Il-Biċċa Xogħol Enormi taʼ Ernst Glück
Il-Biċċa Xogħol Enormi taʼ Ernst Glück
IKTAR minn 300 sena ilu, Ernst Glück beda biċċa xogħol li ftit irġiel fl-istorja ażżardaw jibdewha. Hu ddeċieda li jittraduċi l-Bibbja b’lingwa li ma kienx jaf.
Glück twieled għall-ħabta tas-sena 1654 fir-raħal żgħir taʼ Wettin, viċin Halle, il-Ġermanja. Missieru kien kappillan Luteran, u l-atmosfera reliġjuża fid-dar għamlet liż-żagħżugħ Ernst interessat f’li jitgħallem dwar Alla. Fl-età taʼ 21 sena, hu spiċċa jistudja t-teoloġija fil-Ġermanja u mar jgħix fil-post li issa huwa magħruf bħala l-Latvja. Dak iż-żmien, ħafna min-nies lokali ma kellhomx edukazzjoni formali, u ftit kien hemm kotba disponibbli bil-lingwa tagħhom. Glück kiteb: “Meta f’żgħożiti wasalt f’dan il-pajjiż, l-ewwel nuqqas li nnotajt kien li l-knisja Latvjana ma kellhiex Bibbja . . . Dan qanqalni biex niddeċiedi quddiem Alla li nistudja din il-lingwa u nitgħallimha sew.” Hu kien determinat li jagħti lin-nies tal-Latvja Bibbja bil-lingwa tagħhom.
Tħejjijiet għat-Traduzzjoni
Il-post fejn issetilja Glück dak iż-żmien kien magħruf bħala Livonia u kien maħkum mill-Isvezja. Ir-rappreżentant lokali tar-re taʼ l-Isvezja kien Johannes Fischer. Hu kien interessat f’li jgħolli l-livell taʼ l-edukazzjoni fil-pajjiż u wkoll f’li jagħmel profitt. Glück kellem lil Fischer dwar li jittraduċi l-Bibbja bil-Latvjan. Fischer kellu stamperija f’Riga, il-belt kapitali. Jekk jistampa l-Bibbja bil-Latvjan hu setaʼ jmexxi ’l quddiem il-ħidma tiegħu fl-edukazzjoni, u fl-istess ħin, hu kien jispera li jdaħħal il-flus. Fischer talab lir-Re Karlu XI taʼ l-Isvezja biex jawtorizza t-traduzzjoni. Ir-re tah
il-permess għall-proġett u offrielu li jħallas l-ispejjeż. Fil-31 t’Awissu, 1681, riżoluzzjoni ffirmata mir-re ppermettiet li jinbeda x-xogħol tat-traduzzjoni.Sadanittant, Glück kien qed iħejji ruħu. Bl-isfond Ġermaniż tiegħu, hu setaʼ juża t-traduzzjoni taʼ Luteru bħala l-bażi għall-Bibbja bil-Latvjan. Imma Glück ried jipproduċi l-aqwa verżjoni possibbli u kkonkluda li dan kien jirrikjedi li ssir traduzzjoni mill-Ebrajk u l-Grieg oriġinali. Glück ma kellux għarfien biżżejjed tal-lingwi tal-Bibbja, allura hu mar Hamburg, il-Ġermanja, biex jistudja l-Ebrajk u l-Grieg. Waqt li kien hemm, membru tal-kleru Livonjan bl-isem taʼ Jānis Reiters x’aktarx li għenu bil-lingwa Latvjana kif ukoll bil-Grieg tal-Bibbja.
Snin taʼ Ħidma, Snin taʼ Stennija
Fl-1680, meta Glück spiċċa t-taħriġ tiegħu fil-lingwa, hu mar lura l-Latvja u beda jaqdi bħala saċerdot. Fi żmien qasir hu beda x-xogħol tiegħu taʼ traduzzjoni. Fl-1683, Glück irċieva inkarigu ġdid bħala saċerdot taʼ parroċċa kbira f’Alūksne, li sar magħruf bħala l-post fejn hu għamel it-traduzzjoni tiegħu.
Dak iż-żmien, il-lingwa Latvjana ma kellhiex kliem għal ħafna mit-termini u l-konċetti Bibliċi. Għalhekk, Glück uża xi kliem Ġermaniż fit-traduzzjoni tiegħu. Imma hu għamel ħiltu kollha biex jittraduċi l-Kelma t’Alla bil-Latvjan, u l-esperti jaqblu li t-traduzzjoni tiegħu hija taʼ kwalità għolja. Glück saħansitra fforma kliem ġdid, u llum xi wħud mill-kliem li vvinta jintuża ħafna fil-Latvjan. Dan jinkludi t-termini Latvjani għall-kliem “eżempju,” “festa,” “ġgant,” “li tispija,” u “li tixhed.”
Johannes Fischer żamm lir-re taʼ l-Isvezja informat dwar kif kien miexi ’l quddiem ix-xogħol tat-traduzzjoni, u l-korrispondenza tagħhom turi li sa l-1683, Glück kien ittraduċa l-Iskrittura Griega Kristjana. Hu spiċċa l-Bibbja kollha sa l-1689, billi rnexxielu jwettaq din il-biċċa xogħol enormi fi tmien snin biss. * Kien hemm ħafna dewmien fl-istampar, però, fl-1694 hu laħaq il-mira tiegħu—il-gvern awtorizza t-tqassim pubbliku tal-Bibbja bil-Latvjan.
Xi studjużi taʼ l-istorja ddubitaw kemm
it-traduzzjoni tal-Bibbja li għamel Glück kienet biss sforz il-ħidma tiegħu. Mingħajr ebda dubju hu rrefera għat-traduzzjoni taʼ Luteru u inkluda fil-kitba tiegħu porzjonijiet tal-Bibbja li kienu diġà jeżistu bil-lingwa Latvjana. Però, dawn il-partijiet huma biss biċċa żgħira mit-traduzzjoni tiegħu. Kien hemm tradutturi oħrajn involuti? Glück kellu ajjutant waqt li kien qed jittraduċi, u oħrajn għenu billi qraw u kkoreġew il-kitba u billi ċċekkjaw il-kwalità tagħha. Però, milli jidher, l-għajnuna tagħhom ma kinitx tinkludi x-xogħol tat-traduzzjoni. Allura, x’aktarx li Glück kien l-uniku traduttur.It-traduzzjoni taʼ Glück kienet żvilupp importanti fil-kitba tal-lingwa Latvjana, però kien hemm riżultat li kien ħafna iktar importanti. Finalment, in-nies tal-Latvja setgħu jaqraw il-Kelma t’Alla bil-lingwa tagħhom stess u jieħdu t-tagħlim tagħha li jagħti l-ħajja. Huma ma nsewx dak li għamel Ernst Glück għan-nom tagħhom. Għal iktar minn 300 sena, in-nies t’Alūksne ħadu ħsieb żewġ siġar tal-ballut magħrufin bħala Glika ozoli, jew il-ballut taʼ Glück. Glück żeragħhom biex jikkommemora l-Bibbja bil-Latvjan. Hemm mużew żgħir f’Alūksne li fih diversi verżjonijiet tal-Bibbja, fosthom waħda mill-ewwel kopji li ġew stampati tat-traduzzjoni taʼ Glück. U fuq l-arma t’Alūksne tidher il-Bibbja kif ukoll is-sena 1689, meta Glück temm ix-xogħol tiegħu.
L-Aħħar Xogħol Tiegħu
Ftit wara li wasal il-Latvja, Glück beda jitgħallem ir-Russu. Fl-1699 hu kiteb li kien qed iwettaq xewqa oħra—dik li jittraduċi l-Bibbja b’din il-lingwa. F’ittra li kiteb fis-sena 1702, hu kiteb li kien beda jirrivedi l-Bibbja bil-Latvjan. Imma l-kundizzjonijiet ma kinux se jibqgħu favorevoli għat-traduzzjoni tal-Bibbja. Wara ħafna snin taʼ paċi, il-Latvja saret post taʼ battalja. Fl-1702 l-armati Russi għelbu lill-Isvediżi u ħadu l-kontroll fuq Alūksne. Glück u l-familja tiegħu ġew deportati lejn ir-Russja. * F’dak iż-żmien taʼ taqlib, Glück tilef il-manuskritti tal-Bibbja l-ġdida tiegħu bil-Latvjan u t-traduzzjoni tiegħu bir-Russu. Hu miet f’Moska fl-1705.
Il-fatt li l-verżjonijiet li ħarġu iktar tard bil-Latvjan u r-Russu sparixxew kien telfa kbira. Imma sal-ġurnata taʼ llum, kulmin jaqra l-Bibbja bil-Latvjan jibbenefika mit-traduzzjoni oriġinali taʼ Glück.
Ernst Glück huwa biss wieħed mill-ħafna li għamlu l-biċċa xogħol enormi taʼ li jittraduċu l-Bibbja b’lingwi mitkellma min-nies komuni. Minħabba f’hekk, individwi minn kważi kull tip taʼ lingwa fuq l-art jistgħu jaqraw il-Kelma t’Alla, u b’hekk jieħdu mill-ilmijiet tal-verità li fiha u li huma imprezzabbli. Iva, permezz taʼ l-edizzjonijiet tal-Bibbja f’iktar minn 2,000 lingwa, Ġeħova jkompli jagħmel lilu nnifsu magħruf man-nies taʼ kullimkien.
[Noti taʼ taħt]
^ par. 10 Biex nagħmlu xebh, 47 studjuż ħadmu għal sebaʼ snin biex ilestu l-Authorised Version, jew il-King James Version bl-Ingliż, fl-1611.
^ par. 14 It-tifla adottata taʼ Glück baqgħet ħajja wara mewtu u żżewġet lill-Kżar Russu Pietru l-Kbir. Fl-1725, is-sena li fiha miet Pietru, hi saret Katerina I, l-imperatriċi tar-Russja.
[Stampa f’paġna 13]
It-traduzzjoni taʼ Glück
[Stampa f’paġna 14]
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jgħallmu l-Bibbja fil-belt fejn Glück ittraduċieha