Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Aħna Magħmulin “b’Mod taʼ l-Għaġeb”

Aħna Magħmulin “b’Mod taʼ l-Għaġeb”

Aħna Magħmulin “b’Mod taʼ l-​Għaġeb”

“B’mod taʼ l-​għaġeb għamiltni.”​—SALM 139:14.

1. Ħafna nies intelliġenti għala jagħtu l-​kredtu lil Alla għall-​affarijiet taʼ l-​għaġeb fuq l-​art?

 ID-​DINJA naturali hija mimlija ħlejjaq taʼ l-​għaġeb. Minfejn oriġinaw? Xi wħud jemmnu li t-​tweġiba tistaʼ tinstab mingħajr ma dak li jkun jirreferi għal Ħallieq intelliġenti. Oħrajn jemmnu li nkunu qed nillimitaw l-​abbiltà tagħna biex nifhmu n-​natura jekk naqbdu u nirrifjutaw l-​eżistenza taʼ Ħallieq. Huma jemmnu li l-​ħlejjaq taʼ l-​art huma kumplessi wisq, varjati wisq u, tistaʼ tgħid, taʼ l-​għaġeb wisq biex ġew b’kumbinazzjoni. Għal ħafna nies, inkluż xi xjenzati, l-​evidenza turi li l-​univers għandu Ħallieq għaref, setgħan, u qalbu tajba. *

2. X’qanqal lil David biex ifaħħar lil Ġeħova?

2 Is-​Sultan David taʼ Iżrael tal-​qedem kien wieħed li kien konvint li hemm Ħallieq li jistħoqqlu tifħir għall-​ħlejjaq taʼ l-​għaġeb Tiegħu. Għalkemm David kien jgħix ħafna qabel l-​era xjentifika taʼ llum, hu fehem li kien imdawwar b’eżempji meraviljużi tax-​xogħol kreattiv t’Alla. David kellu biss jikkunsidra lil ġismu stess biex iħoss riverenza profonda għall-​abbiltà kreattiva t’Alla. Hu kiteb: “Nroddlok ħajr, għax b’mod taʼ l-​għaġeb għamiltni: taʼ l-​għaġeb huma l-​għemejjel tiegħek, [“bħalma ruħi taf tajjeb,” NW].”​—Salm 139:14.

3, 4. Għala huwa importanti li kull wieħed u waħda minna jaħseb fil-​fond dwar ix-​xogħlijiet taʼ Ġeħova?

3 David kellu din il-​konvinzjoni soda għax kien jaħseb fil-​fond. Illum, il-​kurrikuli taʼ l-​iskejjel u lmezzi tax-​xandir huma mimlijin teoriji li jeqirdu l-​fidi dwar l-​oriġini tal-​bniedem. Sabiex aħna jkollna fidi bħal dik taʼ David, aħna wkoll għandna naħsbu fil-​fond. Ma nistgħux inħallu lil ħaddieħor jaħseb għalina, speċjalment fuq kwistjonijiet fundamentali bħall-​eżistenza u l-​irwol taʼ Ħallieq.

4 Iktar minn hekk, il-​fatt li naħsbu dwar ix-​xogħlijiet taʼ Ġeħova jsaħħaħ l-​apprezzament tagħna għalih u jagħtina fiduċja fil-​wegħdi tiegħu għall-​futur. Imbagħad, dan jistaʼ jimmotivana biex insiru nafu lil Ġeħova saħansitra iktar u biex naqduh. Għalhekk, ejja nikkunsidraw kif ix-​xjenza moderna kkonfermat il-​konklużjoni taʼ David li aħna ‘magħmulin b’mod taʼ l-​għaġeb.’

L-​Iżvilupp Fiżiku Meraviljuż Tagħna

5, 6. (a) Kif bdiet il-​ħajja taʼ kull wieħed u waħda minna? (b) Xi rwol għandhom il-​kliewi tagħna?

5 “Għax int sawwart il-​ġewwieni [“il-​kliewi,” “NW”] tiegħi, u f’ġuf ommi inti nsiġtni.” (Salm 139:13) Ilkoll kemm aħna bdejna l-​ħajja tagħna f’ġuf ommna bħala ċellula waħda iżgħar minn ponta taʼ lapes. Din iċ-​ċellula mikroskopika kienet kumplessa ħafna​—laboratorju kimiku żgħir ħafna! Din kibret b’rata mgħaġġla. Sa tmiem it-​tieni xahar tiegħek fil-​ġuf, l-​organi ewlenin tiegħek kienu diġà fformaw. Fosthom kien hemm il-​kliewi. Meta twilidt, il-​kliewi kienu lesti biex jiffiltraw iċ-​ċirkulazzjoni tad-​demm​—billi jneħħu s-​sustanzi velenużi u l-​ilma żejjed imma jżommu s-​sustanzi bżonnjużi. Jekk iż-​żewġ kliewi tiegħek huma f’saħħithom, dawn jiffiltrawlek l-​ilma f’demmek​—madwar 5 litri f’adult—kull 45 minuta!

6 Il-​kliewi jgħinu wkoll biex jikkontrollaw l-​ammont taʼ minerali fid-​demm tiegħek kif ukoll l-​aċidu u l-​pressjoni. Dawn jagħmlu ħafna funzjonijiet vitali oħrajn, bħal per eżempju jbiddlu l-​vitamina D f’forma oħra neċessarja għall-​iżvilupp tajjeb taʼ l-​għadam u biex tipproduċi l-​ormon erythropoietin, li jistimula l-​produzzjoni taċ-​ċelluli ħomor tad-​demm fl-​għadam tiegħek. Mhux taʼ b’xejn li l-​kliewi ssejħu “l-​aqwa spiżjar tal-​ġisem”! *

7, 8. (a) Iddeskrivi l-​iżvilupp tal-​bidu taʼ tarbija li għadha ma twilditx. (b) Tarbija li qed tiżviluppa b’liema mod ‘tintiseġ fil-​qigħan taʼ l-​art’?

7 “Ma kienx moħbi għadmi minnek, meta kont qiegħed insir fis-​satra u nintiseġ fil-​qigħan taʼ l-​art.” (Salm 139:15) Iċ-​ċellula oriġinali nqasmet, u ċ-​ċelluli l-​ġodda baqgħu jinqasmu. Iċ-​ċelluli ma damux ma bdew jinfirdu, jew jispeċjalizzaw, biex isiru ċelluli tan-​nervituri, ċelluli tal-​muskoli, ċelluli tal-​ġilda, eċċetra. Ċelluli taʼ l-​istess tip ngħaqdu flimkien biex jifformaw tessuti u mbagħad organi. Per eżempju, matul it-​tielet ġimgħa mill-​fertilizzazzjoni, int bdejt tiżviluppa s-​sistema skeletali. Sakemm kellek biss sebaʼ ġimgħat u b’tul taʼ madwar 2.5 ċentimetri, il-​206 għadmiet ifformati tiegħek kienu diġà f’posthom, għalkemm kienu żgħar ħafna u kienu għadhom ma bbisux.

8 Dan il-​proċess meraviljuż taʼ żvilupp seħħ fil-​ġuf t’ommok, mistur mill-​għajn tal-​bnedmin bħallikieku kien moħbi fil-​fond taħt l-​art. Tabilħaqq, il-​bnedmin għad fadlilhom ħafna x’jitgħallmu dwar kif niżviluppaw. Per eżempju, x’ġiegħel lil ċerti ġeni fiċ-​ċelluli tiegħek jibdew il-​proċess biex jifirdu ċerti ċelluli minn oħrajn għal partijiet differenti tal-​ġisem? Ix-​xjenzati maż-​żmien forsi jsiru jafu, imma bħalma osserva David wara, il-​Ħallieq tagħna​—Ġeħova—minn dejjem kien jifhem.

9, 10. Il-​formazzjoni tal-​partijiet t’embriju kif inhi ‘miktuba fil-​ktieb’ t’Alla?

9 “Għajnejk rawni bħala embriju, u fil-​ktieb tiegħek inkitbu l-​partijiet kollha tiegħu, dwar iż-​żmien meta ġew ifformati u ma kien għad hemm ebda parti teżisti.” (Salm 139:​16, NW) L-​ewwel ċellula tiegħek kien fiha l-​pjan sħiħ għal ġismek kollu. Dan il-​pjan iggwida l-​iżvilupp tiegħek matul id-​disaʼ xhur li qattajt fil-​ġuf qabel it-​twelid u mbagħad matul l-​iktar minn 20 sena sakemm sirt adult. Matul dan iż-​żmien, ġismek għadda minn diversi stadji, kollha gwidati mill-​informazzjoni programmata f’dik l-​ewwel ċellula.

10 David ma kellu l-​ebda għarfien dwar iċ-​ċelluli u l-​ġeni, minħabba li lanqas mikroskopju ma kellu. Imma hu fehem tajjeb li l-​iżvilupp taʼ ġismu stess kien evidenza taʼ ppjanar minn qabel. David forsi kellu xi ftit għarfien dwar kif jiżviluppa l-​embriju, u għalhekk setaʼ jirraġuna li kull pass kellu jseħħ skond disinn u skeda li kienu diġà jeżistu. B’lingwa poetika, hu ddeskriva dan id-​disinn bħala li hu ‘miktub fil-​ktieb’ t’Alla.

11. X’jiddetermina l-​karatteristiki fiżiċi tagħna?

11 Illum, huwa magħruf li l-​karatteristiki li int uritt mingħand il-​ġenituri u l-​antenati tiegħek​—bħat-​tul tiegħek, il-​fattizzi taʼ wiċċek, il-​kulur t’għajnejk u taʼ xagħrek, u eluf taʼ karatteristiki oħrajn​—ġew determinati mill-​ġeni tiegħek. Kull waħda miċ-​ċelluli tiegħek fiha għaxriet t’eluf taʼ ġeni, u kull ġene jagħmel parti minn katina twila magħmula mid-​DNA (deoxyribonucleic acid). L-​istruzzjonijiet tal-​formazzjoni taʼ ġismek huma ‘miktubin’ fl-​istruttura kimika tad-​DNA persunali tiegħek. Kull darba li ċ-​ċelluli tiegħek jinqasmu​—biex jagħmlu ċelluli ġodda jew biex jieħdu post ċelluli antiki​—id-​DNA tiegħek jgħaddi dawn l-​istruzzjonijiet, u b’hekk iżommok ħaj u bid-​dehra bażika tiegħek. X’eżempju mill-​aqwa tal-​qawwa u l-​għerf tal-​Ħallieq tagħna tas-​sema!

Il-​Moħħ Uniku Tagħna

12. B’mod partikulari, x’hemm li jiddistingwi lill-​bnedmin mill-​annimali?

12 “Kemm huma [“prezzjużi,” “NW”] ħsibijietek għalija, o Alla! Kemm hu bla tarf l-​għadd tagħhom! Li kelli ngħoddhom, huma aktar mir-​ramel.” (Salm 139:​17, 18a) L-​annimali wkoll huma magħmulin b’mod taʼ l-​għaġeb, u xi wħud minnhom għandhom ċerti sensi u abbiltajiet li huma aħjar minn tal-​bnedmin. Imma Alla ta lill-​bnedmin il-​fakultajiet mentali li huma ħafna iktar superjuri minn dawk taʼ kwalunkwe annimal. “Għalkemm aħna l-​bnedmin simili għal speċi oħrajn f’ħafna modi, aħna uniċi fost il-​ħlejjaq taʼ l-​art fl-​abbiltà tagħna li nużaw il-​lingwa u l-​ħsieb,” jgħid ktieb tax-​xjenza. “Aħna uniċi wkoll fil-​kurżità kbira li għandna dwarna nfusna: Il-​ġisem tagħna kif inhu magħmul? Kif ġejna fformati?” Dawn huma mistoqsijiet li David ukoll ħaseb dwarhom.

13. (a) David kif setaʼ jimmedita fuq il-​ħsibijiet t’Alla? (b) Kif nistgħu nsegwu l-​eżempju taʼ David?

13 L-​iktar importanti, b’kuntrast maʼ l-​annimali, aħna uniċi għax għandna l-​abbiltà li nimmeditaw fuq il-​ħsibijiet t’Alla. * Din l-​għotja speċjali hija waħda mill-​modi kif aħna maħluqin “fuq xbihat Alla.” (Ġenesi 1:​27) David għamel użu tajjeb minn din l-​għotja. Hu mmedita fuq l-​evidenza taʼ l-​eżistenza t’Alla u fuq il-​kwalitajiet tajbin li dehru fid-​dinja taʼ madwaru. David kellu wkoll l-​ewwel kotba taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa, li fihom rivelazzjonijiet mingħand Alla dwaru u dwar ix-​xogħlijiet tiegħu. Dawn il-​kitbiet ispirati għenu lil David jifhem il-​ħsibijiet, il-​personalità, u l-​iskop t’Alla. Hekk kif immedita fuq l-​Iskrittura, il-​ħolqien, u l-​mod kif Alla ttrattah, David tqanqal biex ifaħħar lill-​Ħallieq tiegħu.

Dak li Tinvolvi l-​Fidi

14. Għala m’għandniex bżonn inkunu nafu kollox dwar Alla sabiex ikollna fidi fih?

14 Iktar ma David immedita fuq il-​ħolqien u l-​Iskrittura, iktar irrealizza li ma kienx kapaċi jifhem l-​għarfien kbir u l-​abbiltà kollha t’Alla. (Salm 139:6) L-​istess hu minnu fil-​każ tagħna. Qatt m’aħna se nifhmu kollox dwar l-​għemejjel kreattivi kollha t’Alla. (Koħèlet 3:​11; 8:​17) Imma Alla tana biżżejjed għarfien ‘evidenti’ fl-​Iskrittura u fin-​natura biex uħud li jfittxu l-​verità fi kwalunkwe perijodu taʼ żmien ikunu jistgħu jiksbu fidi bbażata fuq l-​evidenza.​—Rumani 1:​19, 20; Ebrej 11:​1, 3.

15. Agħti tixbiha li turi kif il-​fidi u r-​relazzjoni tagħna m’Alla huma marbutin flimkien.

15 Li jkollna l-​fidi jinvolvi iktar milli sempliċement nagħrfu li l-​ħajja u l-​univers bilfors li għandhom Sors intelliġenti. Jinvolvi li nafdaw lil Alla Ġeħova bħala persuna​—persuna li tridna nsiru nafuha u nżommu relazzjoni tajba magħha. (Ġakbu 4:8) Għandu mnejn jiġuna f’moħħna l-​fidi u l-​fiduċja li dak li jkun ikollu f’missier li juri l-​imħabba. Li kieku xi ħadd xettiku kellu jiddubita jekk missierek kienx verament se jgħinek fi kriżi, għandek mnejn ma tkunx tistaʼ tikkonvinċih li missierek hu taʼ min jafdah. Madankollu, jekk bl-​esperjenza int ġbart evidenza tal-​karattru kollu mħabba taʼ missierek, int tistaʼ tkun fiduċjuż li hu mhux se jiddiżappuntak. B’mod simili, meta nsiru nafu lil Ġeħova billi nistudjaw l-​Iskrittura, nimmeditaw fuq il-​ħolqien, u nesperjenzaw l-​għajnuna tiegħu meta jwieġeb it-​talb tagħna, aħna niġu mqanqlin biex nafdawh. Dan iqanqalna biex inkunu rridu nsiru nafu iktar dwaru u biex infaħħruh għal dejjem bi mħabba u devozzjoni bla egoiżmu. Dan hu l-​iktar skop nobbli li kwalunkwe bniedem jistaʼ jaħdem għalih.​—Efesin 5:​1, 2.

Fittex il-​Gwida tal-​Ħallieq Tagħna!

16. X’nistgħu nitgħallmu mir-​relazzjoni intima taʼ David maʼ Ġeħova?

16 “Għarbilni, o Alla, u agħraf qalbi; iflini, u kun af ħsibijieti. Ara iniex miexi fi triq ħażina, u mexxini fit-​triq taʼ dejjem.” (Salm 139:​23, 24) David kien konxju li Ġeħova diġà kien jafu sewwa​—dak kollu li ħaseb, qal, jew għamel kien mikxuf għall-​Ħallieq tiegħu. (Salm 139:​1-​12; Ebrej 4:​13) Għarfien intimu bħal dan min-​naħa t’Alla għen lil David iħossu fis-​sigurtà, sewwasew bħalma tifel ċkejken iħossu fis-​sigurtà f’dirgħajn il-​ġenituri kollhom imħabba tiegħu. David kien jgħożż din ir-​relazzjoni intima maʼ Ġeħova u stinka biex iżommha billi ħaseb b’mod profond dwar l-​għemejjel Tiegħu u billi talab Lilu. Fil-​fatt, ħafna mis-​salmi taʼ David​—inkluż Salm 139​—huma fil-​fatt talb akkumpanjat bil-​mużika. Bl-​istess mod, il-​meditazzjoni u t-​talb jistgħu jgħinuna nersqu qrib lejn Ġeħova.

17. (a) David għala ried lil Ġeħova jeżaminalu qalbu? (b) Il-​mod kif nużaw il-​libertà taʼ l-​għażla tagħna kif se jeffettwa ħajjitna?

17 Minħabba li aħna maħluqin fuq xbihat Alla, aħna ngħatajna l-​libertà taʼ l-​għażla. Nistgħu nagħżlu li nagħmlu t-​tajjeb jew li nagħmlu l-​ħażin. Din il-​libertà ġġib magħha r-​responsabbiltà morali. David ma riedx jiġi magħdud mal-​ħżiena. (Salm 139:​19-​22) Hu ried jevita li jagħmel żbalji li jikkaġunaw l-​uġigħ. B’hekk, hekk kif immedita fuq l-​għarfien komplut taʼ Ġeħova, David bl-​umiltà staqsa lil Alla biex jeżamina l-​persuna ġewwinija tiegħu u biex jiggwidah fit-​triq li twassal għall-​ħajja. Il-​livelli morali ġusti t’Alla japplikaw għal kulħadd; allura aħna wkoll irridu nagħmlu għażliet tajbin. Ġeħova jħeġġiġna lkoll biex nobduh. Meta nagħmlu dan niksbu l-​favur tiegħu u ħafna benefiċċji. (Ġwanni 12:50; 1 Timotju 4:8) Jekk nimxu maʼ Ġeħova kuljum se niġu megħjunin biex nikkultivaw paċi ġewwinija, anki meta niffaċċjaw problemi serji.​—Filippin 4:​6, 7.

Segwi lill-​Ħallieq taʼ l-​Għaġeb Tagħna!

18. David għal liema konklużjoni wasal wara li mmedita fuq il-​ħolqien?

18 Bħala żagħżugħ, David spiss kien ikun barra, jirgħa l-​imrieħel. In-​nagħaġ kienu jbaxxu rashom biex jieklu, imma hu kien jgħolli għajnejh lejn is-​smewwiet. Fid-​dlam taʼ fil-​għaxija, David kien jirrifletti fuq il-​kobor taʼ l-​univers u x’kien ifisser dan kollu. David kiteb: “Is-​smewwiet ixandru l-​glorja taʼ Alla, għemil idejh tħabbar il-​firxa tas-​sema. Jum lil ieħor jagħti l-​aħbar, lejl lil ieħor iwassal it-​tagħrif.” (Salm 19:​2, 3 [19:​1, 2, NW]) David fehem li hu kellu jfittex u jsegwi lill-​Wieħed li kien għamel kollox b’mod tant taʼ l-​għaġeb. Aħna għandna bżonn nagħmlu l-​istess.

19. Liema lezzjonijiet jistgħu jisiltu l-​kbar u ż-​żgħar mill-​fatt li aħna ‘magħmulin b’mod taʼ l-​għaġeb’?

19 David kien ix-​xempju tal-​parir li ibnu Salamun iktar tard ta liż-​żgħażagħ: “Ftakar issa fil-​Ħallieq [“Grandjuż,” NW] tiegħek f’jiem żgħożitek . . . Ibżaʼ minn Alla, u ħares il-​kmandamenti tiegħu: għax dan hu d-​dmir taʼ kull bniedem.” (Ekkleżjasti 12:​1, 13, Karm Żammit) Bħala żagħżugħ, David kien diġà fehem li hu ‘magħmul b’mod taʼ l-​għaġeb.’ Il-​fatt li aġixxa fuq dan id-​dehen ġablu benefiċċji kbar tul ħajtu. Jekk aħna, kbar u żgħar, infaħħru u naqdu lill-​Ħallieq Grandjuż tagħna, il-​ħajja tagħna issa u fil-​futur se tkun pjaċevoli. Rigward dawk li jibqgħu qrib taʼ Ġeħova u jgħixu skond it-​triqat ġusti tiegħu, il-​Bibbja twiegħed: “Sa fi xjuħithom il-​frott jagħmlu, kollhom ħajja u ħdura, biex ixandru li ġust hu l-​Mulej.” (Salm 92:​15, 16 [92:​14, 15, NW]) U aħna se jkollna t-​tama li ngawdu l-​għemejjel taʼ l-​għaġeb tal-​Ħallieq tagħna għal dejjem.

[Noti taʼ taħt]

^ par. 1 Ara l-​ħarġa taʼ l-​Awake! tat-​22 taʼ Ġunju, 2004, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

^ par. 6 Ara wkoll “Your Kidneys​—A Filter for Life” (Il-Kliewi Tiegħek​—Filtru għal Għomrok), fil-​ħarġa taʼ l-​Awake! tat-​8 t’Awissu, 1997.

^ par. 13 Il-kliem taʼ David f’Salm 139:18b donnu jfisser li kieku kellu jqattaʼ l-​ġurnata kollha sakemm jorqod bil-​lejl jgħodd il-​ħsibijiet taʼ Ġeħova, x’ħin iqum fil-​għodu, xorta jkun fadallu iżjed x’jgħodd.

Tistaʼ Tispjega?

• Il-​mod kif jiżviluppa embriju kif juri li aħna ‘magħmulin b’mod taʼ l-​għaġeb’?

• Għala għandna nimmeditaw fuq il-​ħsibijiet taʼ Ġeħova?

• Il-​fidi u r-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova kif inhuma marbutin flimkien?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 23]

L-​iżvilupp taʼ tarbija fil-​ġuf isegwi disinn determinat minn qabel

“DNA”

[Sors]

Tarbija fil-​ġuf: Lennart Nilsson

[Stampa f’paġna 24]

Bħat-​tfal li jafdaw lil missier kollu mħabba, aħna għandna fiduċja f’Ġeħova

[Stampa f’paġna 25]

Hekk kif immedita fuq xogħol idejn Ġeħova, David tqanqal biex ifaħħru