Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

Kellu saqajn is-​serpent li kellem lil Eva?

Bħalma hu mniżżel f’Ġenesi 3:​14, Alla Ġeħova indirizza lis-​serpent li qarraq b’Eva fil-​ġnien taʼ l-​Għeden. Alla qal: “Talli għamilt dan, misħut int fost il-​bhejjem kollha u fost l-​annimali salvaġġi. Għal żaqqek titkaxkar, u t-​trab taʼ l-​art tiekol il-​jiem kollha taʼ ħajtek.” Il-​Bibbja ma tgħidx speċifikament li l-​annimal użat biex jittanta lil Eva qabel kellu s-​saqajn imma mbagħad tilifhom. Waqt li l-​kliem taʼ Ġenesi 3:​14 jistaʼ jwassal lil xi wħud biex jaħsbu hekk, aħna m’għandniex neċessarjament nikkonkludu li qabel ma s-​serpent ġie misħut kellu s-​saqajn. Għala le?

L-iżjed minħabba li l-​mira tal-​ġudizzju taʼ Ġeħova primarjament kienet Satana​—l-​ispirtu inviżibbli li uża ħażin dak l-​annimal taʼ ftit li xejn importanza. Il-​Bibbja tiddeskrivi lil Satana bħala “missier il-​gidba” u “s-​serp oriġinali.” Dawn iż-​żewġ espressjonijiet milli jidher jirreferu għal Satana meta uża annimal viżibbli, serpent, bħala kelliemi tiegħu biex iħajjar lil Eva sabiex tikser il-​kmand t’Alla.​—Ġwanni 8:​44; Rivelazzjoni 20:2.

Alla ħalaq is-​serpenti, u Adam milli jidher tahom l-​isem serpent qabel ma Satana wettaq l-​att qarrieqi tiegħu. Is-​serpent li ma kellux il-​qawwa tar-​raġuni u li tkellem m’Eva ma kellux ħtija. Is-​serpent ma kienx jaf li Satana kien qiegħed jimmanipulah, u lanqas ma setaʼ jifhem il-​ġudizzju li Alla wettaq kontra l-​partijiet diżubbidjenti.

Mela, Alla għala tkellem dwar il-​kundizzjoni fiżika baxxa tas-​serpent? Il-​mod kif jaġixxi serpent fl-​ambjent naturali, jitkaxkar fuq żaqqu u joħroġ ilsienu bħallikieku qed jilgħaq it-​trab, jissimbolizza eżattament il-​kundizzjoni baxxa taʼ Satana. Peress li qabel kellu pożizzjoni għolja bħala wieħed mill-​anġli t’Alla, hu issa kien kundannat għal pożizzjoni baxxa li l-​Bibbja ssejħilha Tartaru.​—2 Pietru 2:4.

Barra minn hekk, bħalma serpent letterali jistaʼ jikkaġuna ferita fl-​għarqub taʼ raġel, Satana fl-​istat baxx tiegħu kien se ‘jisħaq għarqub’ in-​‘nisel’ t’Alla. (Ġenesi 3:​15) Il-​parti primarja taʼ dak in-​nisel deher biċ-​ċar li kien Ġesù Kristu, li sofra temporanjament taħt idejn l-​aġenti taʼ Satana. Imma r-​ras simbolika tas-​serpent sejra, fi żmien imwaqqat, tinsaħaq għalkollox minn Kristu u minn sħabu l-​Kristjani midlukin irxoxtati. (Rumani 16:20) Għalhekk, is-​saħta t’Alla lejn is-​serp viżibbli kienet b’mod xieraq tagħti stampa tal-​qagħda baxxa u tal-​qerda kompleta li se jġarrab is-​“serp oriġinali” inviżibbli, Satana x-​Xitan.