Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Noè kemm daħħal bhejjem nodfa fl-arka—sebgħa minn kull bhima nadifa jew sebaʼ pari minn kull waħda?
Wara li Noè lesta l-bini taʼ l-arka, Ġeħova qallu: “Idħlu fl-arka, int u n-nies kollha taʼ darek, għax quddiemi lilek biss rajt ġust fost din il-ġenerazzjoni. Minn kull bhima nadifa tieħu għalik sebgħa sebgħa, ir-raġel u l-mara tiegħu; u minn kull bhima mhix nadifa tnejn biss, ir-raġel u l-mara tiegħu.” (Ġenesi 7:1, 2, NW) Xi traduzzjonijiet, bħalma huma l-Għaqda Biblika Maltija u Karm Żammit, jittraduċu l-Ebrajk oriġinali bħala “sebaʼ pari.”
Bil-lingwa oriġinali, l-espressjoni letteralment tinqara “sebgħa sebgħa.” (Ġenesi 7:2, NW) Madankollu, ir-ripetizzjoni taʼ numru bil-lingwa Ebrajka ma tfissirx neċessarjament li n-numri għandhom jingħaddu flimkien. Per eżempju, it-2 Samwel 21:20 jiddeskrivi “raġel twil” ħafna li kellu “sitt iswabaʼ f’kull id u f’kull sieq.” Bl-Ebrajk, in-numru ‘sitta’ huwa ripetut. Però, dan ma jfissirx li l-ġgant kellu sitt pari swabaʼ (jew, 12) f’kull id u sitt pari swabaʼ f’kull sieq. Ir-ripetizzjoni qiegħda biex twassal il-ħsieb li kellu sitt swabaʼ f’kull id u sitt swabaʼ f’kull sieq.
Ir-regoli tal-grammatika bil-lingwa Ebrajka kif jispjegaw l-użu tar-ripetizzjoni tan-numri? Rigward Ġenesi 7:2, 9, l-Introductory Hebrew Method and Manual taʼ William R. Harper jgħid: “Il-kliem spiss jiġi ripetut sabiex jesprimi r-relazzjoni distributtiva.” Il-Hebrew Grammar (Second English Edition) taʼ Gesenius jgħid: “Id-distributtivi huma espressi . . . b’ripetizzjoni tan-numru kardinali.” Bħala eżempji jsemmi Ġenesi 7:9, 15 u t-2 Samwel 21:20, fejn in-numri ripetuti huma “tnejn” u ‘sitta’ rispettivament.
Għalhekk, il-frażi “sebgħa sebgħa” f’Ġenesi 7:2 ma tfissirx sebaʼ pari, jew 14, sewwasew bħalma f’Ġenesi 7:9, 15 il-fatt li n-numru “tnejn” jiġi ripetut ma jfissirx żewġ pari jew erbgħa. Ir-ripetizzjoni taʼ numru f’kull vers sempliċement tfisser tqassim—mhux in-numri magħdudin flimkien. Għaldaqstant, filwaqt li l-annimali nodfa ttieħdu fl-arka “sebgħa sebgħa,” minn dawk li ma kinux nodfa ttieħdu “tnejn biss.”
Xi ngħidu għall-espressjoni “r-raġel u l-mara tiegħu” eżattament wara l-frażi “sebgħa sebgħa” f’Ġenesi 7:2? Dan wassal biex xi wħud jaħsbu li Noè kien ngħata kmand biex jieħu sebaʼ pari minn kull razza taʼ l-annimali nodfa. Però, il-bhejjem nodfa kienu preservati mhux biss għall-prokreazzjoni. Ġenesi 8:20 jgħidilna li wara li ħarġu mill-arka, “Noè bena artal lill-Mulej, u ħa minn kull annimal safi u mit-tajr safi, u offra sagrifiċċju tal-ħruq fuq l-artal.” Peress li kellu disponibbli s-sebaʼ annimal minn kull razza nadifa, Noè setaʼ joffri annimal għas-sagrifiċċju, waqt li ħalla tliet pari biex inissel minnhom skond ir-razza tagħhom fuq l-art.