Ġeħova Jgħożż l-Ubbidjenza Tiegħek
Ġeħova Jgħożż l-Ubbidjenza Tiegħek
“Kun għaref, ibni, u ferraħli qalbi.”—PROVERBJI 27:11.
1. Liema spirtu jiddomina s-soċjetà taʼ llum?
SPIRTU taʼ indipendenza u diżubbidjenza jiddomina d-dinja llum. L-appostlu Pawlu jispjega għala fl-ittra tiegħu lill-Kristjani f’Efesu: “Darba kontu timxu skond is-sistema taʼ din id-dinja, skond il-ħakkiem taʼ l-awtorità taʼ l-arja, l-ispirtu li issa qed jaħdem f’ulied id-diżubbidjenza.” (Efesin 2:1, 2) Iva, Satana x-Xitan, “il-ħakkiem taʼ l-awtorità taʼ l-arja,” tistaʼ tgħid infetta d-dinja kollha bl-ispirtu tad-diżubbidjenza. Kien qed jagħmel dan fl-ewwel seklu, u żied l-isforzi tiegħu f’li jagħmel dan minn meta tkeċċa mis-sema madwar iż-żmien taʼ l-ewwel gwerra dinjija.—Rivelazzjoni 12:9.
2, 3. Liema raġunijiet għandna biex nobdu lil Ġeħova?
2 Madankollu, bħala Kristjani aħna nafu li Alla Ġeħova jistħoqqlu l-ubbidjenza tagħna mill-qalb għaliex hu l-Ħallieq tagħna, is-Sostenitur taʼ ħajjitna, is-Sovran kollu mħabba, u l-Ħellies tagħna. (Salm 148:5, 6; Atti 4:24; Kolossin 1:13; Rivelazzjoni 4:11) L-Iżraelin taʼ żmien Mosè kienu jafu li Ġeħova kien id-Donatur tal-ħajja tagħhom u s-Salvatur tagħhom. Għalhekk, Mosè qalilhom: “Qisu li tħarsuhom, kif ordnalkom il-Mulej, Alla tagħkom.” (Dewteronomju 5:32) Iva, Ġeħova kien jistħoqqlu l-ubbidjenza tagħhom. Però, ma damux ma saru diżubbidjenti lejn is-Sovran tagħhom.
3 Kemm hija importanti l-ubbidjenza tagħna lejn il-Ħallieq taʼ l-univers? Alla darba qabbad lill-profeta Samwel jgħid lis-Sultan Sawl: “L-ubbidjenza hi aqwa mis-sagrifiċċji.” (1 Samwel 15:22, 23) Dan għala huwa minnu?
Kif l-Ubbidjenza “Hi Aqwa mis-Sagrifiċċji”
4. F’liema sens nistgħu nagħtu xi ħaġa lil Ġeħova?
4 Bħala l-Ħallieq, Ġeħova diġà huwa s-sid taʼ dak kollu li għandna materjalment. Ladarba dan hu l-każ, hemm xi ħaġa li nistgħu nagħtuh? Iva, nistgħu nagħtuh xi ħaġa prezzjuża ħafna. Din x’inhi? Nistgħu nsibu t-tweġiba minn din it-twissija: “Kun għaref, ibni, u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min jgħajjarni.” (Proverbji 27:11) Nistgħu nagħtu lil Alla l-ubbidjenza tagħna. Għalkemm għandna ċirkustanzi u sfondi differenti, jekk inkunu ubbidjenti, ilkoll kemm aħna nistgħu nwieġbu għall-istqarrija malizzjuża taʼ Satana x-Xitan li l-bnedmin ma jibqgħux leali lejn Alla meta jiffaċċjaw il-provi. Xi privileġġ hu dan!
5. Id-diżubbidjenza kif teffettwa lill-Ħallieq? Agħti eżempju.
5 Alla hu interessat fid-deċiżjonijiet li nieħdu. Jekk ma nobdux, dan jeffettwah. Kif? Hu jweġġaʼ meta jara lil xi ħadd jaqbad triq li m’hijiex għaqlija. (Salm 78:40, 41) Ejja ngħidu li xi ħadd dijabetiku ma żammx mad-dieta tajba li ngħatatlu għall-ġid tiegħu u baqaʼ jiekol affarijiet li m’humiex tajbin għalih. It-tabib tiegħu li jinteressah minnu kif se jħossu? Nistgħu nibqgħu ċerti li Ġeħova jħossu mweġġaʼ meta l-bnedmin ma jobduhx, għax hu jaf il-konsegwenzi li jiġu meta dak li jkun ma jagħtix kas il-preskrizzjoni tiegħu għall-ħajja.
6. X’se jgħinna nkunu ubbidjenti lejn Alla?
6 X’se jgħinna individwalment biex inkunu ubbidjenti? Huwa xieraq li kull wieħed u waħda minna jistaqsi lil Alla għal “qalb ubbidjenti,” (NW) bħalma għamel is-Sultan Salamun. Hu talab għal qalb bħal din sabiex ikun jistaʼ “jagħraf it-tajjeb mill-ħażin” sabiex jiġġudika lill-Iżraelin sħabu. (1 Slaten 3:9) Aħna għandna bżonn “qalb ubbidjenti” jekk se jirnexxilna nagħrfu t-tajjeb mill-ħażin f’dinja dominata minn spirtu taʼ diżubbidjenza. Alla pprovdielna l-Kelma tiegħu, l-għajnuniet għall-istudju tal-Bibbja, il-laqgħat Kristjani, u l-anzjani tal-kongregazzjoni li juru interess sabiex inkunu nistgħu nikkultivaw “qalb ubbidjenti.” Qegħdin aħna nagħmlu użu tajjeb minn dawn il-provvedimenti kollhom imħabba?
7. Ġeħova għala jenfasizza li l-ubbidjenza hi aqwa mis-sagrifiċċji?
7 Fi qbil maʼ dan, ftakar li fil-passat Ġeħova wera lill-poplu tiegħu tal-qedem li l-ubbidjenza kienet saħansitra iktar importanti mis-sagrifiċċji taʼ l-annimali. (Proverbji 21:3, 27; Hosegħa 6:6; Mattew 12:7) Dan għala kien minnu, ladarba kien Ġeħova li kkmanda lill-poplu tiegħu biex joffri dawn is-sagrifiċċji? L-ewwelnett, x’inhu l-motiv taʼ dak li qed joffri s-sagrifiċċju? Qed jagħmlu biex jogħġob lil Alla? Jew qiegħed sempliċement isegwi xi ritwal? Jekk qaddej irid sinċerament jogħġob lil Alla, hu se jieħu ħsieb li jobdi l-kmandamenti kollha t’Alla. Alla m’għandux bżonn sagrifiċċji taʼ l-annimali, imma l-ubbidjenza tagħna hija xi ħaġa taʼ valur li nistgħu nagħtuh.
Eżempju taʼ Twissija
8. Alla għala ċaħad lil Sawl bħala sultan?
8 Ir-rakkont Bibliku dwar is-Sultan Sawl jenfasizza l-importanza vitali taʼ l-ubbidjenza. Sawl beda bħala ħakkiem umli u modest, ‘ċkejken f’għajnejh stess.’ Però, maż-żmien il-kburija u l-irraġunar falz bdew jikkontrollaw id-deċiżjonijiet tiegħu. (1 Samwel 10:21, 22; 15:17) F’okkażjoni minnhom, Sawl kellu jiffaċċja l-Filistin f’battalja. Samwel qal lis-sultan biex jistennieh ħalli jiġi u joffri sagrifiċċji lil Ġeħova u biex jagħti iktar direzzjoni. Madankollu, Samwel ma ġiex eżatt fil-ħin mistenni, u l-poplu beda jinfirex. Malli ra dan, Sawl “offra s-sagrifiċċju tal-ħruq.” Ġeħova ma ħax pjaċir b’dan. X’ħin wasal Samwel, is-sultan iġġustifika d-diżubbidjenza tiegħu stess, billi qal li minħabba li Samwel ġie tard, hu ‘ħassu obbligat’ (NW) biex joffri s-sagrifiċċju tal-ħruq ħalli jikseb il-favur taʼ Ġeħova. Għas-Sultan Sawl, kien iktar importanti li joffri s-sagrifiċċju milli jobdi d-direzzjoni li kien irċieva biex jistenna lil Samwel biex jagħmel is-sagrifiċċju. Samwel qallu: “Tbellaht li ma smajtx mill-ordni li tak il-Mulej, Alla tiegħek.” Id-diżubbidjenza lejn Ġeħova swiet lil Sawl il-kariga tiegħu taʼ sultan.—1 Samwel 10:8; 13:5-13.
9. Sawl kif wera għal darba wara l-oħra li kien diżubbidjenti lejn Alla?
9 Is-sultan tgħallem lezzjoni minn din l-esperjenza? Le! Iktar tard, Ġeħova kkmanda lil Sawl biex jeqred lill-ġens t’Għamalek, li qabel kien attakka lil Iżrael għal xejn b’xejn. Sawl lanqas biss kellu jsalva lill-annimali domestiċi. Hu obda sal-punt li “kisser lil Għamalek minn Ħawila sa Sur.” Meta Samwel mar biex jiltaqaʼ miegħu, is-sultan kien ferħan ħafna bir-rebħa u qal: “Mbierek int mill-Mulej! Jien żammejt kelmet il-Mulej.” Madankollu, kuntrarju għall-istruzzjonijiet ċari li kienu rċivew, Sawl u l-poplu tiegħu kienu ħallew ħaj lis-Sultan Agag u “l-aħjar taʼ l-imrieħel u l-baqar, l-ismen fosthom u l-ħrief, u kull ma kien tajjeb.” Is-Sultan Sawl iġġustifika d-diżubbidjenza tiegħu billi qal: “Il-poplu għoġbuh l-aħjar taʼ l-imrieħel u l-baqar biex joffruhom b’sagrifiċċju lill-Mulej, Alla tiegħek.”—1 Samwel 15:1-15.
10. Sawl liema lezzjoni baqaʼ ma tgħallimx?
10 Imbagħad, Samwel qal lil Sawl: “Jaqaw il-Mulej jogħġbuh il-vittmi tal-ħruq u s-sagrifiċċji aktar mis-smigħ tal-kelma tal-Mulej? Ara, l-ubbidjenza hi aqwa mis-sagrifiċċji; is-smigħ, aħjar mix-xaħam tal-muntun.” (1 Samwel 15:22) Ladarba Ġeħova kien qal li dawk l-annimali kellhom jinqerdu, dawn ma kinux aċċettabbli biex jiġu offruti bħala sagrifiċċji.
Kun Ubbidjenti f’Kollox
11, 12. (a) Ġeħova kif iqis l-isforzi tagħna biex nogħġbuh fil-qima tagħna? (b) Individwu kif jistaʼ jqarraq bih innifsu billi jaħseb li qed jagħmel ir-rieda t’Alla filwaqt li fir-realtà ma jkunx qed jobdi?
11 Kemm hu ferħan Ġeħova li jara l-qaddejja leali tiegħu jibqgħu sodi minkejja l-persekuzzjoni, jipproklamaw is-Saltna minkejja l-indifferenza taʼ ħafna nies, u jattendu l-laqgħat Kristjani avolja jħossu l-pressjoni biex jaqilgħu l-għajxien! L-ubbidjenza tagħna f’dawn l-aspetti importanti fil-ħajja spiritwali tagħna tferraħlu qalbu! L-isforzi tagħna biex inqimu lil Ġeħova huma prezzjużi għalih meta nagħmluhom bl-imħabba. Il-bnedmin forsi jinjoraw ix-xogħol iebes tagħna, imma Alla jagħti kas l-offerti tagħna mill-qalb u jiftakarhom.—Mattew 6:4.
12 Madankollu, biex nogħġbu lil Alla tagħna bis-sħiħ irridu nkunu ubbidjenti f’kull aspett taʼ ħajjitna. Qatt m’għandna nqarrqu bina nfusna billi naħsbu li nistgħu nitbiegħdu minn dak li Alla jitlob minna, basta nagħtu qima lilu f’aspetti oħrajn taʼ ħajjitna. Per eżempju, individwu forsi jqarraq bih innifsu billi jaħseb li jekk jieħu sehem f’xi aspetti taʼ qima formali, hu jistaʼ jikkommetti l-immoralità jew jieħu sehem f’għemil ħażin serju ieħor mingħajr ma jiġi kastigat. Xi żball ikun dan!—Galatin 6:7, 8.
13. Fil-privatezza, l-ubbidjenza tagħna lejn Ġeħova kif tistaʼ tiġi mġarrba?
13 Għalhekk, nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘Qiegħed jien nobdi lil Ġeħova fl-attivitajiet tiegħi taʼ kuljum, saħansitra f’affarijiet li jidhru li huma privati?’ Ġesù stqarr: “Min juri fedeltà fl-inqas ħaġa juri fedeltà wkoll fil-ħafna, u min ma jagħmilx is-sewwa fl-inqas ħaġa ma jagħmilx is-sewwa wkoll fil-ħafna.” (Luqa 16:10) Qegħdin aħna ‘nġibu ruħna b’qalb safja’ anki ‘ġewwa darna,’ fejn oħrajn ma jarawniex? (Salm 101:2) Iva, meta nkunu f’darna, l-integrità tagħna tistaʼ tiġi mġarrba. F’ħafna pajjiżi fejn il-kompjuters huma komuni fid-dar, stampi oxxeni huma faċli biex issibhom. Ftit tas-snin ilu, wieħed ma setax jara stampi bħal dawn mingħajr ma jidħol f’postijiet fejn ikun hemm divertiment immorali. Sejrin aħna b’ubbidjenza nagħtu kas il-kliem taʼ Ġesù: “Kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu”? Iva, sejrin aħna nirrifjutaw li saħansitra nħarsu lejn stampi immorali? (Mattew 5:28; Ġob 31:1, 9, 10; Salm 119:37; Proverbji 6:24, 25; Efesin 5:3-5) Xi ngħidu dwar programmi tat-televixin li jinvolvu l-vjolenza? Qed nuru aħna li nixbhu lil Alla tagħna, li “jobgħod ’il min iħobb id-dnewwa”? (Salm 11:5) Jew xi ngħidu dwar l-użu eċċessiv taʼ l-alkoħol fil-privatezza? Il-Bibbja tikkundanna s-sokor, imma twissi wkoll lill-Kristjani biex ma jiħduhiex drawwa li jixorbu “ħafna nbid.”—Titu 2:3; Luqa 21:34, 35; 1 Timotju 3:3.
14. Liema huma xi modi kif nuru l-ubbidjenza tagħna lejn Alla fi kwistjonijiet taʼ flus?
14 Qasam ieħor li fih irridu noqogħdu attenti hu fi kwistjonijiet taʼ flus. Per eżempju, sejrin aħna ninvolvu ruħna fi skemi biex wieħed isir sinjur malajr fejn jistaʼ jkun hemm involut xi frodi? Niġu aħna mħajrin induru għal affarijiet illegali biex nevitaw li nħallsu t-taxxi? Jew, minflok, b’mod kuxjenzjuż nobdu l-kmand biex ‘nagħtu lil kulħadd dak li għandu jieħu, lil min jitlob it-taxxa, it-taxxa’?—Rumani 13:7.
Ubbidjenza li Tinbet mill-Imħabba
15. Int għala tobdi l-kmandamenti taʼ Ġeħova?
15 L-ubbidjenza lejn il-kmandamenti t’Alla ġġib il-barkiet. Per eżempju, billi nastjenu mill-użu tat-tabakk, billi ngħixu ħajja morali, u billi nirrispettaw il-qdusija tad-demm, aħna nistgħu nevitaw li nsiru vittmi taʼ ċertu mard. Flimkien maʼ dan, billi ngħixu fi qbil mal-verità Biblika f’aspetti oħrajn taʼ ħajjitna, aħna nistgħu nibbenefikaw b’mod ekonomiku, soċjali, jew domestiku. (Isaija 48:17) Kwalunkwe benefiċċju fiżiku bħal dan jistaʼ b’mod xieraq jitqies bħala barka li tagħti prova li l-liġijiet t’Alla huma prattiċi. Xorta waħda, ir-raġuni prinċipali għala nobdu lil Ġeħova hija li nħobbuh. Aħna ma naqdux lil Alla għal raġunijiet egoistiċi. (Ġob 1:9-11; 2:4, 5) Alla tana l-libertà biex nagħżlu li nobdu lil min irridu aħna. Aħna għażilna li nobdu lil Ġeħova għaliex irridu nogħġbuh u għaliex irridu nagħmlu s-sewwa.—Rumani 6:16, 17; 1 Ġwanni 5:3.
16, 17. (a) Ġesù kif wera ubbidjenza lejn Alla bi mħabba profonda? (b) Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù?
16 Ġesù ta l-eżempju perfett fl-ubbidjenza lejn Ġeħova minħabba li kellu mħabba profonda għalih. (Ġwanni 8:28, 29) Meta kien fuq l-art, Ġesù “tgħallem l-ubbidjenza minn dak li sofra.” (Ebrej 5:8, 9) Kif? Ġesù “umilja ruħu u sar ubbidjenti sal-mewt, iva, sal-mewt fuq zokk tat-tortura.” (Filippin 2:7, 8) Għalkemm Ġesù diġà kien ubbidjenti fis-sema, l-ubbidjenza tiegħu ġġarrbet iktar fuq l-art. Nistgħu nkunu ċerti li Ġesù hu kwalifikat biżżejjed f’kull aspett biex jaqdi bħala Qassis il-Kbir għal ħutu spiritwali kif ukoll għal bnedmin oħrajn li jemmnu.—Ebrej 4:15; 1 Ġwanni 2:1, 2.
17 Xi ngħidu għalina? Aħna nistgħu nimitaw lil Ġesù billi nagħtu prijorità lill-ubbidjenza għar-rieda t’Alla. (1 Pietru 2:21) Aħna nistgħu nsibu sodisfazzjon persunali meta l-imħabba tagħna għal Alla timmotivana biex nagħmlu dak li jikkmanda Ġeħova, saħansitra f’perijodi meta nkunu taħt pressjoni jew inkunu qed niġu ttantati biex nagħmlu l-kontra taʼ dak li jikkmandana. (Rumani 7:18-20) Dan jinkludi l-fatt li nkunu lesti biex nobdu d-direzzjonijiet taʼ dawk li qed jieħdu t-tmexxija fil-qima vera, għalkemm huma imperfetti. (Ebrej 13:17) L-ubbidjenza tagħna lejn il-kmandamenti divini fil-ħajja privata tagħna hija prezzjuża f’għajnejn Ġeħova.
18, 19. L-ubbidjenza tagħna lejn Alla mill-qalb fiex tirriżulta?
18 Illum, l-ubbidjenza tagħna lejn Ġeħova tistaʼ tinkludi li nissaportu l-persekuzzjoni sabiex inżommu l-integrità tagħna. (Atti 5:29) Ukoll, li nobdu l-kmand taʼ Ġeħova biex nippridkaw u ngħallmu jirrikjedi li nistabru sat-tmiem taʼ din is-sistema dinjija. (Mattew 24:13, 14; 28:19, 20) Għandna bżonn is-sabar biex inkomplu ninġabru flimkien maʼ ħutna, avolja forsi nħossu t-toqol tal-pressjonijiet tad-dinja. Alla tagħna kollu mħabba huwa konxju taʼ l-isforzi tagħna biex inkunu ubbidjenti f’dawn l-oqsma. Madankollu, sabiex inkunu ubbidjenti bis-sħiħ, aħna rridu niġġieldu kontra l-laħam midneb tagħna u nitbiegħdu mill-ħażen filwaqt li nibnu apprezzament għal dak li hu tajjeb.—Rumani 12:9.
19 Meta naqdu lil Ġeħova għax inħobbuh u b’qalb kollha apprezzament, hu ‘jippremja lilna li nfittxuh bil-ħeġġa.’ (Ebrej 11:6) Sagrifiċċji xierqa huma neċessarji u mixtiqin, imma hija l-ubbidjenza sħiħa mqanqla mill-imħabba għal Ġeħova li togħġbu l-iktar.—Proverbji 3:1, 2.
Int Kif Twieġeb?
• Għala nistgħu ngħidu li għandna xi ħaġa x’nagħtu lil Ġeħova?
• Liema żbalji għamel Sawl?
• Kif tistaʼ turi li temmen li l-ubbidjenza hija aħjar mis-sagrifiċċju?
• Xi jqanqlek tobdi lil Ġeħova?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 26]
Tabib li juri interess kif se jħossu dwar pazjent li jinjora l-pariri tiegħu?
[Stampa f’paġna 28]
Is-Sultan Sawl għala qanqal ir-rabja taʼ Ġeħova?
[Stampi f’paġna 30]
Qiegħed int tobdi l-kmandi t’Alla fil-privatezza taʼ darek?