Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Ġeremija

Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Ġeremija

Il-​Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja

Punti Prinċipali mill-​Ktieb taʼ Ġeremija

MIN jaf kemm inħasdu nies Ġeremija stess meta semgħu bil-​messaġġ taʼ katastrofi li ħabbar! It-​tempju glorjuż li kien iċ-​ċentru tal-​qima għal iktar minn tliet sekli kien se jiġi maħruq għalkollox. Il-​belt taʼ Ġerusalemm u l-​art taʼ Ġuda kienu se jibqgħu ħerba, u l-​abitanti tagħhom kienu se jittieħdu fil-​jasar. Rapport imniżżel bil-​miktub dwar dawn il-​messaġġi taʼ ġudizzju u oħrajn jistgħu jinstabu fit-​tieni l-​akbar ktieb tal-​Bibbja, il-​ktieb taʼ Ġeremija. Dan jitkellem ukoll dwar dak li esperjenza Ġeremija personalment hekk kif lealment wettaq il-​ministeru tiegħu li dam sejjer għal 67 sena. L-​informazzjoni f’dan il-​ktieb m’hijiex preżentata b’mod kronoloġiku imma skond is-​suġġett.

Il-ktieb Bibliku taʼ Ġeremija għala għandu jinteressana? Il-​profeziji mwettqin li hemm miktubin fih isaħħu l-​fidi tagħna f’Ġeħova bħala l-​Wieħed li jwettaq il-​wegħdi tiegħu. (Isaija 55:​10, 11) Ix-​xogħol taʼ Ġeremija bħala profeta u l-​attitudni tan-​nies lejn il-​messaġġ tiegħu huma simili għal żmienna. (1 Korintin 10:11) Iktar minn hekk, ir-​rapport bil-​miktub dwar kif Ġeħova ttratta lill-​poplu tiegħu jenfasizza l-​kwalitajiet tiegħu u għandu jeffettwana profondament.​—Ebrej 4:​12.

“TNEJN HUMA D-​DNUBIET TAL-​POPLU TIEGĦI”

(Ġeremija 1:1–​20:18)

Ġeremija jiġi inkarigat biex jaqdi bħala profeta fit-​13-il sena tar-​renju taʼ Ġosija, is-​sultan taʼ Ġuda, 40 sena qabel il-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K. (Ġeremija 1:​1, 2) Il-​messaġġi li bosta minnhom jingħataw matul it-​18-il sena li jifdal mir-​renju taʼ Ġosija jikxfu l-​ħażen taʼ Ġuda u jlissnu l-​ġudizzji taʼ Ġeħova kontriha. “Nagħmel gozz ġebel minn Ġerusalemm,” jiddikjara Ġeħova, “u ħerba mill-​ibliet taʼ Ġuda u ħadd ma jgħammar fihom.” (Ġeremija 9:​10 [9:​11, NW]) Għala? “Għax tnejn huma d-​dnubiet tal-​poplu tiegħi,” jgħid hu.​—Ġeremija 2:​13.

Il-messaġġ huwa wkoll dwar ir-​restawrazzjoni tal-​fdal niedem. (Ġeremija 3:​14-​18; 12:​14, 15; 16:​14-​21) Madankollu, il-​messaġġier ma jintlaqax tajjeb. Il-​“kap taʼ l-​għassiesa fit-​tempju tal-​Mulej” isawwat lil Ġeremija u jitfgħu fiċ-​ċippijiet mil-​lum għal għada.​—Ġeremija 20:​1-3.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

1:​11, 12​—Il-​fatt li Ġeħova jħabrek biex isseħħ kelmtu kif inhu konness maʼ “fergħa taʼ lewża”? Is-​siġra tal-​lewż hi “l-​ewwel siġra li twarrad fi tmiem ix-​xitwa jew fil-​bidu tar-​rebbiegħa.” (Vers 11, nota taʼ taħt) Ġeħova b’mod figurattiv baqaʼ ‘jħabrek kuljum jibgħat il-​profeti’ biex iwissi lill-​poplu tiegħu dwar il-​ġudizzji tiegħu u baqaʼ ‘jħabrek’ sakemm twettqu.​—Ġeremija 7:​25.

2:​10, 11​—L-​għemejjel taʼ l-​Iżraelin żleali għala kienu daqshekk mhux tas-​soltu? Waqt li l-​ġnus pagani fil-​punent taʼ Kittin u fil-​lvant taʼ Kedar jistaʼ jkun li jġibu l-​allat taʼ ġnus oħrajn biex iżiduhom maʼ tagħhom, lanqas biss kien jgħaddilhom minn rashom li jibdlu għalkollox l-​allat tagħhom maʼ l-​allat barranin. Madankollu, l-​Iżraelin abbandunaw lil Ġeħova minħabba li bidlu l-​glorja taʼ l-​Alla l-​ħaj maʼ idoli bla ħajja.

3:​11-​22; 11:​10-​12, 17—Ġeremija għala inkluda lis-​Saltna b’għaxar tribujiet tat-​tramuntana fil-​messaġġi tiegħu, avolja s-​Samarija kienet waqgħet fis-​sena 740 Q.E.K.? Dan kien minħabba li l-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K. kienet espressjoni tal-​ġudizzju taʼ Ġeħova fuq il-​ġens kollu taʼ Iżrael, mhux fuq Ġuda biss. (Eżekjel 9:​9, 10) Iktar minn hekk, wara t-​tiġrif tagħha, l-​interessi tas-​Saltna b’għaxar tribujiet taʼ Ġuda komplew jiġu rappreżentati minn Ġerusalemm, ladarba l-​messaġġi tal-​profeti t’Alla komplew jinkludu lill-​Iżraelin.

4:​3, 4—Xi jfisser dan il-​kmand? Il-​Lhud żleali kellhom bżonn jippreparaw, irattbu, u jnaddfu l-​ħamrija taʼ qalbhom. Huma kellhom bżonn ineħħu “l-​ħliefa ħażina” taʼ qalbhom, jiġifieri, kellhom jeħilsu mill-​ħsibijiet, mis-​sentimenti, u mill-​motivi mhux nodfa tagħhom. (Ġeremija 9:​25, 26; Atti 7:​51) Dan kien jeħtieġ li jibdlu ħajjithom​—ma jibqgħux jagħmlu l-​ħażin u jibdew jagħmlu dak li jġib il-​barka t’Alla.

4:​10; 15:18—Ġeħova f’liema sens qarraq bil-​poplu ribelluż tiegħu? Fi żmien Ġeremija, kien hemm profeti li bdew “iħabbru l-​gideb.” (Ġeremija 5:​31; 20:6; 23:​16, 17, 25-​28, 32) Ġeħova ma waqqafhomx milli jħabbru messaġġi li jqarrqu.

16:16—Xi jfisser li Ġeħova ‘jibgħat [għal] ħafna sajjieda’ u għal ‘ħafna kaċċaturi’? Dan jistaʼ jirreferi għal li jibgħat il-​forzi taʼ l-​għedewwa biex ifittxu lil-​Lhud żleali li fuqhom Ġeħova kien se jesegwixxi l-​ġudizzju tiegħu. Però, minħabba dak li jgħid Ġeremija 16:​15, il-​vers jistaʼ jalludi wkoll għat-​tfittxija taʼ l-​Iżraelin nedmin.

20:7—Ġeħova b’liema mod juża l-​qawwa tiegħu kontra Ġeremija biex iqarraq bih? Minħabba li jiffaċċja l-​indifferenza, iċ-​ċaħda, u lpersekuzzjoni meta jiddikjara l-​ġudizzji taʼ Ġeħova, Ġeremija jistaʼ jkun li ħassu bla saħħa biex ikompli. Madankollu, Ġeħova uża l-​qawwa tiegħu kontra dawn it-​tendenzi, u b’hekk, ta s-​saħħa lil Ġeremija biex ikompli. Għalhekk, Ġeħova qarraq b’Ġeremija billi użah ħalli jwettaq dak li l-​profeta nnifsu ħaseb li ma setax jagħmel.

Lezzjonijiet Għalina:

1:8. Kultant Ġeħova jistaʼ jeħles lin-​nies tiegħu mill-​persekuzzjoni​—forsi billi jaħtar imħallfin ġusti, billi jneħħi uffiċjali li jaħqruhom u minflokhom ipoġġi uffiċjali raġunevoli, jew billi jagħti lill-​aduraturi tiegħu s-​saħħa biex jissaportu.​—1 Korintin 10:13.

2:​13, 18. L-​Iżraelin żleali għamlu żewġ affarijiet ħżiena. Huma telqu lil Ġeħova, is-​sors ċert taʼ barka, gwida, u protezzjoni. U huma ħaffru għalihom infushom bjar figurattivi billi fittxew li jagħmlu alleanzi militari maʼ l-​Eġittu u l-​Assirja. Fi żmienna, min jabbanduna lill-​Alla l-​veru għall-​filosofiji u t-​teoriji umani u għall-​politika tad-​dinja jkun bħallikieku qed jippreferi “bjar miksura” minflok “għajn taʼ l-​ilma ġieri.”

6:​16. Ġeħova jħeġġeġ lill-​poplu ribelluż tiegħu biex jieqaf, jeżamina lilu nnifsu, u jsib triqtu lura lejn “il-​mogħdijiet” taʼ l-​antenati leali tiegħu. M’għandniex aħna neżaminaw lilna nfusna minn żmien għal żmien biex naraw jekk aħniex tassew mexjin fil-​mogħdija li Ġeħova jridna nimxu fiha?

7:​1-​15. Il-​Lhud ma ġewx salvati mbilli poġġew il-​fiduċja tagħhom fit-​tempju u ħarsu lejh bħala xi tip taʼ taliżman protettiv. Aħna rridu nimxu bil-​fidi mhux b’dak li naraw b’għajnejna.​—2 Korintin 5:7.

15:​16, 17. Bħal Ġeremija, aħna nistgħu niġġieldu l-​iskuraġġiment. Dan huwa possibbli billi nagħmlu studju persunali tal-​Bibbja bis-​serjetà, billi neżaltaw l-​isem taʼ Ġeħova fil-​ministeru, u billi nevitaw sħubija ħażina.

17:​1, 2. Id-​dnubiet tal-​poplu taʼ Ġuda għamlu s-​sagrifiċċji tagħhom diżapprovati minn Ġeħova. In-​nuqqas taʼ ndafa morali tagħmel is-​sagrifiċċji taʼ tifħir tagħna diżapprovati.

17:​5-8. Il-​bnedmin u l-​istituzzjonijiet jistħoqqilhom il-​fiduċja tagħna biss jekk jaġixxu fi qbil mar-​rieda t’Alla u l-​prinċipji divini. Meta niġu għal kwistjonijiet bħas-​salvazzjoni u l-​paċi u s-​sigurtà ġenwini, aħna nkunu għaqlin jekk inpoġġu l-​fiduċja tagħna f’Ġeħova biss.​—Salm 146:3.

20:​8-​11. Aħna m’għandniex inħallu lapatija, l-​oppożizzjoni, jew il-​persekuzzjoni tnaqqas iż-​żelu tagħna għax-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna.​—Ġakbu 5:​10, 11.

“MIDDU GĦONQKOM GĦALL-​MADMAD TAS-​SULTAN TAʼ BABILONJA”

(Ġeremija 21:1–​51:64)

Ġeremija jħabbar ġudizzji kontra l-​aħħar erbaʼ slaten taʼ Ġuda kif ukoll kontra l-​profeti foloz, ir-​rgħajja ħżiena, u l-​qassisin korrotti. Meta jirreferi għall-​fdal leali bħala tin tajjeb, Ġeħova jgħid: “Nixħet għajnejja fuqhom għall-​ġid tagħhom.” (Ġeremija 24:​5, 6) Tliet profeziji f’kapitlu 25 jiġbru fil-​qosor il-​ġudizzji li jiġu spjegati iktar fid-​dettall fil-​kapitli taʼ wara.

Il-qassisin u l-​profeti jippjanaw li joqtlu lil Ġeremija. Il-​messaġġ tiegħu hu li huma għandhom jaqdu lis-​sultan taʼ Babilonja. Ġeremija jgħid lis-​Sultan Sedekija: “Middu għonqkom għall-​madmad tas-​sultan taʼ Babilonja.” (Ġeremija 27:12) Madankollu, “Dak li xerred lil Iżrael jiġbru.” (Ġeremija 31:10) Lir-​Rekabin issirilhom wegħda għal raġuni tajba. Lil Ġeremija jagħlquh “fil-​bitħa taʼ l-​għassa.” (Ġeremija 37:21) Ġerusalemm tinqered, u ħafna mill-​abitanti tagħha jittieħdu fil-​jasar. Ġeremija u s-​segretarju tiegħu, Bàruk, jitħallew f’pajjiżhom maʼ xi oħrajn li ma jittiħdux fil-​jasar. Minkejja t-​twissija taʼ Ġeremija biex ma jmorrux l-​Eġittu, dawn in-​nies imbeżżgħin imorru xorta. Kapitli 46 sa 51 jitkellmu dwar il-​messaġġ li jagħti Ġeremija dwar il-​ġnus.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

22:30—Ħassar dan id-​digriet id-​dritt taʼ Ġesù Kristu li jitlaʼ fuq it-​tron taʼ David? (Mattew 1:​1, 11) Le, id-​dritt ma tħassarx. Id-​digriet kien jipprojbixxi lil kull dixxendent taʼ Ġeħojakin milli jsib “post fuq it-​tron taʼ David . . . [f’]Ġuda.” Ġesù kellu jaħkem mis-​sema, mhux minn xi tron f’Ġuda.

23:33—X’inhu “t-​toqol tal-​Mulej”? Fi żmien Ġeremija, il-​messaġġi qawwijin li ħabbar il-​profeta dwar il-​qerda taʼ Ġerusalemm kienu taʼ piż għan-​nies taʼ pajjiżu. Mill-​banda loħra, dawk in-​nies li ma wiġbux għall-​messaġġ tiegħu tant kienu taʼ piż għal Ġeħova li hu kien se jarmihom. B’mod simili, il-​messaġġ Skritturali dwar il-​qerda li ġejja fuq il-​Kristjaneżmu hu tqil għall-​Kristjaneżmu, u n-​nies li ma jagħtux kas huma piż tqil għal Alla.

31:33—Il-​liġi t’Alla kif inhi miktuba fil-​qalb? Meta individwu tant ikun iħobb il-​liġi t’Alla li jkollu xewqa qawwija li jagħmel ir-​rieda taʼ Ġeħova, ikun bħallikieku l-​liġi t’Alla tkun miktuba f’qalbu.

32:​10-​15—X’kien l-​iskop taʼ żewġ kuntratti dwar l-​istess ftehim? Il-​kuntratt li kien jitħalla miftuħ kien jintuża biex jiġi konsultat. Il-​wieħed siġillat kien iservi bħala prova biex jivverifika l-​eżattezza tal-​wieħed miftuħ jekk ikun hemm bżonn. Ġeremija ħallielna eżempju dwar kif għandna nsegwu proċeduri legali raġunevoli anki meta nkunu qed nagħmlu ftehim maʼ qarib jew maʼ xi ħadd li hu seħibna fit-​twemmin.

33:​23, 24—X’inhuma “ż-​żewġ tribujiet” imsemmijin hawnhekk? Wieħed hu t-​tribù rjali mil-​linja tas-​Sultan David, u l-​ieħor, it-​tribù tal-​qassisin tad-​dixxendenti t’Aron. Bil-​qerda taʼ Ġerusalemm u t-​tempju taʼ Ġeħova, kien donnu jidher li Ġeħova ċaħad lil dawn iż-​żewġ tribujiet u li ma kienx se jibqaʼ jkollu saltna fuq l-​art jew li ma kienx se jkun hemm min jerġaʼ jibda jagħtih qima.

46:22—Leħen l-​Eġittu għala jitqabbel maʼ dak taʼ serp? Dan jistaʼ jirreferi jew għal meta jirtiraw bħal serp li jagħmel ħoss hu u jaħrab jew inkella għall-​vuċi baxxa tagħhom bħala ġens minħabba li jesperjenzaw diżastru. L-​analoġija turi wkoll kemm kienet ħaġa fiergħa li l-​Fargħunijiet Eġizzjani jilbsu rappreżentazzjoni taʼ serp qaddis fuq rashom li suppost ipproteġiehom permezz taʼ l-​alla serp mara Watkit.

Lezzjonijiet Għalina:

21:​8, 9; 38:19. Anki eżatt qabel il-​qerda taʼ Ġerusalemm, Ġeħova pprovda għażla għall-​abitanti mhux nedmin taʼ Ġerusalemm, li kien jistħoqqilhom il-​mewt. Iva, hija ‘kbira l-​ħniena tiegħu.’​—2 Samwel 24:14; Salm 119:156.

31:34. Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li Ġeħova ma jiftakarx id-​dnubiet taʼ dawk li jkun ħafrilhom u ma jaġixxix kontrihom fil-​futur!

38:​7-​13; 39:​15-​18. Ġeħova ma jinsiex is-​servizz leali tagħna, li jinkludi ‘l-​qadi lill-​qaddisin.’​—Ebrej 6:​10.

45:​4, 5. Bħalma kien il-​każ matul l-​aħħar jiem taʼ Ġuda, l-​“aħħar jiem” taʼ din is-​sistema m’humiex żmien biex infittxu “ħwejjeġ kbar,” bħall-​għana, il-​prominenza, jew is-​sigurtà materjali.​—2 Timotju 3:1; 1 Ġwanni 2:​17.

ĠERUSALEMM TINĦARAQ

(Ġeremija 52:​1-​34)

Is-​sena hi 607 Q.E.K. Sedekija jinsab fil11-il sena tal-​ħakma tiegħu. Is-​Sultan Nabukodonosor taʼ Babilonja assedja lil Ġerusalemm għal dawn l-​aħħar 18-il xahar. Fis-​sebaʼ jum tal-​ħames xahar tad-​19-il sena tal-​ħakma taʼ Nabukodonosor, Nebużaradan, il-​kap tal-​gwardji persunali, ‘jidħol’, jew jasal, Ġerusalemm. (2 Slaten 25:8) Forsi mit-​tinda tiegħu ’l barra mis-​swar tal-​belt, Nebużaradan jeżamina s-​sitwazzjoni u jippjana kif se jaġixxi. Tlett ijiem wara, fl-​għaxra tax-​xahar, hu “daħal” Ġerusalemm u ħaraq il-​belt.​—Ġeremija 52:​12, 13.

Ġeremija jagħti rakkont dettaljat dwar il-​waqgħa taʼ Ġerusalemm. Id-​deskrizzjoni għalhekk tipprovdi bażi għall-​ilmenti, jew għanjiet taʼ niket. Dawn l-​għanjiet komponuti huma mniżżlin fil-​ktieb Bibliku taʼ Lamentazzjonijiet.

[Stampa f’paġna 8]

Il-​messaġġi taʼ Ġeremija inkludew il-​ġudizzju taʼ Ġeħova kontra Ġerusalemm

[Stampa f’paġna 9]

Ġeħova kif uża l-​qawwa tiegħu kontra Ġeremija?

[Stampa f’paġna 10]

“Bħal dan it-​tin tajjeb, jien nitgħaxxaq bl-​itturufnati taʼ Ġuda.”​—Ġeremija 24:5