Ankrati b’Valuri li Ma Jinbidlux
Ankrati b’Valuri li Ma Jinbidlux
IS-SOĊJETAJIET kollha tal-bnedmin jadottaw xi livell taʼ valuri morali. Ma taqbilx li kwalitajiet bħall-onestà, il-qalb tajba, il-mogħdrija, u l-altruiżmu huma għeżież għal ħafna wħud madwar id-dinja u li dawn huma kwalitajiet li jiġbdu lil ħafna minna?
Il-Valuri taʼ Min?
Fl-ewwel seklu E.K, raġel t’edukazzjoni għolja li kien jismu Sawlu kien jgħix fost Rumani 2:14, 15.
tliet kulturi li kellhom valuri morali influwenti— dik tal-Lhud, il-Griegi, u r-Rumani. Minbarra d-drawwiet u l-liġijiet komplikati li kellhom dawn il-kulturi, Sawlu kien jaf li l-bnedmin in ġenerali kienu gwidati minn sens morali li jitwieldu bih. Din hija l-kuxjenza tagħna. Wara li Sawlu sar l-appostlu Kristjan Pawlu, hu kiteb: “Kulmeta n-nies tal-ġnus li m’għandhomx liġi jagħmlu b’mod naturali [“bl-istint naturali,” The New Testament in Modern Speech] l-affarijiet tal-liġi, dawn in-nies, għalkemm m’għandhomx liġi, huma liġi għalihom infushom. Dawn juru li s-sustanza tal-liġi hi miktuba fi qlubhom, waqt li l-kuxjenza tagħhom qed tixhed magħhom.”—Madankollu, huwa biżżejjed li nkunu gwidati biss mill-“istint naturali” meta nipprovaw niddeċiedu dwar dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin? Bħalma forsi rajt b’għajnejk stess, l-istorja tal-bniedem hija invażata b’fallimenti li ġarrbu individwi u gruppi taʼ nies. Dan il-fatt ikkonvinċa lil ħafna wħud li aħna għandna bżonn id-direzzjoni minn sors ogħla minna sabiex nistabbilixxu l-aħjar valuri li għandna ngħixu bihom. Ħafna jirrikonoxxu li l-Ħallieq tal-bniedem jinsab fl-aqwa pożizzjoni biex joffri dawn il-livelli li ma jinbidlux. Dr. Carl Jung osserva fil-ktieb tiegħu The Undiscovered Self: “L-individwu li m’huwiex ankrat f’Alla ma jistaʼ jirreżisti bl-ebda mod il-ħajriet fiżiċi u morali tad-dinja bis-saħħa tiegħu stess.”
Din il-konklużjoni hija fi qbil maʼ dak li kiteb profeta tal-qedem: “Triq il-bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-passi tiegħu.” (Ġeremija 10:23) Il-Ħallieq tagħna jgħid: “Jien ngħallmek għall-ġid tiegħek, u nqabbdek it-triq fejn għandek timxi.”—Isaija 48:17.
Sors taʼ Min Joqgħod Fuqu għal Valuri taʼ Min Jafdahom
Il-kliem li għadna kif ikkwotajna jinsab fl-iktar sors taʼ valuri morali li qiegħed f’idejn in-nies—l-Iskrittura Mqaddsa. Miljuni taʼ nies madwar id-dinja, anki dawk li m’humiex Kristjani jew li m’humiex reliġjużi, daru lejn l-Iskrittura għad-dehen u l-għerf. Johan Wolfgang Van Goethe, poeta Ġermaniż, kiteb: “Għalija, jien ħabbejt u rrispettajt [il-Bibbja], għaliex kważi l-iżvilupp morali tiegħi kollu kien influwenzat minnha.” Il-mexxej Ħindu Mohandas Gandhi ġie rapportat li qal: “Agħmlu kulma tistgħu biex tixorbu mill-qiegħ tan-nixxigħat li jingħatawlkom fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja [parti mit-tagħlim taʼ Ġesù Kristu li jinsab fil-Bibbja] . . . Għaliex it-tagħlim tal-Priedka ġie mfassal għal kull wieħed minna.”
L-appostlu Pawlu, li kkwotajnieh qabel, enfasizza l-irwol importanti li għandha l-Iskrittura Mqaddsa f’li tipprovdi valuri taʼ min joqgħod fuqhom: “L-Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla u tiswa biex tgħallem.” (2 Timotju 3:16) Huwa dan minnu?
Għala ma tarax għalik innifsek? Eżamina l-prinċipji mniżżlin fil-paġna li jmiss. Innota l-valuri taʼ ġid li dawn jinkuraġġixxu. Immedita dwar kif l-ideat inklużi f’dan it-tagħlim għandhom il-qawwa li jtejbu l-kwalità taʼ ħajtek u tar-relazzjonijiet tiegħek m’oħrajn.
Se Jiswielek taʼ Ġid?
Il-prinċipji li għadna kemm semmejna huma biss parti żgħira mill-pariri prattiċi li jinsabu fl-Iskrittura Mqaddsa. Minbarra dawn, il-Kelma t’Alla fiha għadd taʼ twissijiet kontra ħsibijiet, kliem, u għemejjel li jistgħu jagħmlu l-ħsara u li jistaʼ jkollhom effett ħażin fuq ħajjitna.—Proverbji 6:16-19.
Iva, it-tagħlim tal-Bibbja joffri xi ħaġa li s-soċjetà umana in ġenerali tassew m’għandhiex—pariri li jgħinu lin-nies jiżviluppaw l-aqwa livelli morali possibbli. Dawk li jaċċettaw u japplikaw dan it-tagħlim jgħaddu minn bidla sinifikanti. Il-mod kif jaħsbu jmur għall-aħjar. (Efesin 4:23, 24) Il-motivi tagħhom jitjiebu. Minħabba li ħafna tgħallmu l-valuri t’Alla kif jinsabu fil-Bibbja, huma ġew megħjunin iqaċċtu ’l barra minn qalbhom ir-razziżmu, il-preġudizzju, u l-mibegħda. (Ebrej 4:12) L-Iskrittura u l-valuri li din tinkuraġġixxi qanqlu lin-nies biex jiċħdu kull tip taʼ vjolenza u vizzji u inkuraġġewhom biex isiru nies aħjar.
Iva, il-valuri tal-Bibbja għenu lil miljuni taʼ nies biex jegħlbu vizzji u prattiki li kienu mqabbdin fil-fond bħal dawk li ħassru l-ħajjiet taʼ ħafna oħrajn. (1 Korintin 6:9-11) It-tagħlim tal-Bibbja bidel lil dawn l-individwi—mhux biss id-drawwiet tagħhom imma lil qalbhom, lit-tamiet tagħhom, u lill-familji tagħhom. Minkejja kemm tiddeterjora d-dinja, hemm nies madwar il-globu li jkomplu jinbidlu għall-aħjar. U dan mhux se jieqaf iseħħ. “Il-ħaxix jinxef, u l-ward jidbiel, iżda l-kelma tal-Mulej tibqaʼ għal dejjem.”—Isaija 40:8.
Madankollu, se tibbenefika int personalment mill-“kelma tal-Mulej”? Ix-Xhieda taʼ Ġeħova se jkunu ferħanin li juruk kif tħaddan il-valuri tal-Bibbja għall-ġid tiegħek. Jekk int tgħix fi qbil maʼ dawn il-valuri, għalik dan se jkun ifisser li tikseb l-approvazzjoni t’Alla issa u se jwassal għal ħajja taʼ dejjem gwidata minn prinċipji divini li ma jinbidlux.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 6, 7]
PRINĊIPJI LI MA JINBIDLUX
Ir-Regola tad-Deheb. “Għalhekk, kulma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll; fil-fatt, dan ifissru l-Liġi u l-Profeti.”—Mattew 7:12.
Ħobb lill-proxxmu. “Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” (Mattew 22:39) “L-imħabba ma tagħmilx ħsara lill-proxxmu; għalhekk, l-imħabba hi t-twettiq tal-liġi.”—Rumani 13:10.
Irrispetta u onora lil oħrajn. “Ħa jkollkom affezzjoni tenera lejn xulxin bi mħabba lejn l-aħwa. Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.”—Rumani 12:10.
Kun paċifiku. “Żommu l-paċi bejnietkom.” (Marku 9:50) “Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-paċi mal-bnedmin kollha.” (Rumani 12:18) “Ħa niġru wara l-affarijiet li jġibu l-paċi.”—Rumani 14:19.
Aħfer. “Aħfrilna d-djun tagħna, bħalma aħna wkoll ħfirna lil min kellu d-dejn magħna.” (Mattew 6:12) “Kunu qalbkom tajba maʼ xulxin, agħdru b’tenerezza, u aħfru lil xulxin mill-qalb.”—Efesin 4:32.
Kun leali. “Kun leali lejn martek u agħti mħabbtek lilha biss. . . . Kun hieni b’martek u sib il-ferħ tiegħek mat-tfajla li żżewwiġt . . . Ħalli l-ġmiel tagħha jżommok hieni; ħalliha ddawrek bi mħabbitha. . . . Għala għandek tagħti mħabbtek lil mara oħra? Għala għandek tippreferi l-ġmiel taʼ mart ħaddieħor?” (Proverbji 5:15-20, Today’s English Version) “Min juri fedeltà fl-inqas ħaġa juri fedeltà wkoll fil-ħafna, u min ma jagħmilx is-sewwa fl-inqas ħaġa ma jagħmilx is-sewwa wkoll fil-ħafna.” (Luqa 16:10) “Dak li hu mistenni mill-prokuraturi hu li jkunu leali.”—1 Korintin 4:2.
Kun onest. “Il-miżien ħażin, u l-borża bil-bċejjeċ foloz taʼ l-użin, nistaʼ jien inqishom b’tajba?” (Mikea 6:11) “Aħna fiduċjużi li għandna kuxjenza onesta, peress li nixtiequ nġibu ruħna bl-onestà f’kollox.”—Ebrej 13:18.
Għid il-verità, kun ġust. “Obogħdu d-deni u ħobbu l-ġid, saħħu l-ġustizzja f’bieb il-belt.” (Għamos 5:15) “Għidu s-sewwa lil xulxin; fil-bibien taʼ beltkom agħmlu l-ħaqq li jġib is-sliem.” (Żakkarija 8:16) “Issa li warrabtu l-gideb, għidu l-verità, kull wieħed minnkom lill-proxxmu tiegħu.”—Efesin 4:25.
Kun bieżel, aħdem iebes. “Qatt rajt wieħed imħarreġ fis-sengħa tiegħu? Dan mas-slaten issibu, u mhux maʼ nies bla isem taʼ xejn.” (Proverbji 22:29) “Titnikkrux f’xogħolkom.” (Rumani 12:11) “Kulma tagħmlu, agħmluh b’ruħkom kollha qisu għal Ġeħova, u mhux għall-bnedmin.”—Kolossin 3:23.
Uri l-ħlewwa, il-mogħdrija, u l-qalb tajba. “Ilbsu sentimenti profondi taʼ mogħdrija, u qalb tajba, umiltà, ħlewwa, u sabar fit-tul.”—Kolossin 3:12.
Irbaħ il-ħażin bit-tajjeb. “Komplu ħobbu lill-għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom.” (Mattew 5:44) “Tħallix il-ħażen jirbħek, imma dejjem irbaħ il-ħażen bit-tajjeb.”—Rumani 12:21.
Agħti l-aqwa tiegħek lil Alla. “‘Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.’ Dan hu l-akbar u l-ewwel kmandament.”—Mattew 22:37, 38.
[Stampi]
Jekk inħaddnu l-valuri tal-Bibbja se niġu megħjunin ingawdu żwieġ li jirnexxi, relazzjonijiet henjin fil-familja, u ħbiberiji sodisfaċenti