanza tal-Kelma t’Alla. Hekk kif niġu biex ‘nobogħdu d-deni u nħobbu l-ġid,’ aħna nżommu saqajna lura “minn kull triq ħażina.”—Għamos 5:15; Salm 119:101.
14. Xi jfisser li jkollna ‘saqajna mixdudin bit-tagħmir taʼ l-aħbar tajba tal-paċi’?
14 Saqajn is-suldati Rumani normalment kienu jkunu armati sewwa bi żraben adattati għal mixi fit-tul matul il-mijiet taʼ mili tat-toroq prinċipali Rumani li kienu jaqsmu l-imperu kollu. Xi tfisser l-espressjoni ‘saqajn mixdudin bit-tagħmir taʼ l-aħbar tajba tal-paċi’ għall-Kristjani? (Efesin 6:15) Tfisser li aħna mħejjijin għall-azzjoni. Aħna lesti li naqsmu l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla f’kull okkażjoni xierqa. (Rumani 10:13-15) Jekk inżommu ruħna attivi fil-ministeru Kristjan se jkun taʼ protezzjoni kontra “t-tnassis” taʼ Satana.—Efesin 6:11.
15. (a) X’juri li t-tarka kbira tal-fidi hija importanti ħafna? (b) Liema “vleġeġ tan-nar” jistaʼ jkollhom effett distruttiv fuq il-fidi tagħna?
15 Pawlu jkompli jgħid: “Fuq kollox, aqbdu f’idejkom it-tarka kbira tal-fidi, li biha tkunu tistgħu titfu l-vleġeġ tan-nar kollha tal-Ħażin.” (Efesin 6:16) Il-parir biex nerfgħu t-tarka kbira tal-fidi jibda bl-espressjoni “fuq kollox,” u dan jindika li din il-biċċa armatura hija importanti ħafna. M’għandu jkun hemm ebda nuqqas fil-fidi tagħna. Bħal tarka kbira protettiva, il-fidi tagħna tipproteġina mill-“vleġeġ tan-nar” taʼ Satana. Dawn x’jistgħu jirrappreżentaw illum? Jistgħu jkunu insulti ħorox, gideb, u nofs veritajiet imferrxin mill-għedewwa u mill-apostati li jipprovaw idgħajfu l-fidi tagħna. Dawn il-“vleġeġ” jistgħu jkunu wkoll it-tentazzjonijiet biex inkunu materjalistiċi, u b’hekk iġagħluna nsiru medhijin fix-xiri taʼ ħafna affarijiet u saħansitra jħajruna biex nikkompetu maʼ dawk li ċedew għal stil taʼ ħajja kollha tlellix. Forsi huma investew fi djar u karozzi akbar u aħjar jew jiftaħru bil-ġojjelli tagħhom li jiswew ħafna flus u bil-ħwejjeġ taʼ l-aħħar moda. Jagħmel x’jagħmel ħaddieħor, aħna jrid ikollna fidi b’saħħitha biżżejjed biex inbiegħdu minna dawn il-“vleġeġ tan-nar.” Aħna kif nibnu u nżommu fidi b’saħħitha?—1 Pietru 3:3-5; 1 Ġwanni 2:15-17.
16. X’jistaʼ jgħinna nibnu fidi b’saħħitha?
16 Aħna nistgħu nersqu qrib lejn Alla permezz taʼ studju tal-Bibbja persunali u regulari kif ukoll permezz taʼ talb mill-qalb. Nistgħu nitolbu bil-ħrara lil Ġeħova biex isaħħilna l-fidi u mbagħad naħdmu fi qbil mat-talb tagħna bl-azzjonijiet meħtiġin. Per eżempju, nippreparaw aħna bir-reqqa għall-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa taʼ kull ġimgħa bil-ħsieb li nipparteċipaw? Il-fidi tagħna se tkun b’saħħitha jekk nistudjaw il-Bibbja u pubblikazzjonijiet ibbażati fuqha.—Ebrej 10:38, 39; 11:6.
17. Kif nistgħu ‘naċċettaw l-elmu tas-salvazzjoni’?
17 Pawlu jikkonkludi d-deskrizzjoni tiegħu taʼ l-armatura spiritwali b’dan il-parir: “Aċċettaw l-elmu tas-salvazzjoni, u s-sejf taʼ l-ispirtu, jiġifieri, il-kelma t’Alla.” (Efesin 6:17) L-elmu kien jipproteġi r-ras tas-suldat u l-moħħ, li minnu jittieħdu d-deċiżjonijiet. Bl-istess mod, it-tama Kristjana tagħna tipproteġilna l-abbiltajiet mentali tagħna. (1 Tessalonikin 5:8) Minflok ma nimlew moħħna b’miri dinjin u xewqat materjalistiċi, għandna niffokaw il-ħsibijiet tagħna fuq it-tama li tana Alla, bħalma għamel Ġesù.—Ebrej 12:2.
18. Għala m’għandniex nittraskuraw l-iskeda tagħna taʼ qari regulari tal-Bibbja?
18 Il-protezzjoni aħħarija tagħna kontra l-influwenza taʼ Satana u d-demonji tiegħu hija l-kelma, jew il-messaġġ, t’Alla mniżżla fil-Bibbja. Din hija raġuni oħra għala m’għandniex nittraskuraw l-iskeda tagħna tal-qari tal-Bibbja fuq bażi regulari. Għarfien eżatt tal-Kelma t’Alla jipproteġina mill-gideb taʼ Satana u mill-propaganda demonika kif ukoll mid-diskors ostili taʼ l-apostati.
“Ibqgħu Itolbu f’Kull Okkażjoni”
19, 20. (a) X’hemm jistenniehom lil Satana u d-demonji tiegħu? (b) X’jistaʼ jsaħħaħna spiritwalment?
19 It-tneħħija taʼ Satana, id-demonji tiegħu, u d-dinja mill-agħar hija fil-qrib. Satana jaf li baqagħlu “żmien qasir.” Hu jinsab inkorlat u fi gwerra maʼ dawk “li josservaw il-kmandamenti t’Alla u li għandhom ix-xogħol li jixhdu dwar Ġesù.” (Rivelazzjoni 12:12, 17) Huwa vitali li nirreżistu lil Satana u d-demonji tiegħu.
20 Kemm għandna għalxiex inkunu grati għat-twissija biex nilbsu l-armatura sħiħa mingħand Alla! Pawlu jtemm id-diskussjoni tiegħu dwar l-armatura spiritwali b’dan il-parir: “B’kull xorta taʼ talb u suppliki ibqgħu itolbu f’kull okkażjoni bl-ispirtu. U għal dan l-għan, ibqgħu mqajmin il-ħin kollu u itolbu bil-ħerqa għall-qaddisin kollha.” (Efesin 6:18) It-talb jistaʼ jsaħħaħna spiritwalment u jgħinna nibqgħu għassa. Ejja nieħdu l-kliem taʼ Pawlu bis-serjetà u nkomplu nitolbu, għaliex dan se jgħinna nirreżistu lil Satana u d-demonji tiegħu.
X’Tgħallimt?
• Satana u d-demonji tiegħu minfejn ġew?
• Kemm hu qawwi x-Xitan?
• Liema difiża għandna kontra Satana u d-demonji tiegħu?
• Kif nistgħu nilbsu l-armatura sħiħa mingħand Alla?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġna 26]
‘Ulied Alla raw il-bniet tal-bnedmin’
[Stampa f’paġna 28]
Tistaʼ tidentifika s-sitt biċċiet taʼ l-armatura spiritwali tagħna?
[Stampi f’paġna 29]
Is-sehem tagħna f’dawn l-attivitajiet kif inhu taʼ difiża kontra Satana u d-demonji tiegħu?