L-Anġli—Kif Jeffettwaw lill-Bnedmin
L-Anġli—Kif Jeffettwaw lill-Bnedmin
“Wara dan rajt anġlu ieħor nieżel mis-sema, b’awtorità kbira . . . U għajjat b’leħen qawwi u qal: ‘Waqgħet! Waqgħet Babilonja l-Kbira!’”—RIVELAZZJONI 18:1, 2.
1, 2. X’juri li Ġeħova juża l-anġli biex iwettaq ir-rieda tiegħu?
EŻILJAT fuq il-gżira taʼ Patmos, l-appostlu xwejjaħ Ġwanni jingħata viżjonijiet profetiċi. Hu jara ġrajjiet eċċitanti meta “b’ispirazzjoni” jsib lilu nnifsu “f’jum il-Mulej.” Dan il-jum jibda bil-ħatra taʼ Ġesù Kristu fl-1914 u jibqaʼ sejjer sa tmiem ir-Renju t’Elf Sena tiegħu.—Rivelazzjoni 1:10.
2 Alla Ġeħova ma tax din ir-rivelazzjoni direttament lil Ġwanni. Hu uża mezz. Rivelazzjoni 1:1 jgħid: “Rivelazzjoni minn Ġesù Kristu, li tahielu Alla, biex juri lill-ilsiera tiegħu dak li jrid iseħħ dalwaqt. Hu bagħat lill-anġlu tiegħu, u permezz taʼ dan l-anġlu ppreżentaha b’sinjali lill-ilsir tiegħu Ġwanni.” Ġeħova, permezz taʼ Ġesù, uża anġlu biex jgħarraf lil Ġwanni dwar l-affarijiet meraviljużi rigward “jum il-Mulej.” F’ħin minnhom, Ġwanni ra wkoll “anġlu ieħor nieżel mis-sema, b’awtorità kbira.” X’kien l-inkarigu taʼ dan l-anġlu? “Għajjat b’leħen qawwi u qal: ‘Waqgħet! Waqgħet Babilonja l-Kbira!’” (Rivelazzjoni 18:1, 2) Dan l-anġlu setgħan kellu l-privileġġ li jħabbar il-waqgħa taʼ Babilonja l-Kbira, l-imperu dinji tar-reliġjon falza. Għalhekk, ma jistaʼ jkun hemm ebda dubju dwar li Ġeħova juża l-anġli b’mod importanti biex iwettaq ir-rieda tiegħu. Qabel neżaminaw fid-dettall l-irwol li għandhom l-anġli fl-iskop t’Alla u kif aħna niġu effettwati minnhom, ejja nikkunsidraw minfejn ġew dawn il-ħlejjaq spirti.
L-Anġli Minfejn Ġew?
3. Liema idea żbaljata dwar l-anġli għandhom ħafna nies?
3 Miljuni taʼ nies illum jemmnu li l-anġli jeżistu. Iżda ħafna għandhom ideat żbaljati dwarhom u dwar l-oriġini tagħhom. Per eżempju, xi nies reliġjużi jaħsbu li meta jmut xi ħadd għażiż, dan jissejjaħ biex jingħaqad m’Alla u jsir anġlu. Huwa dan dak li tgħallem il-Kelma t’Alla dwar il-ħolqien, l-eżistenza, u l-iskop taʼ l-anġli?
4. L-Iskrittura x’tgħidilna dwar l-oriġini taʼ l-anġli?
4 L-anġlu, li għandu l-iktar qawwa u awtorità—l-anġlu ewlieni—jismu Mikiel l-arkanġlu. (Ġuda 9) Dan m’hu ħadd ħlief Ġesù Kristu. (1 Tessalonikin 4:16) Żmien twil ilu, meta Ġeħova ddeċieda li jsir Ħallieq, dan l-Iben anġeliku kien proprju l-ewwel fost il-ħolqien tiegħu. (Rivelazzjoni 3:14) Iktar tard, permezz taʼ dan l-ewwel Iben imwieled, Ġeħova ħalaq il-ħlejjaq spirti l-oħrajn kollha. (Kolossin 1:15-17) Meta rrefera għal dawn il-ħlejjaq anġeliċi bħala wliedu, Ġeħova staqsa lill-patrijarka Ġob: “Fejn kont int jien u nqiegħed sisien l-art? Għidli, jekk għandek id-dehen. Min qiegħed ras il-għareb tagħha, hi u tgħanni l-ġemgħa tal-kwiekeb taʼ filgħodu, u tgħajjat bil-ferħ ix-xirka taʼ wlied Alla?” (Ġob 38:4, 6, 7) B’mod ċar, l-anġli huma l-ħolqien t’Alla u dawn bdew jeżistu ħafna qabel m’eżistew il-bnedmin.
5. L-anġli kif inhuma organizzati?
5 L-ewwel Korintin 14:33 jgħid: “Alla m’huwiex Alla tad-diżordni, imma tal-paċi.” Fi qbil maʼ dan, Ġeħova organizza lill-ulied spirti tiegħu fi tliet kategoriji bażiċi: (1) is-serafini, li jservu bħala qaddejja mat-tron t’Alla, jiddikjaraw il-qdusija tiegħu, u jżommu l-poplu tiegħu nadif spiritwalment; (2) il-kerubini, li jappoġġaw is-sovranità taʼ Ġeħova, u (3) anġli oħrajn li jwettqu r-rieda tiegħu. (Salm 103:20; Isaija 6:1-3; Eżekjel 10:3-5; Danjel 7:10) Liema huma xi modi li bihom dawn il-ħlejjaq spirti jeffettwaw lill-bnedmin?—Rivelazzjoni 5:11.
L-Anġli Liema Rwol Għandhom?
6. Ġeħova kif uża l-kerubini b’konnessjoni mal-ġnien taʼ l-Għeden?
6 L-ewwel referenza diretta għall-ħlejjaq spirti tinsab f’Ġenesi 3:24, fejn naqraw: “[Ġeħova] ħareġ lill-bniedem, u qiegħed il-kerubini n-naħa tal-lvant tal-ġnien taʼ l-Għeden, u s-sejf tan-nar iżiġġ, biex iħarsu t-triq għas-siġra tal-ħajja.” Dawn il-kerubini għamluha impossibbli għal Adam u Eva li jerġgħu jidħlu fil-ġnien oriġinali tagħhom. Dan kien fil-bidu taʼ l-istorja umana. Liema rwol wettqu l-anġli minn dak iż-żmien ’l hawn?
7. It-tifsira tal-kliem fil-lingwa oriġinali għal “anġlu” x’turi dwar wieħed mill-irwoli li għandhom l-anġli?
7 L-anġli jissemmew kważi 400 darba fil-Bibbja. Kemm il-kelma Ebrajka kif ukoll il-kelma Griega għal “anġlu” jistgħu jiġu tradotti “messaġġier.” B’hekk, l-anġli servew bħala mezz taʼ komunikazzjoni bejn Alla u l-umanità. Bħalma ssemma fl-ewwel żewġ paragrafi taʼ dan l-artiklu, Ġeħova uża anġlu biex iwassal il-messaġġ tiegħu lill-appostlu Ġwanni.
8, 9. (a) Iż-żjajjar minn anġlu kif effettwaw lil Manuħa u lil martu? (b) Il-ġenituri x’jistgħu jitgħallmu miż-żjara li Manuħa kellu mill-anġlu t’Alla?
8 L-anġli huma użati wkoll biex jagħtu l-appoġġ u l-inkuraġġiment lill-qaddejja t’Alla fuq l-art. Per eżempju, lura fi żmien l-Imħallfin f’Iżrael, Manuħa u martu, li kienet ħawlija, xtaqu ħafna li jkollhom tarbija. Ġeħova bagħat lill-anġlu tiegħu biex jgħarraf lil mart Manuħa li hi kienet se tiled iben. Ir-rakkont jgħidilna: “Ara, int se titqal u tiled iben, u l-mus ma jgħaddix minn fuq rasu, għax it-tifel ikun nażir ikkonsagrat lil Alla sa minn ġuf ommu, u hu jibda jeħles lil Iżrael minn id il-Filistin.”—Mħallfin 13:1-5.
9 Maż-żmien, mart Manuħa wildet iben, Sansun, li sar famuż fl-istorja tal-Bibbja. (Mħallfin 13:24) Qabel twieldet it-tarbija, Manuħa talab li l-anġlu jerġaʼ jmur għandhom u jgħidilhom kif għandhom irabbu lit-tifel. Manuħa staqsa: “X’se jsir il-mod taʼ ħajja tal-wild u x-xogħol tiegħu?” L-anġlu taʼ Ġeħova rripeta l-istruzzjonijiet li kien ta lil mart Manuħa. (Mħallfin 13:6-14) Min jaf kemm ħassu inkuraġġit Manuħa! L-anġli ma jżurux lil individwi bl-istess mod illum, imma bħal Manuħa, il-ġenituri jistgħu jfittxu l-istruzzjoni taʼ Ġeħova meta jħarrġu lil uliedhom.—Efesin 6:4.
10, 11. (a) Eliżew u l-qaddej tiegħu kif ġew effettwati mill-armata Sirjana li invadiethom? (b) Kif nistgħu nibbenefikaw meta nikkunsidraw din il-ġrajja?
10 Kien hemm eżempju impressjonanti taʼ l-appoġġ anġeliku fi żmien il-profeta Eliżew. Eliżew kien qed joqgħod f’Dotan, belt f’Iżrael. Ġurnata minnhom meta l-qaddej t’Eliżew qam kmieni fil-għodu u ħares ’il barra, hu ra li l-belt kienet imdawra biż-żwiemel u l-karrijiet tal-gwerra. Is-sultan tas-Sirja kien bagħat forza militari b’saħħitha biex jaħtaf lil Eliżew. Kif irreaġixxa l-qaddej t’Eliżew? Imbeżżaʼ, u forsi b’xi ftit paniku, hu għajjat: “Ah! sidi, x’se nagħmlu?” Għalih kollox kien jidher bla tama. Iżda Eliżew wieġeb: “La tibżax! hemm nies aktar magħna milli magħhom.” X’ried ifisser?—2 Slaten 6:11-16.
11 Eliżew kien konxju li l-qtajjaʼ taʼ l-anġli kienu preżenti biex jappoġġawh. Madankollu, il-qaddej tiegħu ma ra xejn. Għalhekk, “Eliżew beda jitlob u jgħid: ‘Mulej, iftaħlu għajnejh biex jara.’ U l-Mulej fetaħ għajnejn il-qaddej, u dan ra l-għolja mimlija żwiemel u karrijiet tan-nar madwar Eliżew.” (2 Slaten 6:17) Imbagħad, il-qaddej setaʼ jara l-qtajjaʼ taʼ l-anġli. B’dehen spiritwali, aħna wkoll nistgħu naraw li l-anġli, kollha taħt id-direzzjoni taʼ Ġeħova u Kristu, jagħtu l-għajnuna u l-protezzjoni lill-poplu taʼ Ġeħova.
Appoġġ Anġeliku fi Żmien Kristu
12. Liema appoġġ irċiviet Marija mingħand l-anġlu Gabrijel?
12 Ikkunsidra l-appoġġ li rċiviet il-verġni Lhudija Marija meta semgħet l-aħbar: “Int tnissel f’ġufek u tiled iben, u ssemmih Ġesù.” Eżatt qabel ma wassal dan il-messaġġ sorprendenti, l-anġlu Gabrijel, li ntbagħat minn Alla, qalilha: “Tibżax, Marija, għax int sibt favur m’Alla.” (Luqa 1:26, 27, 30, 31) Min jaf kemm ħassitha inkuraġġita u msaħħa Marija minn dan il-kliem li żguraha mill-approvazzjoni t’Alla!
13. L-anġli kif appoġġaw lil Ġesù?
13 Okkażjoni oħra taʼ l-appoġġ anġeliku kienet wara li Ġesù rreżista t-tliet tentazzjonijiet li Satana poġġielu quddiemu fix-xagħri. Ir-rakkont jgħidilna li fi tmiem il-provi, “ix-Xitan ħallieh, u ara, ġew l-anġli u bdew jaqduh.” (Mattew 4:1-11) Fil-lejl taʼ qabel miet Ġesù seħħet xi ħaġa simili. Imnikket, Ġesù niżel għarkopptejh u beda jitlob: “‘Missier, jekk trid, warrab minni dan il-kies. Madankollu, ħa sseħħ ir-rieda tiegħek u mhux tiegħi.’ Imbagħad deherlu anġlu mis-sema jqawwilu qalbu.” (Luqa 22:42, 43) Iżda x’tip t’appoġġ anġeliku għandna llum?
L-Appoġġ Anġeliku fiż-Żmien Modern
14. Liema persekuzzjoni kellhom jissaportu xXhieda taʼ Ġeħova fiż-żmien modern, u x’kien ir-riżultat?
14 Meta nikkunsidraw l-istorja moderna tax-xogħol taʼ l-ippridkar tax-Xhieda taʼ Ġeħova, ma narawx aħna evidenza taʼ l-appoġġ anġeliku? Per eżempju, il-poplu taʼ Ġeħova kien kapaċi jissaporti l-attakki tan-Nazisti fil-Ġermanja u fl-Ewropa tal-Punent qabel u matul it-tieni gwerra dinjija (1939-45). Taħt ir-reġimi Kattoliċi Faxxisti fl-Italja, Spanja, u l-Portugall, huma kellhom jissaportu l-persekuzzjoni saħansitra għal iktar żmien. U għal għaxriet taʼ snin, huma ssaportew il-persekuzzjoni f’dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika u n-nazzjonijiet li kienu taħt il-ħakma tagħha. Eżempju ieħor huwa l-persekuzzjoni li ssaportew ix-Xhieda f’xi pajjiżi Afrikani. a Fi żminijiet iktar reċenti, il-qaddejja taʼ Ġeħova sofrew persekuzzjoni ħarxa fil-pajjiż tal-Ġeorġja. Satana għamel dak kollu li setaʼ biex itemm l-attività tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Madankollu, bħala organizzazzjoni, huma għaddew minn oppożizzjoni bħal din u ħarġu rebbiħin. Parti mir-raġuni hi l-protezzjoni li pprovdew l-anġli.—Salm 34:8 (34:7, NW); Danjel 3:95 (3:28, NW); 6:23, (6:22, NW).
15, 16. Liema appoġġ anġeliku jirċievu x-Xhieda taʼ Ġeħova fil-ministeru madwar id-dinja?
15 Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jiħduh bis-serjetà l-inkarigu tagħhom li jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla mad-dinja kollha u li jagħmlu dixxipli billi jgħallmu l-verità tal-Bibbja lil uħud interessati kullimkien. (Mattew 28:) Madankollu, huma tassew konxji li ma jistgħux iwettqu dan l-inkarigu mingħajr l-appoġġ taʼ l-anġli. Għalhekk, dak li hemm imniżżel f’Rivelazzjoni 14:6, 7 kien sors taʼ inkuraġġiment kontinwu għalihom. Hawnhekk naqraw: “[L-appostlu Ġwanni ra] anġlu ieħor itir f’nofs is-sema, u kellu aħbar tajba taʼ dejjem biex ixandarha bħala bxara taʼ ferħ lil dawk li jgħammru fuq l-art, u lil kull ġens u tribù u lsien u poplu, u qal b’leħen għoli: ‘Ibżgħu minn Alla u agħtuh glorja, għax waslet is-siegħa biex jagħmel il-ġudizzju, u għalhekk qimu lil Dak li għamel is-sema u l-art u l-baħar u l-għejun taʼ l-ilmijiet.’” 19, 20
16 Dan il-kliem juri b’mod ċar li x-xogħol mill-aqwa taʼ l-evanġelizzar madwar id-dinja li jagħmlu x-Xhieda taʼ Ġeħova għandu appoġġ u direzzjoni anġelika. Ġeħova qed juża l-anġli tiegħu sabiex jidderieġi lin-nies sinċieri lejn ix-Xhieda tiegħu. L-anġli wkoll iggwidaw lix-Xhieda lejn uħud li jistħoqqilhom. Dan jispjega għala ħafna drabi—spiss wisq biex jitqiesu bħala sempliċi kumbinazzjonijiet—wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova jiltaqaʼ maʼ persuna fil-ħin eżatt li tkun għaddejja minn kriżi u jkollha bżonn l-għajnuna spiritwali.
Irwol Drammatiku fil-Futur Qarib
17. Xi ġralhom l-Assirjani meta ġew attakkati minn anġlu wieħed biss?
17 Barra milli jaqdu bħala messaġġiera u ajjutanti li jsaħħu lill-aduraturi taʼ Ġeħova, l-anġli jwettqu skop ieħor. Fl-imgħoddi, huma kienu jwettqu ġudizzji divini. Per eżempju, lura fit-tmien seklu Q.E.K., Ġerusalemm kienet mhedda minn eżerċtu kbir taʼ suldati Assirjani. Ġeħova kif irreaġixxa? Hu qal: “Jiena nħares din il-belt u nsalvaha minħabba fija nnifsi, u minħabba David, il-qaddej tiegħi.” Ir-rakkont Bibliku jgħidilna x’ġara: “Ġara li dak il-lejl stess, ħareġ l-anġlu tal-Mulej fil-kamp taʼ l-Assiri u qered mija u ħamsa u tmenin elf ruħ. Xħin qamu l-oħrajn fil-għodu, hemm isibuhom ilkoll iġsma mejta.” (2 Slaten 19:34, 35) Kemm huma dgħajfin l-armati umani meta mqabblin mal-qawwa t’anġlu wieħed biss!
18, 19. Liema rwol drammatiku se jwettqu l-anġli fil-futur qarib, u dan kif se jeffettwa lill-bnedmin?
18 L-anġli se jaqdu bħala l-forzi esekuttivi t’Alla fil-futur qarib. Issa dalwaqt, Ġesù se jiġi “maʼ l-anġli setgħana tiegħu f’nar iħeġġeġ.” Il-mira tagħhom se tkun li jġibu “vendetta fuq dawk li ma jafux lil Alla u dawk li ma jobdux l-aħbar tajba dwar il-Mulej tagħna Ġesù.” (2 Tessalonikin 1:7, 8) X’effett se jkollha din l-azzjoni fuq l-umanità! Dawk li jirrifjutaw li jwieġbu għall-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla li issa qed tiġi dikjarata mad-dinja kollha se jġarrbu qerda. Dawk biss li jfittxu lil Ġeħova, il-ġustizzja, u l-umiltà ‘se jkollhom fejn jistkennu f’jum il-korla tal-Mulej’ u ma jġarrbux ħsara.—Sofonija 2:3.
19 Nistgħu nkunu grati li Ġeħova juża lanġli setgħanin tiegħu biex jappoġġa u jsaħħaħ lill-aduraturi tiegħu fuq l-art. L-apprezzament tagħna għall-irwol li jwettqu l-anġli fl-iskop t’Alla huwa partikolarment taʼ faraġ, ladarba hemm anġli li rribellaw kontra Ġeħova u waqgħu taħt it-tmexxija taʼ Satana. L-artiklu li jmiss se jiddiskuti liema passi jistgħu jieħdu l-Kristjani veri biex jipproteġu lilhom infushom mill-influwenza qawwija taʼ Satana x-Xitan u d-demonji tiegħu.
[Nota taʼ taħt]
a Għal rakkonti dettaljati taʼ dawn il-perijodi taʼ persekuzzjoni, ara l-Yearbook of Jehovah’s Witnesses taʼ l-1983 (Angola), 1972 (Ċekoslovakkja), 1992 (Etjopja), 1974 u 1999 (Ġermanja), 1982 (Italja), 1999 (Malawi), 2004 (Moldova), 1996 (Możambik), 1994 (Polonja), 1983 (Portugall), 2000 (Repubblika Ċeka), 1978 (Spanja), 2002 (Ukraina), u 2006 (Żambja).
X’Tgħallimt?
• L-anġli minfejn ġew?
• L-anġli kif intużaw fi żminijiet Bibliċi?
• Rivelazzjoni 14:6, 7 x’jirrivela dwar l-attività taʼ l-anġli llum?
• Liema rwol drammatiku se jwettqu l-anġli fil-futur qarib?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 22]
Manuħa u martu ġew inkuraġġiti minn anġlu
[Stampa f’paġna 23]
“Hemm nies aktar magħna milli magħhom”