Mitluqin mal-Kurrent f’Baħar taʼ Valuri li Dejjem Jinbidlu
Mitluqin mal-Kurrent f’Baħar taʼ Valuri li Dejjem Jinbidlu
LEĠĠENDA popolari tgħid li kien hemm xi ħadd li kien jimxi fid-dawl tal-jum b’musbieħ f’idejh biex ifittex b’determinazzjoni imma għalxejn għal raġel li kellu morali tajbin. Dan kien jismu Dijoġene, filosfu li kien jgħix f’Ateni fir-rabaʼ seklu Q.E.K.
Ma nistgħux inkunu nafu jekk din il-leġġenda hijiex minnha jew le. Xorta waħda, li kieku Dijoġene kien ħaj illum, ma nissorprendux ruħna li kieku t-tfittxija tiegħu biex isib individwi taʼ morali għoljin kienet tkun saħansitra iktar iebsa. Ħafna donnhom ma jaqblux mal-fatt li n-nies għandu jkollhom valuri morali li jibqgħu dejjem l-istess. Għal darba wara l-oħra, il-mezzi tax-xandir jiġbdulna l-attenzjoni lejn ġrajjiet xokkanti—fil-ħajja privata, fil-gvern, fil-professjonijiet, fl-isports, fil-komunità tan-negozju, u f’oqsma oħrajn. Ħafna mill-valuri li kienu stmati ferm fil-ġenerazzjonijiet taʼ qabel m’għadhomx rispettati llum. Il-livelli stabbiliti qed jerġgħu jiġu eżaminati u spiss qed jiġu miċħudin. Valuri oħrajn huma rispettati fit-teorija imma mhux fil-prattika.
“Iż-żmien meta l-livelli morali kienu aċċettati minn kulħadd issa għadda,” jgħid Alan Wolfe, soċjologu tar-reliġjon. Ġie kwotat li qal ukoll: “Qatt fl-istorja ma kien jinħass daqs illum li b’mod ġenerali n-nies ma jistgħux jistrieħu fuq tradizzjonijiet u istituzzjonijiet li jiggwidawhom, moralment.” Rigward dawn l-aħħar mitt sena, il-Los Angeles Times innotat li dak li osserva l-filosfu Jonathan Glover, li r-reliġjon u l-liġijiet morali universali qed jonqsu, kellu sehem kbir f’li jġib il-kollass globali tal-vjolenza.
Madankollu, konfużjoni bħal din dwar valuri li normalment huma aċċettati, ma waqqfitx lin-nies milli jfittxu l-valuri morali. Ftit tas-snin ilu, Federico Mayor, li kien id-direttur ġenerali taʼ l-UNESCO, qal li “iktar minn qatt qabel, il-livelli morali jinsabu fuq quddiemnett taʼ l-inkwiet tad-dinja.” Imma l-fatt li d-dinja naqset milli tadotta valuri pożittivi ma
jfissirx li m’hemm ebda valuri tajbin li jistgħu u għandhom jiġu adottati.Imma jistgħu n-nies kollha jaqblu bejniethom dwar liema livelli għandhom jadottaw? Żgur li le. U jekk m’hemm ebda livelli li jaqblu bejniethom dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, kif jistaʼ individwu jeżamina kwalunkwe valur? Dawn il-morali relattivi huma popolari llum. Madankollu, int tistaʼ tara li din l-attitudni fir-realtà ma tejbitx il-morali b’mod ġenerali.
Paul Johnson, storjografu Ingliż, jgħid li din il-filosofija tal-morali relattivi għenet biex “iddgħajjef . . . is-sens żviluppat sew taʼ responsabbiltà persunali u taʼ l-obbligu lejn livell morali li hu stabbilit u verament tajjeb” li donnu kien jeżisti qabel il-bidu tas-seklu 20.
Imma allura huwa possibbli li ssib “livell morali li hu . . . verament tajjeb” jew li tgħix b’“liġijiet morali universali”? Hemm xi awtorità li tistaʼ tipprovdi valuri li ma jinbidlux u dejjiema li jistgħu jżidu l-istabbilità f’ħajjitna u jagħtuna tama għall-futur? L-artiklu li jmiss se jwieġeb dawn il-mistoqsijiet.